Illum previous editions

ILLUM 3 February 2019

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1078257

Contents of this Issue

Navigation

Page 16 of 31

17 17 Il-Ħadd 03 ta' Frar 2019 | illum Opinjoni H u verament inkredibbli illi f 'kontinent ta' 500 miljun iridu jgħaddu 19-il jum qabel ma jiġi deċiż fejn ser jispiċċaw 298 ruħ illi ġew salvati b'xi mod jew ieħor mill-għarqa. Hu verament inkredibbli illi pajjiż bi tradizzjoni daqshekk kbira u passat daqshekk glorjuż jispiċċa biċ-ċittadini tiegħu jaħżnu l-mediċini wara illi vvutaw illi joħorġu mill-U.E. prinċipalment minħabba l-immigrazzjoni. U ma jafux x'ser jagħmlu biż-żibel wara d-29 ta' Marzu. U hu verament inkredibbli illi l-gvern Amerikan għamel aktar minn xahar mingħajr il-finanzjament meħtieġ u bi 800,000 impjegat pubbliku jitilfu żewġ pagi infila. Dan għaliex il-president Trump insista illi l-Kungress Amerikan jivvota $5.7bn sabiex jinbena ħajt bil-ħsieb illi l-immigranti ma jidħlux l-Amerika. Ħajt illi l-Kungress ma jridx u illi kull min għandu ftit melħ f 'moħħu jaf illi mhu ser isolvi xejn. Fi fruntiera ta' ma nafx kemm eluf ta' kilometri, b'xi mod jew ieħor in-nies ser isibu l-mod kif jaqsmu min-naħa għal oħra. Xi xaqq fil-ħajt ser ikun hemm żgur u xi mina taħtu ma tistax tonqos. Allura għalfejn tarmi tant biljuni illi jistgħu jintefqu aħjar f 'tant oqsma. Fl-aħħar Trump kellu jbaxxi rasi u jaċċetta illi l-Kungress japprova baġit għal tliet ġimgħat mingħajr flus għal dan l-imbierek ħajt. Imma sfortunatament din hi d-dinja li ninsabu fiha llum, dinja fejn bosta politiċi qed jagħmlu karriera u jakkwistaw is-saħħa tagħhom billi jadottaw politika kontra l-immigrazzjoni. Eżempji minn dawn hawn kemm trid int: Trump, Salvini, LePen, Orban u bosta oħrajn. Illum l-ebda politiku mhu ser jikkultiva kunsens jekk jitkellem favur l-immigrazzjoni. Imma dan mhux il-każ ta' min jadotta politika riġida kontra l-immigrazzjoni bħalma min jibni l-ħitan biex l-immigranti ma jitħallewx jidħlu f 'pajjiżu, min jagħlaq il-portijiet biex ma jidħlux immigranti f 'pajjiżu, min ma jibgħatx il-vapuri tiegħu biex isalvaw l-immigranti mill-għarqa u min jasal anke biex ma jħallix għaqdiet mhux governattivi jsalvahom mill-għarqa. Qed ngħixu f 'dinja fejn in-narrattiva politika hi kkundizzjonata bil-kwistjoni tal-immigrazzjoni. Imma għandu jkun hekk? Possibbli illi fid-dinja ħlief fuq din il- kwistjoni tal-immigrazzjoni ma hawnx fuqiex wieħed jitkellem? Għaliex l-immigrazzjoni illi l-umanità ilha tgħaddi minnha mit-tramont tagħha għandha tkun suġġett daqshekk kontroversjali? Verament mhux dejjem kien hekk. Fis-seklu 19 u għal ħafna snin tas-seklu 20, l-immigrazzjoni kienet fenomenu perfettament aċċetttat. Wieħed jista' jagħti titwila l-immigrazzjoni minn Malta sabiex jifhem dak li qed tgħid. Fil-passat, bosta kienu dawk il-Maltin illi kienu jemigraw lejn postijiet oħra madwar il-Mediterran. Bliet bil-Bona