Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/871895
13 Il-Ħadd 10 ta' Settembru 2017| illum Aħbarijiet Dak l-aerial...4.5% għadhom jużawh biex jaraw it-TV Minn Veronica Lynn Mizzi 4.5% tal-Maltin għadhom jagħmlu użu mill-aerials fuq il-bjut tagħhom sabiex ikollhom aċċess għat- televiżjoni mingħajr ħlas, magħruf ukoll bħala 'free to air'. Fil-fatt, dan in-numru jkompli jikber f 'distretti speċifiċi, partikolarment fin- naħa t'isfel ta' Malta, f 'lokalitajiet bħal Birżebbuġa, Marsaxlokk, l-Imqabba, il-Qrendi, iż-Żejtun, il-Gudja u Ħal Safi, fejn l-ammont ta' persuni li jużaw is-servizz 'free to air' jitla' għal 7.3%. Wara dan id-distrett, Għawdex kien l-aktar post b'nies li għadhom jagħmlu użu minn dan is-servizz tal-'free to air' sabiex jaraw it-televiżjoni tagħhom, b'6.2%. Fl-istess waqt, il-maġġoranza assoluta tal-Maltin, jiġifieri 91.5% jħallsu xi tip ta' abbonament sabiex ikunu jistgħu jsegwu l-programmi favoriti tagħhom fuq it-televiżjoni. Wara dan il-metodu, l-iktar popolari kienu s-servizzi bbażati fuq l-internet, bi 17% tal-Maltin, 8.2% jużaw il-programmi tal-IPTV u s-satellita, b' 7.8% tal-Maltin. Min-naħa l-oħra, kienu jammontaw għal 12% tal-Maltin li jsegwu l-programmi televiżivi permezz tal-laptops, mobiles jew streaming bit-tablets. Dan joħroġ mir-rapport maħruġ mill-Awtorità tax-Xandir 'Radio and Television Audience Assessment' ta' Lulju ta' din is-sena, li staqsa għadd ta' mistoqsijiet dwar dak li l-Maltin iħobbu jaraw u jisimgħu fuq it- televiżjoni u r-radjijiet matul dawn iż-żminijiet. Daqqa ta' ħarta lit-TV fis-sajf F'dan l-istess rapport, joħroġ biċ-ċar kif it-televiżjoni jieħu daqqa ta' ħarta fl-istaġun tas-sajf, hekk kif sena wara l-oħra, l-ammonti ta' nies li jibqgħu jsegwu t-televiżjoni jkun ferm inqas minn dak li jkun hemm fix-xitwa. Fil-fatt, meta mistoqsija dwar jekk rawx televiżjoni matul il-ġurnata ta' qabel, kienu biss 51% ta' dawk li rrispondew li wieġbu fil-pożittiv. Dan jikkuntrasta bil-kbir mal-ammonti ta' nies li kienu qalu li raw it-TV tul il-ġurnata ta' qabel fl-istħarriġ ta' Frar li għadda. F'dan l-istħarriġ, kienu iktar minn 68% tal-persuni li qalu li kienu segwew xi programm fuq it-televiżjoni tul il-ġurnata ta' qabel. Din it-tendenza tidher tul is-snin hekk kif fl-istħarriġ li sar tul ix-xhur ta' Lulju, sa mill-2014, ir-rata ta' persuni li raw it-televiżjoni tul il-ġurnata ta' qabel kienet dejjem tqarreb il-50%. L-istazzjon nazzjonali jibqa' l-iktar popolari anke fis-sajf L-istazzjon TVM, baqa' l-iktar stazzjon segwit fost il-parteċipanti fl-istħarriġ tal-Awtorità tax-Xandir b'iktar minn 33% tal-preferenza tan- nies. Wara dan, kien hemm l-istazzjon tal-Partit Laburista, One bi 17% tal-preferenza, warajh l-istazzjonijiet Taljani tal-Mediaset (12.88%), il- kategorija ta' stazzjonijiet oħra ammontaw għal 12.26% tal-preferenza. Fl-istess waqt, l-istazzjon Net, kien il- preferenza ta' 7.82% ta' dawk li wieġbu fl-istħarriġ. Meta wieħed janalizza dawn l-ammonti f 'termini etajiet, jidher kif l-istazzjonijiet Maltin huma l-iktar komuni fost dawk li għandhom bejn is-16 u t-30 sena, u dawk li għandhom iktar minn 50 sena. Fl-istess waqt, dawk li għandhom bejn 31 u 50 sena kienu l-iktar li jippreferu l-istazzjonijiet barranin. L-aħbarijiet jiddominaw, iżda d-drama jibqgħu b'saħħithom Tul l-istess stħarriġ magħmul mill- Awtorità tax-Xandir, ġie mistoqsi x'inhuma l-iktar ġeneri ta' programmi li huma favoriti, u rriżulta li kif mistenni, l-aħbarijiet lokali u barranin jibqgħu l-iktar popolari, b'63% tal-parteċipanti jsemmugħhom fost il-preferenzi tagħhom. Minkejja dan, id-drama huwa l-ġeneru li jiġbed lejh it-tieni l-ikbar ammont ta' persuni, b'43%. Il-programmi ta' diskussjoni u ġrajjiet kurrenti ssemmew fit-tielet post b'25%, warajhom id-dokumentarji u mbagħad il-programmi sportivi. Meta dawn il-preferenzi ġew analizzati skont il-parteċipanti humiex nisa jew irġiel, l-akbar differenzi setgħu jiġu nnutati f 'kategoriji bħall-isport fejn l-irġiel preferewh b'23% iktar min- nisa u d-dokumentarji b'differenza ta' 5.4%. Fl-istess waqt, in-nisa preferew ġeneri bħad-drama iktar mill-irġiel, bid-differenza saħansitra tkun b'iktar minn 26%, u programmi reliġjużi b'differenza ta' 6%. Matul il-perjodu li kien taħt analiżi, l-istazzjon TVM akkwista l-akbar rata ta' popolarità bħala medja matul il-ġranet kollha tal-ġimgħa. Mhux talli hekk, imma l-istess stazzjon kellu l-akbar medja ta' udjenza fil-jiem tal- Erbgħa, is-Sibt u l-Ħadd. Fl-istess waqt, l-istazzjon One kellu l-ogħla medja ta' udjenzi minn fost l-istazzjonijiet kollha nhar ta' Tnejn, Tlieta u Ħamis. Nhar ta' Ġimgħa, l-ikbar udjenza kienet issegwi l-istazzjonijiet Taljani tal- Mediaset.