Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1185662
20 rakkont Ma kelli xejn Sharon Calleja O mmi kienet telqitu. Żmien twil ilu.Jiena lanqas biss kont naa. Fir-raħal min kien jgħid li kienet ħarbet ma' barrani. Oħrajn kienu jpeċilqu li kienet telqet għax jaf kienet sabet xi xogħol aħjar u ħarbet 'il bogħod minn ġo din il-ħofra li kienet ħallietna fiha. Ħaġa waħda biss kont naf. Li jiena u missieri ma kellniex għaxja ta' lejla. Dak iż-żmien kien bata ħafna minħabba fija. U jiena... Jiena lanqas biss kont indunajt! Donni kont ngħix fi globu fejn il- kuntentizza tiegħi kienet il-prijorità ta' kollox. Ma kontx inqis dik tiegħu. Lanqas ma kien jimpurtani li kien jaħdem lejl u nhar. Dejjem xogħol kien ikun. Jiena bilkemm kont narah. Erħilu jibda eżatt malli kien jisbaħ, saħansitra qabel ma kont immur lejn l-iskola jien! U kont nirrabja. Ħafna. Sħabi kienu jilbsu lbies sabiħ. Xagħarhom ippettnat kif suppost. Żraben tad-ditta. Arloġġi mill-isbaħ. U jien... Jiena ma kellix dak il-lussu. Bilkemm kelli papoċċ tax-xitwa. Bilkemm kelli flokk ta' taħt biex nilbsu taħt il-qmis tal-iskola. U kont nirrabja iżjed. Jien ma kelli xejn. Għal ħdejhom ma kelli xejn! Tgħidx kemm kont ngħir għalihom! L-iskola tgħidx kemm kienu jaqbdu miegħi. Sħabi kollha kienu jarawni nipprova naħbi l-kalzetti mżarrta min-naħa ta' fuq għal taħt il-papoċċ imgerrem li kont nilbes. Kollha kienu jindunaw li meta kien ikun xi ħarġa, jiena biss ma kontx immur għax missieri ma kienx jagħtini flus. U kollha kienu jafu li jiena ma kelli xejn. Is-sitwazzjoni marret għall-agħar meta bdejt nikber aktar. Qatt ma kont għadni nkellmu lil missieri. Għalkemm kont naf li dak kien missieri, kont inħoss dik ir-rabja tiżdied għalih kuljum. Għalfejn ma kellux xogħol tajjeb bħall-missirijiet l-oħra? Għalfejn ma konniex nies bħal ħaddieħor? Biex inkun għidt kollox, ma kienx jimpurtani mis-sigħat twal li kien jagħmel fuq il-post tax-xogħol. U lanqas li filgħaxija kien jidħol id-dar b'saqajh juġgħuh ħabba ħinijiet twal bilwieqfa. U aktar u aktar li kien ikun ħela saħħtu ħalli jġib dik il-biċċa paga li kellu d-dar, biex imbagħad bilkemm kienet isservina għall-ikel! Anke d-dar. Id-dar tagħna kienet diżastru. Għamara antika. Madum imkisser. Injam mimli susa. Imma għalfejn aħna ma konniex bħal ħaddieħor? Ma kelli xejn! Imbagħad l-affarijiet iggravaw. Kont ilni niffansjah lil Luke. Mill-ewwel darba li kont rajtu, għajnejja ħassejthom jixegħlu waħedhom, qalbi bdiet tħabbat b'ritmu iżjed mgħaġġel mis-soltu u xħin rajtu jħares lejja, qtajt in-nifs! "Serena, ġejja l-festin t'għeluq snini?" ġie jistaqsini dan Luke. U ngħid il-verità ħassejt ferħ kbir li malajr spiċċa hekk kif mort id-dar u aħt il-bieba tal-gwardarobba. Ma kellix x'nilbes! Ma kontx naf