Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1153835
19 Il-Ħadd 11 ta' Awwissu 2019 | illum Editorjal Editorjal ILLUM, MEDIATODAY LTD, VJAL IRRIĦAN, SAN ĠWANN SĠN 9016 Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075 Ittri u Kummenti, Imejl: illum@mediatoday.com.mt Editur: Albert Gauci Cunningham W ieħed, miż-żewġ sondaġġi li qed nippubblikaw illum, jiġifieri dak f 'paġni 6 u 7 għandu verament għaliex jinkwetana u jġegħelna naħsbu u nirriflettu u naraw fejn bħala pajjiż u l-Gvern u l-entitajiet tiegħu, qed ifallu. Li ftit iktar minn 80% f 'sondaġġ xjentifiku jgħidu li jippreferu l-karozza, filwaqt li ftit inqas minn 17% biss qalu illi jippreferu t-trasport pubbliku huwa sinjal ċar li l-maġġoranza assoluta tan-nies jemmnu illi b'tal-linja mhux vera jaqbillek. B'toroq iġġammjati bit-traffiku, kuljum, kważi kullimkien dawn iċ- ċifri aktar u aktar għandhom għalfejn jallarmawna. Imma għaliex? X'inhu jiġri? L-ewwel nett, nammettuha jew le, f 'dan il-pajjiż għandna kultura sħiħa tal-karozza, fejn huwa naturali li mal- ewwel sigħat ta' meta tagħlaq 18-il sena jkollok karozza. Familja ta' tlieta jkollha tliet karozzi, ta' ħamsa jkollha ħames karozzi u nibqgħu sejrin hekk. Il-kultura tal-karozza: jiġifieri dak il-vizzju li anke biex tmur s'għand tal- grocer jew sal-quddies, ħames minuti 'l bogħod, bilfors irridu l-karozza. Il-kultura tal-karozza: jiġifieri li din aħna, jew ħafna minnha, mhux biss nużawha imma nagħtuha valur soċjali. Jiġifieri li karozza ssir simbolu tal- istatus, il-poter u l-mezzi ta' persuna. Mela l-fatt li bħala poplu għandna affinità partikolari lejn il-karozzi hija l-ewwel problema. It-tieni, il-Gvern, kwalunkwe Gvern, dejjem ħaddem politika li nkoraġġiet mhux skoraġġiet il-karozzi. Kull meta fil-passat gvern għolla l-liċenzji, il-partit fl-oppożizzjoni qajjem l-irwiefen. Mela allura l-affinità qed jinkoraġġiha l-Gvern għax politikament jaqbillu jagħmel hekk u ma jaqbillux jiksirha ma' 80% ta' dawk li jippreferu l-karozza u ma' dawk l-aġenti li jimportaw il-karozzi. It-tielet, għandek is-servizz innifsu. Fl-aħħar snin sar titjib qawwi fis- sistema ta' trasport pubbliku; ħafna aktar puntwali, ħafna iktar kumdità u b'ħaddiema ħafna aktar akkoljenti. Imma, xorta mhux biżżejjed. Fit-toroq tagħna, issa ħafna minnhom imwessgħin, tal-linja xorta mhix qed tingħata prijorità. M'hemmx dak iċ-ċans illi minflok teħel fit-traffiku, se tibqa' għaddejja. Allura ħafna, ġustament, jirraġunaw illi traffiku bi traffiku, jippreferu jkunu fil-karozza tagħhom. Ir-raba'. Għad hemm nuqqas ta' rispett sħiħ lejn il-klijent. Wieħed ma jippretendix li t-toroq ma jingħalqux għax hemm il-festa, imma lanqas wieħed jippretendi li tkun mibdula r-rotta u ħadd ma jaf kif u minn fejn. L-app verament tajba ta' tal- linja, għandu jkollha fiha sistema illi tinfurmak b'bidla fir-rotta u fuq liema stejġ wieħed irid imur jistenna. Mhux kulħadd jitħalla għal rieħu. U finalment, l-aħħar sfida, għalkemm jidher li qed isir xi ħaġa f 'dan r-rigward. It-turiżmu żdied u f 'ċerti lokalitajiet bħall-Mellieħa, żdied sew. Ma jistax ikun li ċerta rotot huma dejjem, jew kważi dejjem, iffullati mill-bidu. Jekk tal-linja titlaq miċ- Ċirkewwa għall-Belt diġà mballata b'nies li sejrin il-Belt, ara kemm se jitħallew persuni jistennew. Għal darb'oħra jrid ikun hemm sistema fejn jew persuna tkun taf li dik ir-rotta hija mimlija u allura mhux se titla' jew inkella sistema illi permezz tagħha terġa' toħroġ tal-linja oħra b'dik l-istess rotta. Mela ġieli tagħmel nofs siegħa tkanta l-Aida fuq stejġ filwaqt li tal- linja jgħaddu kollha mimlijin! Ejja ma nidħkux bin-nies. Iż-żieda kbira li kien hemm fl-użu tat-trasport pubbliku mhijiex, jew mhijiex kollha, grazzi għal nies li qalbu mill-karozza għal tal-linja. Inkunu qed nidħku bin- nies jekk nagħtu l-impressjoni li hawn xi bidla fil-kultura, għax m'hawnx. U s-sondaġġi li qed jidhru fuq l-ILLUM huma konferma ta' dan. L-importanti li qed inwessgħu t-toroq fi proġetti tajbin u sbieħ, li iżda se jsolvu l-problema għal ftit żmien biss. Sakemm jerġgħu jiżdiedu l-karozzi tant, li lanqas dawk it-toroq imwessgħin ma jesgħu! Jekk m'aħniex ħa ninbidlu aħna u nbiddlu l-ħsibijiet u l-azzjonijiet tal- gvernijiet magħna, neħlu fit-traffiku konna u hekk se nibqgħu. U nistgħu mhux neqirdu u ngergru u niktbu statuses fuq Facebook! Għax fejn aħna se nibqgħu. Ma nidħkux bin-nies u bina nfusna fit-trasport pubbliku!