Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/874826
Il-Ħadd 17 ta' Settembru 2017 | illum Editorjal ILLUM, MEDIATODAY LTD, VJAL IRRIĦAN, SAN ĠWANN SĠN 9016 Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075 Ittri u Kummenti, Imejl: illum@mediatoday.com.mt Mil-lum… S a dalgħodu jkun elett il-Kap il- ġdid tal-Partit Nazzjonalista. Għalkemm meta nkiteb dan l-editorjal kien għadu mhux magħruf ir- riżultat tal-elezzjoni għal Kap ġdid tal-PN, jidher illi kien riżultat pjuttost indikattiv. Naturalment fil-ġranet li ġejjin ir-riżultat se jkun diskuss u analizzat fuq diversi mezzi tal-media. Ħaġa waħda hija ċerta, jekk Delia lbieraħ għamel rebħa qawwija u kiseb riżultat konvinċenti, dan ikun sinjal ċar ta' kemm in-Nazzjonalisti kienu mxebbgħin sal-ponta ta' mneħirhom mit-tmexxija tal-istess partit ta' dawn l-aħħar snin. Ma jistax ikun mod ieħor, mhux meta kien hemm kampanja sħiħa mid- Dar Ċentrali fil-konfront ta' Delia, li kienet tinkludi telefonati diretti u żjajar fid-djar tat-tesserati, mill- eks Kap tal-PN stess. U jista' mhux joħroġ stqarrijiet il-PN biex jipprova jgiddeb l-istorja li dehret fuq din il-gazzetta nhar il-Ħadd li għadda. Min għandu mqar widna żgħira fid-Dar Ċentrali jaf eżatt li hekk kien qed jiġri. Imma, naturalment, fil-ħin tal-kitba ta' dan l-editorjal kien għadu kmieni wisq. Il-Ħadd li ġej nanalizzaw ir-riżultat. Ikun xi jkun imma r-riżultat, mil-lum il-Partit Nazzjonalista jrid jibda jagħlaq il-feriti li nfetħu. Jeħtieġ jibda jerġa' jibni l-pontijiet ma' dawk li għal xi raġuni jew oħra, issa jew fil-passat, twarrbu jew kienu mweġġgħin mill-PN. Mil- lum il-PN jeħtieġ jieqaf jaqa' fis-silenzju meta niesu, meta nies li mhux fil-partit u meta Laburisti jisfaw attakkati, vilifikati u mżeblaħ minn min juża l-pinna biex iweġġa'. Mil-lum il-PN jeħtieġ jibda jiftakar li l-poplu sovran dejjem għandu raġun u li d-deċiżjonijiet li jieħu l-poplu sovran, dejjem ikunu meqjusin. Għax il- poplu li ddeċieda fl-2017, iddeċieda fl-2003 wkoll u jekk dakinhar kien poplu li jgħożż lil pajjiżu hekk baqa' fl-2017. Il-Partit Nazzjonalista, minn dalgħodu jrid ikun bennej ta' viżjoni. Irid ikun kompetitur denju tal-Partit Laburista u ta' Joseph Muscat u jrid jerġa' jsib mill-ġdid il-ħeġġa li xi darba kellu biex ikun fuq quddiem fil-viżjoni. Mhux sempliċiment forza reazzjonarja, li tirreaġixxi għall-iżbalji ta' ħaddieħor. Din il-gazzetta tawgura illi dalgħodu ftit wara l-mitt jum tiegħu fil-Gvern, Joseph Muscat qam lest biex itellaq u biex jikkumbatti l-ideat mal-Kap tal-PN il-ġdid, u mhux qam bil-kunfidenza li l-elezzjoni li jmiss jirbaħha fiż-żgur. Għidnieha u nibqgħu ngħiduha illi oppożizzjoni b'saħħitha hija neċessarja mhux biss għall-pajjiż, imma wkoll biex il-poter ma jitlax għal ras Gvern Laburista, elett għat-tieni darba b'distakk enormi. Kemm jekk dalgħodu huwa Said Kap tal-PN u anke jekk huwa Delia, nittamaw li jżommu dejjem u jħaddnu dejjem il-prinċipji tal-verità, is-solidarjetà ma' dawk li huma vulnerabbli u l-umiltà, biex jiftakru li l-poter huwa self, mhux għotja lill- politikant. ...l-ewwel mitt jum Minkejja li l-attenzjoni tal-pajjiż bħalissa hija kollha kemm hi fuq il-PN, din il-ġimgħa l-Gvern għalaq l-ewwel 100 jum tiegħu. F'dawn il-100 jum saru kisbiet importanti favur l-ugwaljanza, dan filwaqt li l-ekonomija tal-pajjiż baqgħet miexja 'l quddiem b'saħħa liema bħalha, b'aktar ċertifikati pożittivi minn aġenziji ta' kreditu. L-ewwel appuntament importanti tal-Gvern issa, huwa l-baġit. Bħal dejjem din il-gazzetta tawgura li f 'dan l-eżerċizzju l-Gvern Laburista jkompli jibni fuq diversi miżuri tajbin li wettaq matul is-snin, fosthom child care, żidiet f 'benefiċċji għal dawk li jidħlu fid-dinja tax-xogħol, żidiet f 'benefiċċji għal dawk li jkollhom bżonn il-wens u miżuri biex jissaħħu l-finanzi tal-pajjiż. Hemm bżonn ukoll iżda li l-Gvern ikun ħafna iktar artikolat fil-viżjoni ekonomika tal-pajjiż. Hemm bżonn li l-Gvern imur lil hinn minn miżuri individwali, tajbin kemm huma tajbin, u jaħdem ħafna iktar biex fejn sar investiment (edukazzjoni terzjarja u saħħa) il-frott jibda jinqata' u biex jinħolqu niċeċ ekonomiċi ġodda. Tajjeb li ndaħħlu l-miljuni minn xi skema (anke jekk il-kunċett tagħha jibqa' dibattibbli), imma ma jkunx aħjar naħsbu kif se ndaħħlu l-miljuni minn proġetti u investiment dejjiemi li joħloq ix-xogħol għal-lum u għal għada? Editur: Albert Gauci Cunningham 21