x'kont ser naqbad nagħmel! Jien ma kelli xejn x'nilbes għall-okkażjoni. U malli ġie missieri dakinhar kont għidtlu. Fil-bidu ppruvajt infehmu, ippruvajt iva. Kont għidtlu dak li kont qed inħoss. Dak li kont għaddejja minnu. "Irrid żarbun sabiħ u libsa!" ħtau hekk kif rajtu kalm quddiemi, bilqegħda fuq is-siġġu tal-kċina, mingħajr ma kien għamel ebda moviment li kien qed jaqbel miegħi. "Smajt x'għedtlek?" U kien ħares lejja. Illum naf. Illum naf x'kont rajt dakinhar f 'għajnejh. Rajthom ileqqu. Rajthom iħarsu lejja b'mod penetranti. Illum kien qed jixjieħ missieri. Il-leħja kienet bjaditlu. Xagħru kien waqagħlu kollu. Idejh kienu tkemmxu frott ħafna mix-xogħlijiet li kien jagħmel. Wiċċu kien mimli tikmix. U ma flaħtx narah hekk quddiemi. Mhux għax kont qiegħda ninkedd għalih dak il-ħin, għax dak il-ħin, kulma ridt kienu ż-żarbun u l-libsa! "Imma Serena...." ipprova jfehmni. U kont naf li kien ser jirriuta li jixtrihomli! U jien ridt nidher sabiħa quddiem Luke! U mort niġri f 'kamarti, nervuża kollni, ħalli ma jaranix nibki minħabba l-akkwisti li ridt nagħmel. U dakinhar filgħodu, eżatt malli nżilt fil- kċina, indunajt. Kien hemm aktar għamara nieqsa. Flok tiżdied kienet qiegħda tonqos! Issa kont iżjed maħruqa għalih! Kien reġa' mar ibigħ minnhom ħalli jkollu biex jixtri! Mhux sew! Ma flaħthiex din il-ħaġa! U dakinhar ġara kollox. Kont għadni kemm tlaqt mill-iskola. Rani Luke hekk malli xri 'il barra mill- kanċell tal-iskola. "Serena, inti kollox sew għal-lejla hux?" kien staqsieni b'għajnejh ileqqu. Luke kien ġuvni verament gustuż. Xagħru iswed u folt. Għajnejn kbar u ċari. Eżatt kif kont inħobbhom jien. "Iva se niġi," kont weġibtu b'wiċċi mqarras. Ma kontx ċerta x'kont ser nagħmel. Ma kontx naf jekk kellix ngħidlu li ma kontx ser nattendi. Imma mbagħad kien jistaqsini għalfejn. U jien ma kontx inkun naf xi stajt naqbad ngħidlu. U mort id-dar. Ħarist 'il barra mit-tieqa, naqbad il-purtiera tal-filoxx qadima fejn f 'ċerti postijiet fiha kien hemm it-toqob mikulin fid-drapp. Ħarist lejn it-triq tagħna. Triq żdingata, mimlija kerrejja bi ħnejjiet u gallariji ser jaqgħu, kważi kkundannati. U dak il-ħin, iddeċidejt li kont ser immur il-festin ta' Luke akkost ta' kollox. Avolja ma kontx ser inkun liebsa sabiħ daqs il-mistednin l-oħra. Ma stajtx ma mmurx il-festin ta' dak il- ġuvni li verament kien jogħġobni! Saħħa kien stedinni! U tlaqt nimxi għal għonq it-triq. Imxejt bil-galbu fuq il-bankina, inħares lejn il-papoċċ qadim f 'saqajja u ngħannaq id-drapp kemxejn wieqaf u ħarex bil-ħasil tal-libsa qadima li kelli fuqi. Xagħri kien irranġat xi it sew għax kont domt nilgħab it miegħu ħalli niġbru f 'qagħqa sabiħa u mdaqqsa fuq in-naħa ta' wara ta' rasi. Ħallejt il-wens taż-żiffa tmellisli wiċċi