Illum previous editions

ILLUM 14 June 2020

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1259441

Contents of this Issue

Navigation

Page 16 of 27

17 letteratura illum • IL-ĦADD 14 TA' ĠUNJU 2020 Fil-paġna letterarja ta' din il-ġimgħa Kevin Saliba jiddjaloga ma' Jessica Micallef rigward ir-riċerki tagħha fuq il-ħidma politika, soċjali u letterarja ta' Manwel Dimech. Jistaqsi diversi mistoqsijiet dwar il-ktieb tagħha Dimech Poeta – Mill-Ħabs sal-Eżilju – ġabra t'iżjed minn mitt poeżija li kiteb Dimech fi tliet lingwi. Id-dikussjoni dwar Dimech imbagħad tinfirex f'bosta bnadi, għad illi żgur mhux fid-direzzjoni li qatt basar jew jista' japprova Saliba. Hu x'inhu, xorta jħalli lil Micallef tgħid tagħha dwar kif tifhem ir-relevanza ta' Dimech fi żmienna... ma' dawn. Fejn taħseb illi baqa' relevanti għalina Dimech illum? U fejn taħseb li le? Naħseb li l-akbar relevanza li għandu Dimech illum hija li qatt m'għandna ninsew minn fejn ġejna u kemm ħadmu għal pajjiżna missirijietna u għal-lingwa tagħna. Xi drabi nħoss li f 'dan l-aspett sejrin lura mhux 'il quddiem. Ir-relevanza ta' Dimech għadha tinħass fil-ġlieda biex ikollna soċjetà ġusta għal kulħadd, għaliex minkejja li għadda dan iż-żmien kollu s-soċjetà tagħna mhix soċjetà ġusta għal kulħadd. L-importanza tal-edukazzjoni, il-fehmiet femministi tiegħu u anke l-importanza li naħsbu b'mod kritiku huma kollha argumenti li għadhom jgħoddu sal-lum, minkejja l-avvanzi li għamilna. Bħal Mikiel Anton Vassalli, fost oħrajn, Manwel Dimech ried illi l-Maltin ikunu jistgħu jaqraw il-Bibbja bil-Malti. Fil- ħarġa tat-30 ta' Settembru 1911 tal- gazzetta Il-Bandiera tal-Maltin Manwel Dimech kiteb hekk: "Eluf u eluf ta' Maltin qatt ma semgħu l-kliem tant sabiħ tal-imqaddsa Skrittura, u aktarx lanqas jafu li jinsab dan il-ktieb, li jagħti tant dawl lil min jaqrah." L-istorja tat- traduzzjoni tal-Bibbja għal Malti hija waħda mill-interessi ta' riċerka tiegħi, b'mod speċjali t-traduzzjonijiet bikrin ta' Vassalli u l-ħidma tal-Monsinjur Pietru Pawl Saydon. Madankollu nistqarr illi dwar il-ħidma ta' Dimech f 'dan ir- rigward akkont naf it li xejn. Kemm saret riċerka rigward l-isforzi ta' Dimech bħala traduttur Malti tal-Bibbja? Liem kotba laħaq qaleb? Jeżistu xi manuskritti bit-traduzzjonijiet ta' Dimech? F'dan ir-rigward jien ukoll it li xejn naf. Ix-xogħlijiet ta' traduzzjoni ta' Dimech ma missejthomx u jekk hemm xi manuskritti dwar dan ma waslux għandi. Li nista' ngħid huwa li fil-poeżiji ta' Dimech jinħass l-element reliġjuż. Din il-bixra ta' Dimech it nies kienu jafu dwarha. Lura għal ktieb tiegħek, din id- darba għat-taqsima tal-Poeżija tas- Sentiment Nazzjonali. Lura wkoll għall- kwotazzjonijiet tal-bidu: "L-ilsien jorbot bl-akbar imħabba nies ta' razza waħda". Dimech stinka ħafna favur l-ilsien Malti. Daqs kemm ħafna ideat politiċi ta' Dimech baqgħu punt ta' referenza għall-attivisti tax-xellug, il-ħidma tiegħu favur l-ilsien Malti għadha sal-lum tnebbaħ lill-bosta kittieba li jaħdmu favur it-tisħiħ tal-ilsien Malti. F'Dimech it-ton nazzjonalistiku ma jonqosx. Forsi lllum donnu dad-diskors ma tantx għadu moda, l-iżjed fix-xellug radikali li spiss iqis – b'xorti ħażina – sentimenti bħal dawn bħala antikwati, qarrieqa, perikolużi u saħansitra nnamrar mhux f 'loku mal-konservativiżmu jekk mhux ukoll mal-politiki tal-lemin. Huwa minnu li n-nozzjoni tan-nazzjon jenħtieġ tiġġedded maż-żmien. Inkella tibqa' statika u kapaċi taljenana minn ħwejjeġ iżjed importanti u toħloq ħafna tbatijiet bla bżonn. Huwa minnu wkoll, almenu fil-perspettiva tiegħi, li fil-prinċipju ma hemm xejn ħażin li n-nies ikollhom ċertu sens ta' appartenenza lejn art twelidhom u niesha, dment li din ma ssirx l-alfa u l-omega ta' kollox. Temmen illi għad fadal lok għal dan it-ton ta' Dimech illum? Kif nistgħu nitnebbħu mis-sentimenti nazzjonalistiċi tiegħu b'modi li jagħmlu sens għalina llum f 'dinja dejjem iżjed globalizzata? F'Dimech jinħass ħafna dan l-element nazzjonalistiku u allaħares ma kienx hekk. Kien qed jikteb fi żmien meta l-Maltin lanqas biss kellhom sens ta' identità. Illum dan is-sens ta' nazzjonaliżmu qed jerġa' jikseb il-valur tiegħu. Ibda mill-elezzjoni ta' Trump u l-Brexit. Dawn kienu żewġ kampanji msejsa fuq prinċipji nazzjonalistiċi. Għalhekk filwaqt li forsi l-idealizzazzjoni ta' nazzjon illum m'għadhiex daqshekk b'saħħtiha xorta waħda għad hemm l-element ta' nazzjonaliżmu. Jekk nieħdu l-perjodu li għaddejjin minnu issa, minkejja li ngħixu f 'dinja globalizzata kulħadd ħaseb għalih biex jegħleb l-isfida tal-COVID19. Hemmhekk jinħass l-element ta' nazzjonaliżmu li l-ewwel jiġi l-pajjiż tiegħi mbagħad l-oħrajn. Naħseb li mingħajr in-nazzjonaliżmu ta' Dimech u kittieba oħra ma konniex naslu għall-modernità tal-lum. L-element ta' nazzjonaliżmu kif imħaddem minn Dimech għad għandu l-importanza tiegħu għall-progress tal- pajjiż.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 14 June 2020