Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1137601
Sports 28 GIOVANNI Galea - magna ta' gowls għal Fgura United u li kien xprun ewlieni biex it-tim tiegħu jikseb il-promozzjoni għall-Ewwel Diviżjoni. Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol? L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet minn mindu kont żgħir. Ta' erba' snin kont diġà nittrenja u minn dejjem kont insegwi fuq it-televixin kwalunkwe logħba li jkun hemm. X'tikkummenta fuq l-esperjenza preżenti tiegħek ma' Fgura Utd? Fit-tim ta' Fgura Utd hemm grupp ta' nies fil-kumitat u anke staff tekniku li jafu x'inhuma jagħmlu u jridu verament il-ġid lill-klabb. Aħna l-plejers ma jonqosna xejn u verament hemm atmosfera ta' familja li tgħaqqad lil kulħadd, anke lill-partitarji flimkien ma' min jaħdem ta' kuljum għall- akbar ġid tal-klabb. Nitkellmu dwar l-aħħar staġun ta' Fgura Utd. X'taħseb dwar dak kollu li wrejtu matul l-aħħar staġun? Naħseb li l-promozzjoni fl- aħħar staġun kienet importanti. Il-klabb investa sew u dak li lħaqna lkoll flimkien kien suċċess għall-klabb. Bla dubju, għall-istaġun li ġej, għandna għadma iktar iebsa però nemmen li bil-ħidma u l-atmosfera li hemm f 'dan il- klabb, għandna nilħqu t-tragward tagħna anke s-sena d-dieħla. X'taħseb li kien is-sigriet tas- suċċess biex bħala Fgura Utd ksibtu l-promozzjoni għall- Ewwel Diviżjoni? Bla dubju kienet l-għaqda. Kumitat, staff tekniku, plejers u l-partitarji kienu ħaġa waħda mill-bidu sal-aħħar. Taqbel li hemm differenza ta' livell bejn it-timijiet ta' fuq u dawk ta' taħt? Fl-aħħar mill-aħħar nemmen li l-punti fl-aħħar tal-istaġun ma jkunux hemm b' kumbinazzjoni. Jista' jkun li jkollok xi logħob fejn ikun jixraqlek iktar, però kull klabb se jkollu minnhom dawn il-partiti. Nemmen li fl-aħħar tal-istaġun, kulħadd jieħu dak li jkun ħadem għalih u din is-sena ma kienet differenti xejn mill-bqija. Taħseb li l-barranin li qed jiġu mhux dejjem qed ikunu ta' livell ikkomparati mal-plejers Maltin? Din hija mistoqsija diffiċli biex tirispondi għaliex kulħadd jinvesti f 'barranin differenti. L-għan tal-barranin hu li jgħolli l-livell u kull sena jkun hemm barranin li jfallu milli jagħmlu dan, u barranin li jirnexxielhom jagħmlu dan. Kemm int kuntent bil-grawnds fejn tilagħbu l-logħob tal- kampjonat tat-Tieni Diviżjoni? Il-grounds huma dawk li huma, fi spazju limitat bħal ta' Malta u ħafna partiti li jintlagħbu f 'diversi diviżjonijiet, li jistgħu anke jinkludu l-Youth FA, nemmen li ħafna mill-klabbs jagħmlu dak kollu li jistgħu biex il-partiti jintlagħbu f 'livell tajjeb kemm jista' jkun. X'taħseb dwar il-kontroll tar- referis matul l-aħħar staġun? M'għandix dubju li kemm ir- referis u anke min imexxihom qed jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jibqgħu jgħollu l-livell. Huwa stat ta' fatt li ċerti partiti jkunu kundizzjonati minn deċiżjonijiet tar-referis però dik rajnieha anke kemm-il darba f ' livell ħafna iktar għoli minn dak li qed nitkellmu fuqu. Nemmen li ħafna mir-referis jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jikkontrollaw il-logħba bl-aħjar mod possibbli, bħalma aħna l-plejers nagħmlu dak kollu possibbli biex nirbħu l-partiti tagħna, imma mhux dejjem jirnexxielna. X'inhuma s-sagrifiċċji li plejer tal-futbol irid jagħmel sabiex ikun tajjeb? Is-sagrifiċċji huma ħafna. Jekk wieħed jaħseb biss fil-ħin li jagħmel 'il bogħd mill- familja, diġà huwa sagrifiċċju kbir. Naturalment, biex titjieb bħala plejer dak hu biss il-bidu. Ħafna taħriġ fuq livell għoli, dedikazzjoni u tiekol kemm jista' jkun f 'ħinu u f 'waqtu huma tlieta mill-affarijiet bażiċi biex tkompli titjieb bħala plejer. Kif jirnexxielek tlaħħaq max- xogħol tiegħek u mal-futbol? Ix-xogħol naturalment jieħu ħafna ħin u saħħa - dan kollu qabel tmur għat-taħriġ. Kuljum ix-xogħol ikolli miegħi l-affarijiet tal-futbol u nibqa' sejjer eżatt wara u m'għandix dubju li ħafna plejers jinsabu f 'sitwazzjoni simili. L-imħabba lejn il-futbol hi waħda kbira u b'hekk hi stimolu kbir biżżejjed sabiex inkompli l-karriera tiegħi ta' plejer, anke wara ġurnata xogħol. Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol? Illum il-ġurnata ta' 28 sena, nemmen li fadalli ħafna żmien fil-futbol, sakemm tagħtini s-saħħa u nħossni kuntent bir- riżultati li nġib fil-grawnd. Bla dubju, il-klabb tal-Fgura din is-sena tani ħafna u nixtieq indum kemm jista' jkun nifforma parti minn dan il-klabb. Jekk inħares naqra iktar 'il quddiem u meta jasal iż-żmien li nirtira, nibqa' involut kemm jista' jkun u għandi pjanijiet anke li nibda t-triq tal-kowċing. Nixtieqek tgħaddi l-aħħar messaġġ lil dawk it-tfal u / jew żgħażagħ li qed jaqraw din l-intervista u li bħalek jixtiequ jagħmlu karriera ta' suċċess fil- futbol. Is-sigriet hu dak li m'għandek taqta' qalbek qatt. Il-ħajja matul is-snin tagħtik ħafna raġunijiet għaliex għandek tieqaf jew ma tagħtix il-massimu fil-futbol, però l-imħabba lejn il-futbol għandha tkun ikbar minn dan kollu u dejjem taħdem biex issir plejer aħjar, sakemm fl-aħħar jirnexxilek tilħaq dak li tkun ilek taħdem għalih. Meta jiġri hekk, is sagrifiċċji kollha tinsihom u l-fatt li tkun wasalt fejn xtaqt, hi ħaġa ta' stimolu kbir. illum Il-Ħadd 30 ta' Ġunju 2019 'Fgura United investew u dak li lħaqna lkoll flimkien kien suċċess' It-tim ta' Fgura United minn Cristian Antony Muscat