Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1127410
Sports 26 illum Il-Ħadd 9 ta' Ġunju 2019 minn Cristian Antony Muscat RACHELA Pace - atleta ewlenija Maltija li wara li kisbet suċċess fil- futbol, iddeċidiet li timbarka fuq karriera fl-atletika fejn kulma jmur qed tikseb suċċess liema bħalu. Hija nnifisha tatna iktar dettalji. "Minn meta kont żgħira, qatt ma kien jirnexxieli noqgħod bilqiegħda fuq siġġu u ma nagħmel xejn. Minn dejjem kont enerġetika ħafna. Kont inħobbu ħafna l-isport, u għalhekk tal- età żgħira ta' erba' snin kont iddeċidejt li nibda nipprattika l-futbol. Sena wara ddeċidejt li nibda nipprattika wkoll l-atletika. Il-futbol bdejtu meta darba, waqt li ħuti s-subien kienu qegħdin jilagħbu logħba futbol, il-kowċ tan-'nursery' avviċinani u qalli sabiex nibda nilgħab mal-klabb ta' Dingli Swallows, wara li kien rani nilgħab fl-istands. Domt nilgħab ma' Dingli Swallows għal xi sitt snin. Wara ddeċidejt illi mmur nilgħab mal-klabb tal-Imġarr, mat-tim tan-nisa. Dejjem kont nilgħab kemm maż-żgħar kif ukoll mal-kbar, u kont għal qalbi ħafna magħhom. Wara xi sena kont intgħażilt ukoll sabiex nilgħab mat-tim Nazzjonali Malti tan-Nisa u minn hemm bdejt nieħdu ħafna iktar bis-serjetà. F'Jannar li għadda kelli l-ewwel tournament internazzjonali tiegħi flimkien mat- tim nazzjonali tan-nisa ta' taħt is-16-il sena. F'dan it-tournament dejjem kont mal-ewwel 11 u fih irnexxieli niskorja gowl. Però, dak kellu jkun l-ewwel u l-aħħar tournament internazzjonali tiegħi għaliex fl-istaġun li għadda wara ħafna injuries li kien qed ikolli, ingħatajt parir mediku li nieqaf nipprattika wieħed minnhom. Iddeċidejt li nieqaf mill-futbol għaliex fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport, dħalt bl-atletika u xtaqt niffoka iktar fuqha. Ma kinitx deċiżjoni faċli però kienet deċiżjoni li kellha ssir u għalhekk iddeċidejt li nagħmel dan is-sagrifiċċju u waqaft mill-futbol. Fejn qabel kont nitħarrep ħames darbiet filgħodu u seba' darbiet filgħaxija, peress li jien nattendi l-Iskola Nazzjonali tal-Isport, issa bdejt nitħarreġ erba' darbiet filgħaxija u tliet darbiet filgħodu. L-atletika wkoll bdejt niprattikaha ta' età żgħira, ta' ħames snin. Bdejt l-atletika għaliex kont nitpaxxa nara lil oħti tittrenja, sakemm darba ddefist għat-trejning mat-tim tagħha. Minnhemm 'il quddiem, il-kowċ tagħha illi għadha l-kowċ tiegħi sal- lum, Angie Mangion, ipproponietli sabiex nibda l-atletika, u hekk għamilt. Mill-bidu nett bdejt nipprattika l-atletika bis-serjetà. L-ewwel kont nipprattika kollox - il-qbiż, il-ġiri u anke t-'throws'. Però, wara ftit żmien kont niffoka iktar fuq il-'long distance running', bħal pereżempju t-800 metru. Saħansitra kont ksirt ir-rekord Nazzjonali tal-1000 metru ta' taħt l-erbatax-il sena. Kont nieħu gost niġrihom għaliex peress li kont nipprattika l-futbol, ma kontx naqta' nifsi malajr. Sfortunamnet, mill-bidu tal-karriera tiegħi kont inbati minn irkoppti. Fil-fatt wara l-ewwel sena tiegħi fl-atletika żviluppajt injury li tissejaħ 'Jumpers Knee', li prattikament tfisser illi l-għadma ta' taħt il-patella m'għaqditlix, qisni għandi għadma mfarrka. Għalhekk kelli nieqaf mill- ġiri għal ftit taż-żmien. Din l-injury għadha ttellifni sal-lum. Wara bdejt niffoka fuq il-qbiż, partikolarment il-'High Jump għall- ewwel. Fil-'High Jump' ksirt ir-rekord Nazzjonali kemm ta' taħt l-14-il sena u kif ukoll ta' taħt is-16-il sena illi b'dan ir-rekord kont qbiżt ukoll aktar mir-rekord Nazzjonali tal-kbar, iżda peressli kont għadni żgħira fl-età, dan ir-rekord ma ġiex rikonoxxut. Permezz tal-'High Jump' kont irbaħt ukoll l-ewwel midalja internazzjonali tiegħi, ġewwa r-Repubblika Ċeka fil- Logħob Ewropew tat-Tfal (EKAG) fl- 2015, hemmhekk kont l-iżgħar atleta għal Malta u rbaħt midalja tal-bronż. Iktar 'il quddiem, bdejt niffoka ħafna fuq l-400 