Illum previous editions

illum 21 May 2017

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/826632

Contents of this Issue

Navigation

Page 15 of 35

illum | Il-Ħadd 21 ta' Mejju 2017 Opinjoni 16 I ktar mhuma qed jgħaddu jiem f 'dina l-kampanja għall-elezzjonijiet ġenerali, iktar qed naraw lill-Prim Ministru Joseph Muscat jissaħħaħ u jikkonsolida ruħu b'wirjiet u interventi eċċezzjonali wieħed wara l-ieħor. Ili nsegwi lill-Prim Ministru għal iktar minn 15-il sena mill-qrib u nista' ngħid bla tlaqliq li bħalissa l-ħiliet straordinarji tiegħu huma fl-aħjar li qatt kienu: diskorsi impekkabbli, tweġibiet ċari, viżjoni konkreta u attitudni ta' ottimizmu u pożittività. Bla dubju ta' xejn, l-erba' snin esperjenza li kiseb Joseph Muscat bħala Prim Ministru kompliet tiffurmah f 'mexxej ħafna aħjar minn qatt qabel. Joseph Muscat żamm il- grinta, id-determinazzjoni u l-enerġija li kellu erba' snin u żied magħha l-esperjenza li s-siġġu ta' Prim Ministru tagħti lil kull min kellu x-xorti li jservi lil pajjiżna f 'dan ir-rwol tant importanti. Bih fit-tmexxija, m'għandix dubju li l-aqwa żmien għal pajjiżna għadu ġej. Kultura Kien ta' pjaċir kbir għalija li ġejt mitlub nakkumpanja lill-Prim Ministru u lil sieħbi Edward Zammit Lewis biex inħabbru l-proposti dwar it- Turiżmu u dwar il-Kultura. Bla tlaqliq ngħid li dawn iż-żewġ setturi kienu stejjer ta' suċċess għall- Gvern Laburista. Fis-settur turistiku Dwardu rnexxielu jibni fuq it-tajjeb li ħalla Karmenu Vella u jikser rekord wara l-ieħor. Fis- settur artistiku, nemmen li lħaqna quċċati bla preċedent u dawwarna settur li qabel kien jitqies bħala passatemp f 'niċċa ekonomika li tagħti x-xogħol lil 15,000 ruħ f 'pajjiżna. Dwardu u jiena tkellimna dwar x'għamilna iżda ffokajna iktar fuq x'se nagħmlu. Fis-settur artistiku tkellimna dwar il-ħsieb li għandna li nikkonsultaw dwar il- possibbiltà li t-Teatru l-Imwaqqa' jkollu saqaf fuq rasu (u b'hekk jiżdied l-użu tiegħu għal xhur oħra li m'humiex fis-sajf u anke negħlbu l-problemi li jgħaddu minnhom ir- residenti tal-madwar minħabba l-volum għoli tal- kunċerti), tkellimna dwar il- proposta li nnaqqsu t-taxxa għal kull min jaqla' x'jiekol mill-arti, dwar l-idea li nagħmlu income averaging fuq tliet snin għall-finijiet ta' taxxa u dwar l-idea li nraħħsu l-kontijiet tad-dawl għall-baned tagħna. Dan biex insemmi biss uħud. Hemm pataflun ta' proposti oħrajn li ninsab ċert li se jagħmlu differenza fis-settur kulturali. Proġetti infrastrutturali L-ikbar sfida fis-settur kulturali hu li nimlew vojt infrastrutturali li ilu jkarkar is-snin fil-kamp artistiku. Diġà bdejna billi waqqafna strutturi bħalma huma Teatru Malta, Żfin Malta u Film Malta. Issa rridu nkomplu nwaqqfu strutturi oħra bħalma huma l-Kor Nazzjonali sabiex pajjiżna jkollu pjattaforma t'eċċellenza fid-diversi espressjonijiet artistiċi. Imbagħad hemm l-infrastruttura vera u proprja tal-ġebel u saqaf. F'din il-leġiżlatura tajna l-ħajja lil iktar minn 80 wirt storiku b'investiment ta' iktar minn 85 miljun Ewro fosthom Sant'Anglu, Sant'Iermu, it-Tempji ta' Ħal Tarxien, l-Ipoġew u l-Katakombi tar-Rabat. Fassalna s-sodda biex assigurajna fondi Ewropej jew Nazzjonali u ħruġ ta' permessi fi proġetti oħrajn li se jibdew jinfetħu wieħed wieħed hekk kif jibdew jgħaddu x-xhur tal- leġiżlatura l-ġdida: l-Mużew tal-Arti (MUZA), il-Mużew tal-Arti Kontemporanja (MICAS), il-Villaġġ tal- Karnival, ir-#RockHub u x-xogħol kbir li se jsir fuq il-Palazz tal-President, it- Teatru Manoel u l-arkivji tal-PBS. Jekk inwettqu dawn kollha nkunu mxejna ħafna f 'temp ta' inqas minn 10 snin. Biss, ikun fadal it-twaqqif ta' Concert Hall Nazzjonali. Dan hu impenn li qed nagħmluh fil-manifest elettorali li bħalma wettaqna u qed inwettqu l-proġetti l-oħra, se nwettqu dan ukoll. Distretti Qed nieħu gost ħafna nkompli niltaqa' mal-familji u negozji tat-Tielet u Ħames Distrett elettorali. Kampanji elettorali huma sbieħ u l-fatt li kandidat ikollu l-possibbilità li jiltaqa' ma' tant familji hi opportunità unika. Nieħu gost immens nidħol fi djar in-nies u ninsab onorat li tant familji jistmawni qisni wieħed minn ta' ġewwa. Grazzi mmens lill-mijiet kbar ta' familji li kollha laqawni u tkellmu miegħi. Kalunji Din il-ġimgħa ġibduli l-attenzjoni li fuq facebook kien hemm fake profile li għamel status b'kalunja moqżieża fil-konfront tiegħi u tgħajjir mill-iktar baxx u personali fil-konfront ta' Janice Bartolo. Mexxejt minnufih b'rapport lill-Kummissarju tal-Pulizija. Il-politika m'għandhiex tkun dwar hekk. Min jagħmel użu minn dawn l-affarijiet fil-kamp politiku, in-nies twarrbu. Dawn l-attakki jkomplu jsaħħuna sabiex nagħmlu iktar ġid u niksbu iktar riżultati. owen@owenbonnici.com OWEN BONNICI "Bħalissa l-ħiliet straordinarji ta' Joseph Muscat huma f l-aħjar li qatt kienu: diskorsi impekkabbli, tweġibiet ċari, viżjoni konkreta u attitudni ta' ottimizmu u pożittività" Joseph Muscat jikkonsolida ruħu bi prestazzjonijiet eċċezzjonali

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 21 May 2017