fl-Alġerija, Tuneż, Marsilja, Lixandra, Smirna u Salonika kellhom komunitajiet Maltin imdaqqsa. Darba wieħed Franċiż illi l-antenati tiegħu kienu telqu minn Ħal Qormi lejn l-Alġerija fl-ewwel nofs tas-seklu 19 kien qalli illi terz mill-populazzjoni ta' Bona kienet ta' oriġini Maltija. Laurent Ropa fin-novella tiegħu "l-Għanja tas-Sienja" ddeskriva b'mod l-aktar vividu kif il-Maltin u l-Għawdxin kienu jitilqu lejn l-Alġerija. Kienu jibnu jew jixtru dgħajsa, jimlewha bil-ġebel tal-franka u jitilqu bil-familja lejn Bona illi mhix 'il bogħod mill-fruntiera mat-Tuneżija fil-Lvant tal- Alġerija. Malli jaslu kienu jbiegħu l-ġebel u l-injam tad- dgħajsa biex ikollhom kapital biżżejjed sabiex jibdew ħajja ġdida. Wara l-indipendenza tal- Alġerija, ħafna minn dawn il-Maltin u d-dixxendenti tagħhom telqu lejn Franza fejn jissejħu "pied noirs", dawk ta' saqajhom suwed u ftit kienu dawk illi ġew lura Malta. Fi Franza, il-pied noirs batew ferm, kienu ttrattati bl-aħrax u ddiskriminati kontra. Għaliex il-Franċiżi tal-epoka kellhom l-istess preġudizzji kontra l-barranin bħalma ħafna Ewropej. Amerikani u Maltin għandhom illum. Niftakar ir- raġel tal-kuġina ta' ommi, iben missier Malti u omm Siċiljana li miet dan l-aħħar jirrakkontali kif il-vapur tagħhom li kien telaq minn Bona ġie milqugħ f 'Marsilja mill-ħaddiema komunisti tal-port illi ma rieduhomx imorru Franza. Dawn beżgħu illi l-miġja ta' tant ħaddiema mill-Alġerija kien ser itellifhom il-ħobża ta' kuljum. Kif hawn min jaħseb illum. Mhux ta' b'xejn illi ħafna mill- pied noirs spiċċaw jimmilitaw fil-lemin minkejja illi r-raġel tal-kuġin ta' ommi qatt ma ħafirha lil Charles DeGaulle talli ttradixxa lill-Ewropej tal-Alġerija u abbandunaha. Niftakar illi meta ridt inżur il-qabar tiegħu f 'Colombey-les- Deux-Eglises, ma riedx jidħol iċ-ċimiterju. Madankollu, illum il-pied noirs integraw ruħhom sew fis- soċjetà Franċiża. L-espansjoni ekonomika tas-snin sittin kienet providenzjali u dawk li tkeċċew mill-Alġerija ma damux ma sabu xogħol fi Franza u għinu fil-bini ta' soċjetà prospera. Mentri l-Ġermanja u l-Belġju kellha taċċetta ħafna ħaddiema Torok u Taljani, Franza ħadmet in- nies li tkeċċew mill-Alġerija jew telqu mit-Tuneżija. Nittama illi l-qarrejja jifhmu dak illi jiena diversi drabi sostnejt: wara kull ħaġa hemm grillu ta' matriċi ekonomika. L-immigrazzjoni mhux xi fenomenu illi jeżisti f 'vakum imma hu r-riżultat tal-aktar liġi fundamentali tas-sistema kapitalista illi llum tirrenja kważi kullimkien. Anke fis-suq tax-xogħol, joperaw il-liġijiet ekonomiċi fundamentali tad-domanda u tal-provvista. Jekk inti qiegħed f 'sitwazzjoni fejn teżisti domanda qawwija għall-ħaddiema mentri għandek postijiet fejn in-nies m'għandhomx x'jagħmlu jew huma mħallsin ftit, hu naturali illi n-nies imorru min-naħa għall-oħra. Fl-Ewropa, rajna bosta ħaddiema minn pajjiżi relattivament fqar bħal Polonja, ir-Rumanija u l-Bulgarija jmorru jaħdmu f 'pajjiżi aktar sinjuri