Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/826632
Il-Ħadd 21 ta' Mejju 2017 | illum 23 Rakkont D awwar ħarstu lejn it-tieqa. Sema sewda. L-istilel kienu donnhom tikek żgħar, żgħar iżewquha u jnemnmu b'kulurhom safrani. Fin-nofs, il-qamar mimli kien qed jirrifletti b'ħiltu kollha fuq l-orizzont tal-baħar. Il-baħar kien kalm. Il-purtiera tad- drapp fin iffjurit kienet qiegħda tiċċaqlaq bil-mod maż-żiffa ħelwa ta' Lulju li kienet ġejja minn ħdejn il-baħar, tiffriska xi ftit il-kamra. Paċi. Għalaq għajnejh. Il-ħoss tal- mewġ jilgħab mar-ramel kien qed iwennsu. Beda jiftakar fiż- żmien ta' meta kien għadu żgħir. Meta kien għadu pur. Innoċenti. L-innoċenza tat-tfulija. Għal mument kien ser jidħaq. Kien qed jaħseb fis-sarkażmu tal- ħajja. Ta ħarsa madwar il-kamra. Ħassu komdu. Neża ż-żarbun ta' kafkaf u waddbu lejn il-ġenb. L-għejja li kellu fuqu kienet rikbitu mhux ftit. Kamra sabiħa. Lussuża. Purtieri sbieħ, tad-damask, rikki. Sufani tal-ġilda bajda. Tapiti persjani. Statwetti u pjanti. Inkwadri b'induratura dehbija. Linef mill-fini. Calvin ħassu kuntent. Xegħel it-televiżjoni, resaq lejn is-sufan u ħass ġismu tqil jintelaq fuqu. Għolla saqajh quddiemu u ħalla lilu nnifsu jħossu parti mis-sufan u s-sufan parti minnu. Ħalla rasu tintelaq lura u b'nofs tbissma beda jgħanni għanja antika li kienet għallmitu ommu meta kien għadu tifel żgħir. Xagħru kien għadu mxarrab mill-banju frisk li kien għadu kemm ħa. U kellu riħa tfuħ ta' sapun li kienet imliet il-kamra kollha. Ħassu komdu. Fuq it-televiżjoni kien għaddej xi programm ta' diskussjoni li ftit kien qiegħed jinteressah. Programm fuq il-politika. Ħass ix-xifer t'għajnejh jaħarquh u nduna li kienet ġejja nagħsa ħelwa fuqu. X'ried iżjed? Għonqu kien qed jintelaq lura aktar u aktar. "Sinjuri…… skużawna imma ser ikollna bżonn nagħmlu interruzzjoni. Daħħlitilna aħbar urġenti. Aħbar tal-biża'." Calvin inħasad. Leħen il-mara ta' fuq it- televiżjoni ħasdu. In-nagħas, li sa ftit sekondi ilu kien ħakimlu kull parti ta' ġismu, issa kien tar kollu mar- riħ u għal ftit ma ħassux kważi rrabjat. Irrabjat għal dik it-tfajla ħelwa li jaf kellha seba' mitt sena sakemm tlesti taqra l-aħbar li kienu tawha u titlaq lura lejn darha. "Raġel ta' karnaġġjon abjad qed jidħol fi djar privati tan- nies, jisraq il-flus kollha li jsib u joqtol bla rażan. S'issa diġà huwa allegatament irrappurtat li qatel madwar disa' persuni li joqgħodu kollha fl-istess blokka. Dan ir-raġel qed iġorr miegħu sikkina kbira tal-laħam u huwa liebes ġakketta ħamra u berrita skura ħalli ma jingħarafx. Dan ir-raġel huwa perikoluż u qed jiġi mfittex mill-pulizija. Jekk għandkom xi informazzjoni fuqu…….." Calvin fetaħ għajnejh beraħ u ħass l-għaraq ixoqq għalih. Qabditu r-rogħda. Dawwar ħarstu lejn il-kuritur li kien jagħti għall-kamra fejn kien qiegħed jistrieħ. Dlam. Il-kmamar kienu kollha bid- dawl mitfi. Ħoss. Ħoss ġej minn