Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1137601
7 Aħbarijiet Il-Ħadd 30 ta' Ġunju 2019 | illum X'inhu l-irwol tiegħek fil- Partit Nazzjonalista? U kemm ilek timmilita fih? Mill-1 ta' Lulju ta' din is-sena, se nibda nservi bħala Minority Leader għall-Kunsill Lokali ta' Birkirkara f 'isem il-Partit Nazzjonalista. Għandi wkoll kull intenzjoni li nersaq għall- elezzjonijiet ġenerali tal-2022 fuq it-8 distrett, id-distrett li fih ikkontestajt ukoll fl-2017. Ilni naħdem – il-kelma 'nimmilita' hija kelma li ma narahiex tappella għall-politika – b'ħafna rieda u impenn fil-Partit Nazzjonalista għal dawn l-aħħar 6 snin. Il-PN tilef l-elezzjoni tal- Parlament Ewropew bil-kbir, l-akbar telf fl-istorja. Taħseb li Adrian Delia għandu jirreżenja? Le, madankollu għandu jerfa' r-responsabbiltà ta' din it-telfa flimkien mal-amministrazzjoni. Iżda importanti ħafna nifhmu li meta qed ngħidu "jerfa' r-responsabbiltà", din ma tfissirx li jirriżenja, imma li jqis l-importanza tiegħu bħala Kap tal-Partit li kellu l-irwol ewlieni fil-kampanja elettorali u l-messaġġ li twassal lill-elettorat. Min aktar taħseb li għandu jġorr responsabbilità ta' din it-telfa? L-elezzjonijiet ma jirbaħhomx Kap ta' Partit, imma Partit sħiħ. Il-Partit Nazzjonalista huwa organu politiku massiv u nistgħu narawh bħala struttura li fiha diversi sottostrutturi li lkoll għandhom responsabbiltajiet differenti. Għalhekk, mhux lakemm wieħed jipponta sebgħu lejn il-Kap jew lejn l-Amministrazzjoni, għaliex kulħadd għandu sehem biex tintrebaħ elezzjoni, għaldaqstant kulħadd għandu jerfa' r-responsabbiltà meta tintilef elezzjoni għax elezzjoni tintilef aktar milli tintrebaħ. Madankollu, l-Amministrazzjoni trid tagħmel analiżi oġġettiva – u għalhekk għandha tassigura li ma tkun bl- ebda mod suġġettiva għaliex inkella tkun ukoll emottiva u fi kwistjoni analitika-xjentifika l-emozzjoni mhix iġġustifikata – sabiex tara x'kienu r-raġunijiet għat-telfa, imma mingħajr ma tinjora qatt il-fattur tant importanti li ġeneralment qatt ma jiġi kkunsidrat: l-oppożizzjoni fl-elezzjoni, f 'dan il-każ il-Partit Laburista li għaddej mill-aħjar mument tiegħu fi Storja Politika ta' aktar minn 100 sena. Imma mbagħad, id-Deputati u l-Kandidati wkoll iridu jerfgħu r-responsabbilità tagħhom, l-aktar dawk li naqsu li jaħdmu bis-sħiħ sabiex jinkiseb l-aħjar riżultat, u dawk li kellhom id-dmir politiku, u l-obbligu morali li jkunu l-ambaxxaturi tal-messaġġ politiku li pprova jwassal il-Partit waqt il- kampanja elettorali. Partit politiku huwa bħal logħba futbol, jekk id-difiża ma kinitx organizzata, jista' jkollok lill-aqwa goalkeeper għaliex xi darba, se jogħtor għall-pressjoni u jaqla' l-gowls. Inħoss li iva, ħafna Deputati u Kandidati (kemm għall-Kunsilli Lokali u kemm għall-Parlament Ewropew) ma kinux sinkronizzati mal-aġenda tal-Partit Nazzjonalista u ma tawx il-100% tagħhom. Dawn allura, mhux ukoll iridu jerfgħu r-responsabbiltà tagħhom? Għaliex kulħadd iħoss li għandu sehem fir-rebħ, imma jipponta