Illum previous editions

ILLUM 11 August 2019

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1153835

Contents of this Issue

Navigation

Page 17 of 31

M al-għadd ta' miżuri u wkoll liġijiet li daħħalna biex insaħħu d-demokrazija, is-saltna tad-dritt u biex inkomplu dejjem intejbu fuq dak li diġà implimentajna, dil-ġimgħa komplejna b'aktar miżuri. Fil-fatt twettqet wegħda oħra elettorali bil-promulgazzjoni ta' avviż legali li waqqaf Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati. L-għan huwa li tiżdied l-awtonomija amministrattiva u li jiġu mmodernizzati iktar is-servizzi li jiġu offruti liċ- ċittadin fejn jidħlu l-Qrati ta' pajjiżna. Ir-riformi fil-Qasam tal- Ġustizzja minn dejjem kienu ċentrali fil-ħidma ta' dan il-Gvern. It-twaqqif ta' Aġenzija għas- Servizzi tal-Qrati huwa pass ieħor fir-riformi li saru u li se jkomplu jsiru għat-tisħiħ tas- saltna tad-dritt. Permezz ta' Aġenzija tal- Gvern li tieħu ħsieb l-operat amministrattiv tal-Qorti, id- deċiżjonijiet amministrattivi se jittieħdu b'iktar awtonomija u b'iktar effiċjenza. Fil-fatt, f 'Novembru li għadda, meta l-Kummissjoni Ewropea kienet qiegħda tagħmel l-istħarriġ tal- European Semester, ħeġġet lill-awtoritajiet Maltin biex jikkunsidraw li l-amministrazzjoni tal-Qorti tinqata' mill-Gvern Ċentrali u ssir waħda iktar awtonoma, fis-sens li jkun hemm iktar distanza bejn il-Gvern u l-operat amministrattiv. Din il-bidla allura se tkun tista' twassal ukoll għall- immodernizzar tal-Qrati inkluż il-possibbilità li l-amministrazzjoni tal- Qrati tintroduċi sistema ta' komunikazzjoni tal-midja biex il-Qorti timxi maż-żminijiet tal-lum, tkun aktar dinamika u tittrasforma ruħha skont l-esiġenzi tas-servizz mitlub minnha. L-għan aħħari tal-Aġenzija huwa li toffri l-aħjar appoġġ amministrattiv għall- ġudikatura u l-uffiċjali kollha tal-Qrati filwaqt li toffri servizz effiċjenti u effettiv liċ-ċittadin li jkollu l-ħtieġa li juża s-servizzi tal-Qrati. Il-miżuri kollha meħtieġa biex bit-twaqqif tal-Aġenzija ttieħdu, id-drittijiet kollha tal-impjegati ta' dak li sal-lum kien jissejjaħ id-dipartiment tal- Qrati, jiġu ssalvagwardjati. Dan kollu qiegħed isir u se jibqa' jsir biex dejjem aktar tissaħħaħ is-saltna tad-dritt u biex iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin jibbenefikaw minn servizz aktar effiċjenti f 'dak li jirrigwardja l-qasam tal- Ġustizzja. Kif dejjem ktibt, dan il-Gvern ma jiddejjaqx mir-riformi. Ma jiddejjaqx idaħħal miżuri li jkomplu jtejbu s-sistemi tal- pajjiż, wisq anqas meta jiġi biex itejjeb il-qasam tal-Ġustizzja u s-Saltna tad-Dritt. *** Avvenimnet kulturali li llum il-ġurnata huwa mistenni ferm huwa l-karnival tas-sajf, li din is-sena se jsir bejn it-23 u l-25 ta' Awwissu. Festivals Malta, fi ħdan il-Ministeru, tieħu ħsieb ittella' dan l-avveniment. Din is-sena wkoll, il-karnival tas-sajf se jikber, għaliex se jinfirex ukoll, għall-ewwel darba, f 'Birżebbuġa. Avvenimenti bħall-karnival tas-sajf jgħinu biex insaħħu l-kalendarju kulturali lokali matul dan iż-żmien tas-sena. Iċ-ċelebrazzjonijiet tal-karnival huma mistennija mill- komunità lokali kif ukoll minn dawk li jżuruna u permezz tal-karnival tas-sajf mhux biss qegħdin insaħħu inizjattiva unika imma qegħdin nilħqu aktar membri tal-komunità permezz tal-organizzazzjoni ta' avvenimenti ta' din is-sura f 'lokalitajiet differenti u nilħqu udjenza usa', filwaqt li nagħmlu l-karnival tas-sajf aktar aċċessibbli. Din hija waħda mill- prijoritajiet fil-qasam tal- kultura. Dik li l-kultura nagħmluha aktar aċċessibbli għal kulħadd. Qegħdin naraw li nressqu l-kultura aktar lejn iċ-ċittadin u fl-istess ħin ninvolvu ż-żgħażagħ tagħna, ħalli nindokrawhom f 'dawk li huma tradizzjonijiet u kultura Maltija. Qed ngħid hekk għaliex inizjattiva oħra ta' Festivals Malta għall-karnival tas-sajf kienet il-kollaborazzjoni tal-Università mal-istudenti tal-MCAST. Studenti ġew mistiedna li jressqu illustrazzjonijiet artistiċi li jirrappreżentaw il-karnival tas-sajf li se jintuża għal skop