isfel. Ma kienx ċert jekk kienx ġej minn barra jew minn naħa ta' ġewwa. Beda jibża'. Qalbu għamlet tikk. Il-ħoss tal-arloġġ li kien qiegħed itektek kull sekonda, kien beda jħossu jdejqu. Qam bilqiegħda fuq is-sufan u beda jissemma'. Ħoss ieħor. Kien donnu ħoss ta' tħaxwix u Calvin ma kienx ċert minn fejn kien ġej. Beda jibża' aktar. Silenzju. U le, tgħid kien sejjer żball? Berraq għajnejh u fetaħ widnejh beraħ. Dik l-aħbar ta' fuq it- televiżjoni kienet ġabitu f 'tiegħu. Bellhitu. Werwritu. Ħoss tal-baħar. Ħoss taż-żiffa tar-riħ dieħel mit-tieqa. Ħoss tal-arloġġ. Xejn iżjed. Għal mument; silenzju. U le kien sejjer żball. Għal mument ħassu jerġa' jirrilassa. Kważi reġa' beda jitbissem u kien ser jerġa' jħalli n-nagħas jirkeb fuqu. Iżda mbagħad kien ċert. Il- bieb ta' barra beda jinfetaħ! Kien qed jisimgħu jżaqżaq! Ingħalaq b'tisbita! Calvin qam bilwieqfa malajr. Qabad iż-żarbun b'idejh jirtogħdu, libsu b'mod imgerfex u beda jdawwar ħarstu 'l hemm u 'l hawn jieħu nifsijiet bl-addoċċ, ma jafx fejn jaqbad jagħti b'rasu. Fejn kien ser jaqbad jistaħba? X'kellu jaqbad jagħmel? Għaqqad idejh ponnijiet u telaq jiġri 'l barra mill-kamra. Issa kien ċert. Passi. Ħsejjes ġejjin mill-kamra t'isfel. Telaq jiġri lejn il-kamra ta' maġenb dik li kien qiegħed fiha. Għal mument, ħabat ma' statwa tal-irħam li kien hemm fil- kuritur. Għal ftit ma qalibhiex. Kamra tas-sodda. Daħal jiġri. Ħaffef lejn is-sodda u bla ma ħasibha darbtejn, tkaxkar għal taħtha. Kien qed iħoss ġismu jirtogħod. Beża'. Beża' ħafna. Minn fejn kien qiegħed, beda jqalleb b'għajnejh madwar il-kamra. X'jaqbad jagħmel? Hemm kienu ser isibuh! Hemm kienu ser jarawh żgur! Fis-skiet li kien hemm fil- kamra, kien qed jisma' qalbu tħabbat mija mija ġewwa sidru. Il-ħsejjes kienu għadhom għaddejjin. Kien ċert li kien hemm xi ħadd fid-dar. Inkiss inkiss, ħareġ minn taħt is-sodda, staħba fid-dellijiet li kien hemm fil-kamra u mar jittawwal mit-tieqa mbexxqa li kienet tagħti għal barra. Żewġ sulari. Ma setax joħroġ minn hemm. Kienu ser isibuh! Imma jekk jaqbeż……jekk jaqbeż kien ser iweġġa' żgur! Jew forsi jmut! U dak il-ħin rah. F'mument wieħed. F'mument wieħed, kien ġieh il-ħsieb. Ħabel imgerbeb mal-art fil- kantuniera. Sodda. Tieqa. Ittawwal kif seta' minn fejn kien qiegħed u telaq iħaffef lejn il-bieb tal-kamra. Sema' l-ħoss ta' żaqżiq ta' siġġu ġej mill-kamra t'isfel. Ħass ġismu jqum xewk xewk. Kien fadallu ftit ħin. Ftit biss. Kull sekonda kienet tgħodd! Telaq iħaffef lejn il-ħabel, qabdu, beda jħollu kif seta' u dawru mat-tustiera tal-ħadid tas-sodda, li kien mirfud mal- ħajt, b'ħeffa u ħila liema bħalha. Ippruvah biex jara li kien qiegħed sod. Bela' r-riq li kien tela' fi griżmejh u ħass li dan kien l-uniku ċans li kellu ħalli jaħrab, li jinżel mal-ħabel minn barra u jiġi fuq in-naħa ta' barra tad-dar. Hekk biss. Hekk biss! Għal mument, ħa nifs twil u talab li tiġih tajba. Dak il-ħin