sebgħu fit-telf u jfarfar kull responsabbilità? Ma taħsibx li l-PN għamel żbalji kardinali fil-kampanja tal-aħħar elezzjoni li saret ix-xahar li għadda? L-abort pereżempju. Ma taħsibx li kien żball illi l-partit baqa' jtambar tant fuqu? Personalment tgħallimt inkun oġġettiv anke jekk mhux dejjem possibbli. Inħoss li l-Partit Nazzjonalista ma kellux kampanja elettorali li tispira lin-nies li mhumiex tradizzjonalment votanti Nazzjonalisti, anke jekk kien hemm spunti u mumenti fejn kien qed iwassal messaġġ pożittiv. Id-diffikultà tal-Partit Nazzjonalista, u din hija dejjem waħda mid-diffikultajiet fil-politika, kienet il-metodu ta' kif twassal il-messaġġ. Naħseb li l-Partit Nazzjonalista ma ftiehemx la meta tkellem dwar l-abort u lanqas meta tkellem dwar il-kura tal-kanċer u t-tassazzjoni komuni għall-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea anke jekk dawn kienu kollha argumenti validi u Ewropej, għall-kuntrarju tal-Partit Laburista li kellu biss viżjoni lokali u għamel kampanja jiddefendi l-interessi tiegħu u jxejjen l-argumenti tal-Partit Nazzjonalista. Il-kwistjoni tal-abort, iva kienet imġebbda, u f 'xi mumenti esaġerata u kultant fakkritni fl-argumenti kontinwi u mġebbda tal- 'Egrant' fi żmien l-elezzjoni ġenerali tal-2017. Il-Partit Nazzjonalista għandu komunikatur tajjeb ħafna ħafna f 'Adrian Delia, imma naqas milli jutilizzah bl-aħjar mod possibbli. Il- media tal-Partit, media li mhix tilħaq biżżejjednies kienet (u tibqa') ukoll żvantaġġ għaliex il-messaġġ tiegħek ma tistax twasslu permezz tal-istazzjon nazzjonali. Għal darb'oħra, il-media soċjali ma kinitx utilizzata bl-aħjar mod possibbli, u ma kienx hemm kordinazzjoni bejn il-kandidati għall- Parlament Ewropew sabiex jitwassal messaġġ wieħed. Kien hemm ukoll il-problema – illum evidenti aktar – ta' kandidati li ma ħadmux għall-istess għan, kemm fuq livell Ewropew u kemm fuq livell lokali. Allura, inutli jkollok messaġġ tajjeb, jekk mhux kulħadd iżomm u jqis l-interess tal-Partit l-ewwel. Inti għalliem. Fost l-għalliema kien hemm rabja għall- Gvern, kif kien hemm fost l-ambjentalisti, fost oħrajn. Għalfejn dawk il-faxex li ma jaqblux mal- Gvern ma vvutawx lill-PN? Għal darb'oħra, irid ikollok partit li jidher quddiem l-elettorat bħala Partit pożittiv sabiex jattira. L-instabbilità ġġib magħha element ta' biża', u allura bħalissa, min iħares lejn il-Partit Nazzjonalista jinnota din l-instabbilità li ma tispirahx. Partit Politiku jrid jispira lill-elettorat, u l-Partit Nazzjonalista sfortunatament lanqas irnexxielu jispira lil dawk li fdawh bil-vot sentejn qabel fl-2017. Allura ma niskantax, li minkejja li f 'pajjiżna għandna kollass ambjentali, kollass fl-iżvilupp edukattiv u kollass fl-immigrazzjoni fost oħrajn, il-poplu għażel il-kontinwità ta' Joseph Muscat u l-Partit Laburista. Isir Kunsill Ġenerali u jrid ikun deċiż il-futur ta' Adrian Delia. Xi jkun l-appell tiegħek lill-Kunsilliera? Jekk kemm-il darba nkun imsejjaħ biex nivvota f 'Kunsill Ġenerali f 'vot