Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1153835
D ejjem l-aħħar wieħed kien jasal. U dejjem tard. Ipparkja l-karozza nofsa fil-linji miżbugħin mal-art tal-parkeġġ u n-nofs l-ieħor fuq roqgħa ħaxix u mingħajr lanqas biss ma sakkarha, telaq jiġri kemm jiflaħ lejn il-klassi. Bilġri jeħles. Din kienet l-aħħar sena università u kien qed jgħodd il-ġranet li jgħaddi l-aħħar parti ta' dan il-kors li kien fettillu jieħu. Kien għejja jistudja u jagħmel eżamijiet. Ħajtu kienet saret kważi monotona, tqis barra l-festini li kienu jagħmlu sħabu, ix- xorb li kien jitqassam waqt xi sezzjoni ta' xi proġett u l-iljieli barra li kien iqatta' f 'xi bar mal-istudenti l-oħra. Ħa nifs twil u waqaf bilwieqfa quddiem il-bieb tal-klassi, jirranġa kemxejn xagħru skur b'idejh ta' malajr u jdaħħal il-qmis sewwa qabel jidħol f 'lezzjoni nofsha mitmuma. U hekk malli kien ser jaqbad il-pum tal-klassi b'idejh, xi ħaġa tleqq fil-ħaxix, tirrifletti mar-raġġi tax-xemx ħakmitlu l-attenzjoni. Dawwar ħarstu lejn l-oġġett li kien hemm mitfugħ fil- ħaxix. Ritratt. Ritratt wiċċu 'l isfel mormi fuq il-ħaxix. Resaq lejh u ġabru b'idu, jgħollih 'il fuq lejn wiċċu u jdawru ħalli jiflih sew. Tgħid kien waqa' lil xi ħadd? Tgħid kien ta' xi ħadd minn sħabu? U sab ruħu jħares lejn ritratt ta' tfajla. L-isbaħ tfajla li qatt kien ra. Mingħajr anqas biss ma kien jaf min kienet, ħass qalbu tħabbat b'mod qawwi f 'sidru, beda jxoqq l-għaraq għalih u ħass il-pali ta' jdejh niedja hekk kif ma setax jieqaf jiċċassa jħares lejha. Kienet tidher verament ħelwa, turi żewġ subgħajn u tbissima unika fuq fommha. 'Ejja Xavier!' qallu wieħed minn sħabu hekk kif il-bieb tal-klassi nfetaħ u l-istudenti sħabu bdew ħerġin kollha 'l barra. 'Għandna lezzjoni oħra!' Għarukaża u tal-mistħija! Il-lezzjoni kienet għaddiet kollha u hu ma kien laħaq xejn minnha! Lanqas kien induna li kien għadda daqshekk ħin! Kemm kien ilu hemm jiċċassa lejn dan ir-ritratt? B'mod kemxejn konfuż u mifxul wara dak il-ġmiel li kien ra fuq ir-ritratt, deffsu fil-but ta' wara u telaq ma' sħabu ħalli jilħaq il-lezzjoni l-oħra li kien imiss. Imma hekk kif sab ruħu bilqiegħda fi klassi oħra, induna li ma setax jikkonċentra. 'Tgħid min kienet?' beda jaħseb bejnu u bejn ruħu. Ħareġ ir-ritratt minn ġol- but u beda jurih lil sħabu kollha. 'Ma nafx min hi. Qatt ma rajtha,' qallu wieħed minnhom. 'Le, ma nafhiex,' qallu ieħor. 'Boqq...' 'Dik tiġi f 'din l-università? Faqa' eeeee! Dnub qatt ma rajtha!' U xħin spiċċat il-lezzjoni, beda jħuf madwar il-grawnd isaqsi aktar tfajliet u ġuvintur fuqha. Iżda oħroġ il-għaġeb, ħadd ma kien jaf xejn! Mar lura lejn id-dar iħossu mnikket. Ried isir jafha. Ried jiltaqa' magħha. Tgħid min kienet? Hekk malli dalam sew, daħal f 'kamartu, poġġa r-ritratt tat-tfajla misterjuża fuq il- komodina, neża' ħwejġu u libes ix-xorts tal-irqad. Daħal f 'soddtu u beda jaħseb fuqha. Tgħid x'kien jisimha? Jaħasra kieku kellu jiltaqa' magħha. U b'dan il-ħsieb iberren f 'moħħu, ħalla għajnu tmur bih u raqad. Taptipa mal-ħġieġa tat-tieqa ta' kamartu. Inħasad. Qam bilqiegħda fuq is- sodda u ra qisu dell għaddej iħaffef minn wara kamartu, hemm barra fuq il-ħaxix tal- ġnien tagħhom. Ħalliel? Telaq jiġri lejn it-tieqa, fetaħha malajr u ttawwal. Kamartu kienet qiegħda l-ewwel sular, allura jaf kien għadda xi ħadd biex jagħmillu xi ċajta, jew xi ħalliel kien ġej bi ħsieb ħażin għalihom. Iżda malli fetaħ it-tieqa u xiref rasu 'l barra ma ra lil ħadd. Baħħ. Xejn. Fil-bogħod kien jinstema' l-eku ta' kelb jinbaħ u xi grillu jsaffar biswit il-ġnien tagħhom. L-arja friska ta' dik il-lejl mellsitlu wiċċu u kieku mhux għax kien qed iħossu mħassar bin-ngħas kienet togħġbu. Iżda issa ma kellux moħħ dawk l-affarijiet! Min kien tektiklu mal-ħġieġa ta' kamartu? Iżda ma kien jidher ħadd. Reġa' għalaq it-tieqa hekk kif kienet u mar iħaffef f 'soddtu. Mingħajr ebda intopp ieħor, Xavier reġa' raqad il-lejl kollu. U filgħodu qabad dak l-imbierek ritratt li kien sab fuq il-ħaxix tal-iskola u reġa' mar lura lejn l-università, isaqsi lil dik u lil oħra jekk kinux jafu lil dik it-tfajla. Iżda donnu ħadd ma kien raha. Tant kienet qiegħda tieklu l-kurżità li saħansitra mar fl- uffiċċju tal-prinċipal, isaqsih min setgħet kienet! 