hekk kif wasal fit-triq ta' quddiem id-dar ta' Luke. U għal mument inħsadt. Donnu kollox ġara f 'sekonda waħda. Kien hemm ħafna karozzi. Kollha jpaqpqu l-ħornijiet u bix-xufiera fihom jidhru xi it irrabjati. Propju dak il-ħin ħarist lejn il-karozzi kollha u ndunajt li kien hemm xi inċident tat-traffiku lejn in-naħa tal-aħħar tat-triq. Imxejt bil-galbu sal-bieb tad-dar ta' Luke u eżatt malli kont ser iddoqq il-qanpiena, xi ħaġa familjari mill-ġenb ħakmitli l-vista. Karozza qadima. In-naħa t'hemm fuq nett. Fejn kien jispiċċa t-traffiku. Il-kulur! Il-kulur donni kont nafu xi mkien! Żgur! U dak il-ħin ħallejt saqajja jitilqu jiġru bija lejn it-tarf nett tat-triq, fl-istess ħin hekk kif bdejt nifli l-orrur li kien hemm fuq wiċċ il-karozzi tal-faċċata nett, hekk kif indunajt li kien hemm żewġ karozzi mgħaffġin għal ġo xulxin. U dik... Dik il-karozza... Kienet wisq familjari! Wisq. Ġrejt lejn il-persuna li kien għad hemm maqbuda fil-karozza bid-demm fuq wiċċha u rajt rasha mifqugħa mal-ħġieġa ta' quddiem! Ġesù tiegħi! Imma kif jista' jkun? Ħassejt saqajja jogħtru hekk kif rajt geġwiġija ta' nies iħarsu lejh mingħajr ħadd ma kien resaq fuqu, probabbli għax kienu qegħdin jistennew l-ewwel għajnuna. "Pa?" ħarġitli minn taħt l-ilsien, kważi ċerta li ħadd ma kien ser jismagħni. Imma... Imma dan... dan kien missieri! Lanqas flaħt insib leħni! Dak il-wiċċ tant familjari. Dawk l-għajnejn li tant kienu demmgħu għalija. Dawk l-idejn li tant kienu ħadmu għalija. Kien qiegħed hemm bla ħajja! "Pa?" erġajt bdejt ngħajjat, din id-darba jismagħni kulħadd u jagħmluli l-wisa' ħalli ngħaddi eżatt minn ġo nofshom. Mort tiġri lejh, indunajt li l-ħġieġa tal-ġenb kienet imfarrka u ressaqt idi lejn wiċċu. Nibża' u le fl-istess ħin. Ħaddejh kienu għadhom sħan! Avolja kien tilef ħafna demm! Le! Le! "Pa?" erġajt sejjaħtlu, din id-darba leħni aktar prominenti, inħoss qalbi ser tinqasam biċċiet. Imma missieri ma weġibnix! Kien tard wisq. L-impatt kien wisq qawwi. Kien għaddej b'wisq veloċità! "Imma kif jista' jkun?" bdejt nibki u ngħajjat, nipprova nemmen li din kienet biss ħolma kerha. Kont trattajtu ħażin! Kont ġegħeltu jaħseb li ma kontx inħobbu. Imma mhux veru kien! Le, mhux veru! "Jien inħobbok pa!" bdejt inwerżaq, niaħ il-bieba kif stajt, nidħol fil-karozza u nbennen il-ġisem bla ħajja tiegħu. U dak il-ħin rajthom fuq is-sedil ta' wara. Libsa. U żarbun għadu fil-kaxxa. Kien ġej isuq riħ ħalli jilħaq lili! Ħalli jilħaq ikolli x'nilbes għall-festin! Ma flaħtx inżomm id-dmugħ hekk kif sibt l-irċevuti tal-oġġetti u għamara fid-dar li kien biegħ ħalli jkollu biex jixtrili! Ma stajtx nieqaf nibki! Kien propju dak il-ħin li ndunajt. Indunajt li qabel kelli ħafna. U issa ma kelli xejn. IL-ĦADD 17 TA' NOVEMBRU 2019 • illum