ta' fiduċja fil-Kap tal-Partit, jiena nagħżel li nivvota għall-Partit Nazzjonalista u mhux għall-individwu. Inqis lil Adrian Delia bħala politiku li jrid jipprometti, li għandu l-ideat, l-enerġija u d-determinazzjoni għall-Partit imma fl-istess waqt ninnota li kellu ħafna diffikultajiet interni. Issa huwa l-mument li jersaq quddiem il-Kunsill Ġenerali, jirbaħ vot ta' fiduċja – ma għandi ebda dubju li ma jingħatax il-fiduċja assoluta – u jkollu punt tat- tluq, biex minn hemm jibda verament jasserixxi lilu nnifsu bħala Kap tal- Partit. Minn hemm iridu jittieħdu deċiżjonijiet iebsa – anke iebsa ħafna – bidliet strutturali u strateġiċi sabiex il-Partit jibda jiġġedded sa fl-aħħar. Il-Partit Nazzjonalista kellu 3 Kapijiet tal-Partit f 'kemm ilu Joseph Muscat imexxi lill-PL, u naħseb li dan wassal għal instabbilità politika fil-Partit li minnha ma ggwadanja ħadd. Jekk kellek tistaqsini kontx naqbel li Simon Busuttil jirriżenja wara l-Elezzjoni Ġenerali li għaddiet, kont immur għall-kontinwità u nwassal bih sal- 2022, għaliex 4 snin tat-tmexxija tiegħu kienu ftit, sena u nofs ta' Adrian Delia, huma ftit bil-wisq aktar. L-instabbilità interna qiegħda xxekkel lill-Partit milli jagħmel avvanzi mal- elettorat. Allura l-appell huwa wieħed, anke jekk il-vot jittieħed fil-Kunsill Ġenerali, kulħadd irid iqis li t-tesserati taw lil Delia mandat ta' 5 snin u għandhom ikunu rispettati, imma kulħadd għandu jivvota b'kuxjenza u b'konvinzjoni u jżomm il-lealtà lejn il- Partit Nazzjonalista l-ewwel qabel kull individwu. Bla ebda dubju, il-Partit Nazzjonalista jista' jaħdem u jirnexxi b'Adrian Delia bħala Kap tal-Partit. Ma taħsibx li xi ħadd bħal Claudio Grech jew Roberta Mestola jew Bernard Grech jistgħu jiksbu riżultati aħjar għall-PN? Dawn il-kollegi tiegħi huma kollha persuni validissimi ħafna u li kollha narahom fil-pożizzjoni ta' Kap ta' Partit, madankollu ntenni, li fil- mument il-Partit Nazzjonalista, ikollu lil min ikollu Kap, għandu bżonn l-unità. Dan mhuwiex il-mument li jinbidel il-Kap tal-Partit, imma huwa l-mument li fih il-Partit Nazzjonalista jirristruttura lilu nnifsu kompletament biex ikun organizzat għall-elezzjoni li jmiss. Madankollu importanti li Adrian Delia jkun ikkonfermat Kap tal-Partit sabiex ikollu l-punt tat-tluq u jxejjen kull dubju u inċertezza. Jekk le, jekk il-Partit Nazzjonalista jibqa' għaddej minn din l-instbbilità interna, jitlef kull tama li jkollu s-sehem demokratiku li huwa obbligat lejh mistenni minn Oppożizzjoni. Fejn ikun Justin Schembri fil- PN jekk Delia ma jibqax Kap? L-elettorat Karkariż tani mandat b'saħħtu sabiex nirrappreżentahom fil-Kunsill Lokali sal-2024, u dan huwa l-obbligu tiegħi. Sadanittant se nkun qed naħdem u se nagħti sehmi biex il-Partit Nazzjonalista jkun rilevanti biżżejjed biex jirbaħ il-fiduċja tal- elettorat u jirbaħ il-maġġoranza, ikun min ikun il-Kap tal-Partit. Justin Schembri 'Il-kampanja mġebbda dwar l-abort fakkritni fil-kampanja mġebbda dwar Egrant' Justin u Wayne dwar il-PN bħalissa