'Ma jidhirlix li rajtha 'l hawn. Naħseb ma tiġix hawn...' qallu dak, iberraq għajnejh lejh minn taħt nuċċali li kien jidher xi ftit antik u l-forma ma kienet tixraqlu xejn. 'Owkej,' wieġbu u b'geddumu mdendel mar lura lejn il-klassi tiegħu u pprova jsegwi dak li kien qed jgħid l-għalliem. Kien qed iħossu jaqta' qalbu li qatt kien ser jiltaqa' magħha. Ma kien jaf xejn fuqha. Fuq wara tar-ritratt kien hemm xi kliem imħażża, imma kienu bla sens. Ma kinux jagħtu indikazzjoni ta' min kienet. U dak il-lejl, reġa' daħal f 'kamartu, poġġa r-ritratt tat-tfajla wiċċu 'l fuq taħt il-lampa li kien iħalli tixgħel lejl sħiħ u qagħad għal ftit b'għajnejh miftuħin, iħares lejn is-saqaf abjad ta' kamartu, jaħseb fuqha. Għalkemm lanqas biss ma kien jaf min kienet, kien iħoss li xtaq jiltaqa' magħha. Imqar darba biss. Imqar bewsa waħda. Imqar... 'Iblah,' qal lilu nnifsu u dar fuq ġenbu ħalli jorqod. Iżda kien għadu lanqas intilef fid-dinja tal-irqad li donnu sema' xi passi hemm barra, qrib it-tieqa ta' kamartu. U tektik. Tektik mal-ħġieġa tat-tieqa. Qam bilqiegħda malajr. Ra lil xi ħadd għaddej jiġri minn fuq il-ħaxix. Qabeż minn fuq is-sodda, ħataf ir-ritratt u telaq iħaffef lejn it-tieqa, fetaħha malajr u qabeż barra fil-ġnien minn ġo fiha mingħajr ma tilef ebda ħin. U raha. Tfajla tħares lejh min-naħa l-oħra tal-ġnien. Titbissimlu. U mhux tfaja kwalunkwe Iżda hi. It-tfajla tar-ritratt! Kienet bilwieqfa n-naħa l-oħra tat-triq, tħares lejh b'dawk l-għajnejn kbar, liebsa l-istess ħwejjeġ li kellha fir- ritratt. 'Int?' beda jgħajtilha. 'X'inti tagħmel hawn?' U bla ma qagħad jaħsibha darbtejn, telaq iħaffef lejn ix- xatba tad-dar li kienet tkun dejjem miftuħa u ħareġ fit- triq, iħares lejha l-ħin kollu. Ma kellmitux. Iżda kienet qiegħda tħares lejh u titbissem. 'Nafek jien?' staqsieha b'leħen għoli. Kemm kienet sabiħa! Ma setax jaqla' għajnejh minn fuqha. U dak il-ħin eżatt malli kien ser jaqsam it-triq, raha ddur u tibda miexja 'l bogħod minnu. 'Stenna! Għidli min int!' beda jgħajjat aġitat. Xavier beda jaqsam it-triq. Is-sewwieq tal-karozza li kienet ġejja riħ, baqgħet għaddejja mal-liwja mingħajr ma ratu. Impatt qawwi. Xavier inbeżaq minn fuq il-ħġieġa tal-karozza 'l fuq, lejn il-ħajt u fl-aħħar fuq il- bankina fejn ftit qabel kien ra lil dik it-tfajla grazzjuża. Tfajla sbejħa li issa ma kinitx għadha hemm. Xavier kien ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post. Is-sewwieq kien għadu qed jirtogħod. Kienet waslet l-ambulanza li telqet vojta. Minflokha kien ġie l-vann l-iswed li kien ħa lil Xavier miegħu. Kyle kien għadu mbellah. Kienu ġew il-pulizija u ħadulu d-dettalji. Kien ġara kollox f 'waqt wieħed mingħajr ma kellu l-ebda spjegazzjoni tal- akkadut. U dak il-ħin, hekk kif għaddiet żiffa riħ minn ma' wiċċu u sab ruħu waħdu, ra xi ħaġa tleqq mal-art, tirrifletti mal-lampa oranġjo tat-triq li kienet qiegħda żżarżar xi ftit u kultant taqta' għal ftit sekondi. Ritratt wiċċu 'l isfel mal-art. F'nofs tat-triq. Tgħid kien ta' dak il-ġuvni li kien għadu kemm kien ġie mtajjar minnu stess. B'rogħda liema bħalha fuqu, Kyle niżel kokka u ġabru. Tfajla. Tfajla titbissem fuqu. L-isbaħ tfajla li qatt kien ra! Tgħid kienet it-tfajla ta' dak l-isfortunat? Jew xi ħadd ieħor? Baqa' hemm għal ftit iħares lejha. Tfajla gustuża li kienet qiegħda turi tliet subgħajn fuq ir-ritratt. Tgħid x'riedet tgħid biha? Tliet subgħajn? U dawwar ir-ritratt bil- kontra. San-numru għaxra, kien hemm imħażżeż b'pinna sewda. illum | Il-Ħadd 11 ta' Awwissu 2019 Rakkont 20 Sharon Calleja San-numru għaxra