induna li ma setax jaħli aktar ħin! Sema' l-passi telgħin it-taraġ! Kien ġej għalih! Calvin qabad il-ħabel b'idejh it-tnejn, waddbu 'l barra mit-tieqa, resaq lejn it-tieqa, iddendel għal isfel, beda jżomm il-ħabel sod bejn idejh u bi tbatija kbira beda nieżel 'l isfel. Ma ħarisx 'l isfel. Kien qed jibża'. Għal mument beda jigdem xufftejh bl-uġigħ għaliex il- ħabel beda jigriflu jdejh it-tnejn. Fis-sular t'isfel tad-dar tal- kantuniera minn fejn kien qed jiddendel Calvin, kien hemm id-dawl mixgħul. Fuq il-parapett min-naħa ta' wara kien hemm karozza bajda, li sa ftit ħin ilu ma kinitx qiegħda hemm. Hekk kif kien kważi wasal isfel, inħasad. Ra donnu dell għaddej jiġri fil- kamra minn ġod-dar, min-naħa ta' ġewwa. Telaq il-ħabel minn bejn idejh u waqa' b'tisbita. "Aħħ….." beda jorkob waħdu, hekk kif ipprova ma jagħmilx ħoss. Iżda kien qed jibża' li kienu semgħuh. Beda jheżżeż snienu u telaq jiġri wara s-siġra ħalli jistaħba. Ra lil xi ħadd jittawwal minn wara l-ħġieġ, iżda Calvin kien mistoħbi sew. Ħalla ftit minuti u beda jdawwar rasu madwar it-triq ħalli jara x'seta' jaqbad jagħmel ħalli jaħrab kif jista'. Reġa' dar iħares lejn id-dar. Id-dar tal-kantuniera. Id-dar tal-kantuniera li kienet qiegħda biswit il-bajja tar- ramel. Fid-dar tal-kantuniera, ġewwa……..kien hemm żewġt irġiel. Wieħed anzjan u l-ieħor xi ftit iżgħar minnu. Iben u missier. "Pà……pà…….?" beda jgħajjat wieħed lill-ieħor. "Donnu……" Ix-xwejjaħ ħares lejn ibnu, hekk kif ċaqlaq kemmxejn rasu u ra dell għaddej jiġri min-naħa ta' barra tat-tieqa. "Mattew……Mattew…….dak x'inhu?" staqsa lil ibnu b'leħen xi ftit debboli. "X'hemm pà?" staqsieh Mattew hekk kif resaq lejn missieru ħalli jara x'kien għadu kemm ra. Min-naħa ta' barra, Calvin telaq jiġri lejn il-pjanta l-kbira li kien hemm biswit id-dar, dawwar rasu madwar it-triq ħalli jara jekk kienx hemm xi ħadd qed isegwih u xħin serraħ moħħu li ma kien hemm ħadd, ressaq il-pjanta ftit la ġenbha, u minn ħdejha ħareġ ħwejġu; il-ġakketta l-ħamra u s-sikkina l-kbira tal-ħobż. Għal mument waqaf bilwieqfa fit-triq, donnu kien nesa xi ħaġa warajh. Iżda mbagħad tbissem, daħħal idejh fil-but u ħareġ il-balaklava. Ra li fid-dar biswit dik tal- kantuniera ma kienx hemm dawl u kien diġà mmarkaha ħalli jidħol fiha. Libes il-balaklava u beda miexi lejn id-dar bis-sikkina tal-laħam f 'idu. Dik id-dar li kien hemm maġenb din. Din id-dar tal-kantuniera. Sharon Calleja Id-dar tal-kantuniera Specialists in EXPOSED AGGREGATE (pebble look). • Available in a choice of colours. • The perfect surface for any outdoor area including driveways, pool areas and steps. • Cleaning and reseal of existing surfaces also available. • All works carried out to a high standard. Customer satisfaction is essential. Fast, friendly service. • On site quotes on request. existing surfaces also available. Call on 99953411/ 99978412 or email on: lghtnjns@gmail.com