metru u dejjem kien irnexxieli nirbaħ u nikseb l-ewwel post. L-400 metru kienet togħġobni ħafna għaliex ma kontx biss tgħejja b'saqajk iżda wkoll mentalment għaliex trid tagħmel distanza, ejja ngħidu twila, kollha mgħaġġla u jekk taqta' qalbek probabbli ma tispiċċahiex, trid tkun b'saħħtek mentalment kif ukoll fiżikament. Minħabba l-injury li reġgħet dehret f ' irkoppti, kelli nieqaf minn din il-ġirja tant għal qalbi. Maż-żmien biddilt il-fehma tiegħi u bdejt niffoka fuq il-'Long Jump'. Fil-'Long Jump' irbaħt diversi medalji internazzjonali. L-ewwel waħda li rbħat kienet propju fl-istess Logħob Ewropej tat-Tfal fl-2017 fejn hemmhekk irnexxieli naqbeż qabża ta' 5.61m li dan kien ifisser rekord Nazzjonali ġdid ta' taħt is-16-il sena kif ukoll midalja tal-fidda. Fl-istaġun li għadda rnexxieli nerġa' nikser ir- rekord tiegħi stess b'qabża ta' 5.70m li dan kien ifisser ukoll li ġejt l-ewwel mhux biss fil-Kampjonati Nazzjonali taż-Żgħar iżda wkoll fil-Kampjonati Nazzjonali tan-Nisa tal-2018. Fl-istess staġun ikkompetejt fil-Logħob tal- Iżoli taż-Żghar (COJI) fl-2018 ġewwa Sqallija fejn hemmhekk irnexxieli nikseb il-medalja tal-fidda. Flimkien ma' sħabi wkoll irnexxilna nirbħu l-midalja tad-deheb fis-'Swedish Relay'. Iktar tard fl-istess staġun, ħadt sehem ukoll fil-Logħob tal- Federazzjoni Internazzjonali tal-Isport tal-Edukazzjoni Kattolika (FISEC) ġewwa l-Belġju fejn irabħt il-midalja tal-fidda, ċentimetru biss 'il bogħod mill-midalja tad-deheb. Ħadt sehem ma' sħabi fil-4x100m Relay u ksibna midalja tal-fidda. Flimkien mal-'Long Jump' nagħmel ukoll il-ġiri ta' distanza qasira, minn 200 metru 'l isfel. Dawn nagħmilhom sabiex jgħinuni ntella' s-saħħa fil- ġiri sabiex imbagħad din is-saħħa napplikaha wkoll fil-qabża u nkompli nżid id-distanza. Ma niddejjaqx nagħmilhom il-ġirjiet qosra, anzi qegħdin isiru għal qalbi. Għas-sena d-dieħla għandi żewġ avveniment ippjanati, wieħed ġewwa Londra u l-ieħor ġewwa l-Latvja. Nispera li dawn jgħinuni għall- kwalifikazzjoni għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa. Bħala stat akkademiku jien qiegħda fil-ħames sena tal-iskola sekondarja u nattendi l-Iskola Nazzjonali tal- Isport li tinsab ġewwa Pembroke. Hija naqra diffiċli biex tqassam sewwa l-ħin, speċjalment fi żmien l-eżamijiet imma trid tagħmel ħafna sagrifiċċji. S'issa qatt ma ksibt riżultati ħżiena fl-iskola għaliex naħdem ħafna u naf inqassam sewwa l-prijoritajiet tiegħi. Ġewwa l-Iskola Nazzjonali tal-Isport qiegħda għal qalbi ħafna. F'din l-iskola niffokaw fuq l-isport u kif ukoll fuq l-affarijiet akkademiċi. Ġewwa l-iskola, jien ikolli sessjoni ta' taħriġ ta' bejn wieħed u ieħor sagħtejn kull nhar ta' Tlieta u żewġ sessjonijiet ta' siegħa u nofs kull nhar ta' Erbgħa u Ħamis. Ġewwa l-Iskola jkollna wkoll sessjonijiet mal-Psikologa tal-isport, Dr Adele Muscat, iżda jkollna ukoll sessjonijiet ma' Lara Gerada fuq il-qasam ta' Nutrizzjoni. Ġieli jiġu wkoll nies sportivi sabiex jaqsmu l-esperjenza tagħhom magħna u sabiex jagħtuna xi pariri fuq kif għandna nqassmu l-ħin tagħna u fuq kif għadna inqasmu l-prijoritajiet. Madankollu, mingħajr is-sapport tal-familja, dan ma kienx ikun possibli. Il-familja hija pedament importanti ħafna għalija. Ommi u missieri jieħdu ħafna paċenzja bija f 'sens ta' finanzi u anke bħala ġiri 'l hemm u 'l hawn. Mill-banda l-oħra, ħuti wkoll jgħinuni ħafna billi jissapportjawni u jgħinuni sabiex ma naqta' qalbi qatt, lanqas fl-aktar żminijiet diffiċli. Mingħajr il-familja ma kontx nagħmel u nikseb ir-riżultati li ksibt! Il-ħajja ta' sportiv jew sportiva mhix waħda faċli. Hemm ħafna sagrifiċċji li wieħed irid jieħu sabiex jirnexxi fil-qasam sportiv. Però ħadd m'għandu jaqta' qalbu, għax bħalma wasal ħaddieħor jasal kulħadd, u jien m'għandix intenzjoni li naqta' qalbi!" Minn suċċess fil-futbol għal ieħor fl-atletika Rachela Pace