promozzjonali. Din l-inizjattiva hija waħda minn bosta li qegħdin isiru minn Festivals Malta biex tintlaħaq udjenza usa' u biex jinħolqu punti ta' kuntatt biex il-membri żgħażagħ tal- komunità jistgħu jipparteċipaw. Il-karnival tas-sajf huwa organizzat b'kollaborazzjoni ma' diversi kunsilli lokali, u kkaratterizzat minn parata mat- toroq fi rħula ħdejn il-baħar. Total ta' 13-il karru, li wieħed minnhom ġej minn Għawdex, kif ukoll 5 skejjel taż-żfin se janimaw l-avvenimenti ta' din is-sena. Kif għidt, din is-sena se nieħdu l-karnival tas-sajf f 'Birżebbuġa għall-ewwel darba, b'parata mat-toroq b'varjetà ta' karrijiet dekorattivi akkumpanjati minn gruppi ta' żeffiena. Il-karnival tas-sajf se jibda f 'Buġibba nhar it-23 ta' Awwissu fis-7:30pm bil-Gran Defile li jibda minn Dawret il-Gżejjer. Id-defile tas-Sibt se jibda minn fejn is-Santana Hotel fis-7:30pm fejn imbagħad se jimxi lejn Islet Promenade, li jara l-qofol tiegħu fil-pjazza ta' Buġibba. Is-Sibt, il-karnival tas- sajf se jkun preżenti wkoll f 'Birżebbuġa. Il-parata se tibda fis-7:30pm mill-venda tal-linja u se timxi max-xatt tal-Bajja s-Sabiħa. Il-Ħadd, ikun imiss Marsaskala bl-isfilata, li se jkollha wkoll il-parteċipazzjoni tal-Banda Sant'Anna, se tieħu rotta ġdida, miż-Żonqor għaċ-ċentru ta' Marsaskala fis- 7:30pm. Dan huwa avveniment kulturali ieħor li permezz tiegħu qed inżommu t-tradizzjonijiet tagħna ħajjin, filwaqt li nagħtuhom ukoll aspett differenti. Filwaqt li l-karnival huwa sinonimu max-xitwa, imma l-popolarità tiegħu fis-sajf qiegħda tikber u tara wkoll il-parteċipazzjoni ta' udjenza aktar wiesgħa. *** Matul ix-xhur tas-sajf qed noħolqu attivitajiet kulturali li jikkumplimentaw dawk li diġà huma stabbiliti, u tant imfittxija. Imma qed nagħtu wkoll sostenn lil attivitajiet kulturali sajfin li jittellgħu minn għaqdiet imxerrda mal-pajjiż. Fil-ġimgħat li għaddew kellna diversi minnhom, li b'sodisfazzjon ngħid li kienu suċċess u għalhekk kburi li l-Ministeru ta wkoll is-sostenn u l-kontribut tiegħu. Qed ngħid dan għaliex nemmen bis-sħiħ fil-kwalità tal-produzzjonijiet lokali, li kulma jmur qed tiżdied il-professjonalità tal-mod kif ikunu organizzati. Din il-ġimgħa ħadt gost inżur il-provi tal-ispettaklu tant mistenni 'Il-Kbir Għadu Ġej'. Grazzi għal inizjattivi ta' din is-sura, qegħdin nippromovu u nsaħħu l-produzzjonijiet lokali. L-istrateġija kulturali tagħna qiegħda tipprovdi aktar pjattaformi fi ħdan is-settur, u permezz ta' proġetti ta' din is-sura mhux biss qegħdin insaħħu s-settur, imma qegħdin nipprovdu aktar lok biex inwasslu produzzjonijiet oriġinali u nagħmlu l-arti u l-kultura aktar aċċessibbli għas- soċjetà. Permezz tal-Kunsill Malti għall-Arti, il-ministeru qiegħed jassisti fl-ikkummissjonar ta' produzzjonijiet mużikali teatrali oriġinali bil-Malti, billi jagħti sapport lil spettakli bħal 'Il-Kbir Għadu Ġej', filwaqt li jappoġġja lil talent lokali ġdid u żgħażagħ li jaħdmu ma' artisti stabbiliti. 'Il-Kbir Għadu Ġej' huwa musical oriġinali bil-Malti, miktub minn Malcolm Galea. Il-kanzunetti kollha jagħmlu parti mid-diskografija estensiva tar-re tar-rock 'n roll Malti, Freddie Portelli. Bid- direzzjoni ta' Sean Buhagiar, u arranġament mużikali ta' Dominic Galea, dan il-musical qiegħed iqajjem eċitament kbir fost il-ħafna nies li jafu bih. Aktar u aktar meta naraw li ghandu wkoll atturi, kantanti u żeffiena popolari u professjonali u bit-tim kollu tal-musical magħmul minn mill-inqas 100 ruħ. 'Il-Kbir Għadu Ġej' beda l-ġimgħa u hemm rappreżentazzjoni wkoll illum. Imma hemm ukoll rappreżentazzjonijiet oħra bejn l-14 u t-18 ta' Awwissu f 'Dar il-Mediterran fil-Belt Valletta. Din l-attività għandha l-appoġġ tal-Kunsill Malti għall-Arti, fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali. Owen Bonnici huwa l-Ministru għall-Ġustizza, il- Kultura u l-Gvern Lokali OWEN BONNICI illum | Il-Ħadd 11 ta' Awwissu 2019 18 Opinjoni Inkomplu nsaħħu s-Saltna tad-Dritt Titwaqqaf l-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 11 August 2019