bħar-Renju Unit jew il-Ġermanja. Qegħdin naraw tobba jitilqu mill-Greċja jew l-Italja għax jaqilgħu ferm aktar fil-Ġermanja. Hija ħaġa minn awl id-dinja illi ġaladarba teżisti domanda qawwija għall-ħaddiema fl- Ewropa illi min hu sottokkupat fl-Afrika jipprova jissodisfa dik id-domanda. Din hi l-aktar ħaġa naturali u li tagħmel sens mill-punto da vista ekonomiku. Meta il-kap ta' JobsPlus (diffiċli f 'dan il-pajjiż nabbandunaw il-passat kolonjali tagħna u adottajna isem simili għal dak tal-agenzija ngliża u anke logo li jixbah il-logo tagħha) jgħidilna illi dan il-pajjiż għandu bżonn 13,000 ħaddiem barrani din is-sena, hu evidenti illi l-espansjoni ekonomika illi dan il-pajjiż qed jesperjenza tiddependi fuq dina l-manodopera. Kif għidt hemm forza ekonomika wara kull fenomenu u l-immigrazzjoni mhix eċċezzjoni. Anzi jiena nżid illi n-nuqqas ta' ħaddiema, u speċjalment ta' ħaddiema bis- sengħa, qed inaqqas bil-kbir l-espansjoni ekonomika. Din il-ġimgħa staqsejt lil klijenta tiegħi jekk qattx tinnota min jiġbor iż-żibel minn wara darha u jekk iżżurx id-djar tax-xjuħ ta' pajjiżna sabiex tara min qed jieħu ħsieb ix-xjuħ tagħna u jbdlilhom il-ħrieqi tagħhom. Faċli illi wieħed jostor preġudizzji kontra l-barranin u jgħid li ma jridhomx. Imma r-realtà ekonomika hi dik li hi u kif kienet minn dejjem. Mingħajr immigrazzjoni, l-ekonomija tagħna u ta' ħafna pajjiżi Ewropej oħra tistalla. Tassew għandu min jinkwieta mhux min qed jemigraw in- nies lejn pajjiżu imma min qed jaħarbu n-nies minn pajjiżu minħabba nuqqas ta' xogħol kif kienet is-sitwazzjoni f 'pajjiżna sa 50 sena ilu u kif qed jiġri fl-Italja llum. Min jinkwieta illi dawn ser iħassru l-identità tagħna, nistedinhom jaraw kemm hawn barranin illi wara ftit snin tgħallmu l-lingwa Maltija u li t-tfal tagħhom huma Maltin mija fil-mija. Il- Maltin tal-Ġgantija u li laqgħu l-Konti Ruġġieru u li ġġieldu lis-subien ma kienx jisimhom Cunningham jew Hansford jew Ellis jew Pavia jew Cremona. Aħna minestra li ssawret matul is-sekli u hu xogħolna illi t-taħlita dejjem inżommuha sinjura u bnina. L-immigrazzjoni hi ċertament sfida imma sfida illi minnha nistgħu u għandna nisiltu ħafna ġid. Dan hu li ħafna politiċi illi jbeżżgħu lill-poplu bil-babaw ma jridux jgħidu lill-poplu. Minflok jilagħbu u jisfruttaw it-tendenza naturali tan-nies illi jibżgħu mill-barrani, minn dak li mhux magħruf, li jisfruttaw il-xenofobija. Din mhix il-politika illi għandna bżonn l-Ewropa sabiex taffaċja l-isfidi tas- seklu 21. Ewropa mingħajr immigrazzjoni ser tixjieħ, issir aktar fqira u anqas rilevanti. Din hi l-verità illi Salvini u Orban u LePen ma jridux illi l-poplu jsir jaf. ellisjoseph@gmail.com Sfida ta' ġid JOE ELLIS Il-Malti huwa l-aktar poplu li għandu fiduċja fil-Gvern fost il- pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea

Articles in this issue

Links on this page

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 3 February 2019