Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/871895
Il-Ħadd 10 ta' Settembru 2017 | illum H ekk xħin sabet ruħha li kienet qiegħda tħossha 'kbira', Beatrice, tfajla ta' sittax-il sena, bdiet tiftiehem mal-ħbieb, joħorġu flimkien, jixorbu, jixxalaw, imorru l-'parties' u tixtri l-ħwejjeġ mill-flus li kienu jagħtuha l-ġenituri tagħha u mill-istipendju, ħalli tikkompeti mat-tfajliet l-oħra li kienet tagħmilha magħhom. Kienet għadha l-università. Beatrice kienet beħsiebha tilħaq perit. Għax minn meta kienet għadha żgħira, il-pjanti tad-djar kienu jaffaxxinawha mhux ftit! Biex inkunu għidna kollox, Beatrice, għal ħdejn sħabha l-oħra, kellha qalbha tad- deheb u xi kultant kienet tħobb toqgħod kwieta, tisma' biss u ma titkellimx. Mhux dejjem kienet taqbel ma' dawk l-affarijiet li kienu jkunu qegħdin jgħidu jew jippjanaw imma biex tkun bħalhom, kienet tispiċċa tagħmel eżatt bħalhom. U ġieli anke agħar! Min jaf kemm-il darba kienu joħorġu u tispiċċa tixrob iżjed milli suppost, tiddamdam u ma tibqax tara art! U ommha u missierha, peress illi kienu nies tat-tajjeb u li kienu rabbewha b'tant imħabba u għożża, tgħidx kemm kienu jinkwetaw għaliha! "Beatrice, għalfejn erġajt xrobt? Dħalt daħna lbieraħ!" kienet tgħidilha ommha, hekk malli taraha nieżla mill-kamra tas-sodda, filgħodu. "U inti qed tgħidli hekk għax xiħa u ma tifhimnix!" kienet tirrispondiha Beatrice, kważi tirrabja magħha. Kieku ma kinitx tagħmel bħalhom, kieku kienu jwarrbuha, jgħidu li hi stramba u li ma tafx tkompli! U hi ma riditx titlifhom! "Binti, għandek ħajtek quddiemek! Ix-xorb ma jagħmilx ġid lil ħadd! U nispera li James ma jkunx xorob daqshekk ukoll!" kienet tipprova twiddibha ommha. "U le James ikun irid isuq!" kienet tigdeb it-tifla. James kien seħibhom li kien jiġi għalihom bil-karozza. Għall-kuntrarju ta' dak li kienet turi lil ommha, kieku kellha tgħodd ix-xorb li kien ikun niżżel James, kienu jkunu kważi d-doppju tal-grupp kollu! Avolja kien ikun ser isuq! "U le, tajjeb qiegħed," kien jgħidilhom, malli jmur wara l-istering, għajnejh qishom żewġ boċċi tal-biljard. U huma, għalkemm xettiċi, kienu jirriskjaw miegħu għax hu biss kellu l-liċenzja minnhom. Dik il-ġurnata partikolari, il-ġenituri ta' Beatrice kienu qegħdin jieħdu l-kolazzjon flimkien. Il-missier kien qiegħed bil-gazzetta f 'idu filwaqt li ommha kienet qiegħda tagħsar il-larinġ. Fil-kċina kien hemm riħa tfuħ ta' ikel misjur. "Dawn għal Beatrice!" qalet l-omm b'tant imħabba. Kienet taf li t-tifla dalwaqt kienet ser tinżel minn fuq, tixrob it-tazza larinġ magħsur li ta' kull filgħodu kienet tlestilha hi, u tmur għal-lezzjonijiet ta' dik il-ġurnata. Semgħu l-passi tagħha neżlin minn fuq. "Qamet!" qalet l-omm lill- missier li mingħajr ma' għolla ħarstu minn fuq il-gazzetta, għamlilha ħoss b'ħalqu li kien fehem. Beatrice daħlet fil-kċina. Għalkemm xagħarha kien magħmul sabiħ; twil u nnukklat u kienet liebsa b'mod tassew pulit, għajnejha kienu xi ftit mqabżżin 'il barra, bil-maskara tal-lejl ta' qabel għadu xi ftit jidher u fil-ġenb ta' wiċċha kellha daqqa vjola. Kien qisu farrett b'tiċrita żgħira mdawwra b'kaħla. "Beatrice...?" qaltilha ommha, hekk kif ħarset lejn bintha, li bla kliem u bla sliem marret lejn it-tazza tal-larinġ magħsur, niżżlitu f 'nifs u kienet ser titlaq 'il barra. "Xi ġralek binti?" "Xejn ma" "Xi ġralek f 'wiċċek?" staqsietha ommha, tinkwieta għaliha. "U le, ilbieraħ..." Il-missier neħħa l-gazzetta minn idu u dar iħares lejha. Id- daqqa li kellha f 'wiċċha ħasditu. "X'ġara lbieraħ Beatrice?" staqsieha b'leħen inkwetat. "James tilef ftit il-kontroll tal-karozza u għadda bi żbrixx eżatt minn mal-ħajt u baqa' dieħel f 'arblu. M'għandux ħafna ħsara... u aħna ma ġralna xejn!" qaltilhom. Iż-żikk! Kienu indunaw! Tgħidx kemm kienet bellgħetilha rtokk dalgħodu ħalli ma tantx tidher! Dik ommha tgħidx kemm hi ċawla! Kollox kienet tinnota! U missierha! Ajma ħej! Issa kienet ser tinqala' xi waħda! Imma għal kuntrarju ta' dak li kienet ħasbet, it-tnejn li huma baqgħu siekta u mitbuqa. Ma kienu qalulha xejn! Sellmitilhom u telqet 'il barra mid-dar, tħaffef lejn l-iskola ħalli tiltaqa' ma' sħabha. Beatrice kienet ħasbet li kollox kien ser ikun eżatt kif xtaqitu hi, iżda dakinhar filgħaxija eżatt malli waslet mill-iskola, inħasdet. Sabet lil ommha u lil missierha, it-tnejn li huma fis- salott. Jistennewha. Riedu jkellmuha. Kienet taf. Riedu jwiddbuha. "Beatrice, jien u ommok qgħadna nitkellmu llum xħin tlaqt inti lejn l-iskola" qalilha missierha. "U xiex?" staqsietu għajnejha miftuħin beraħ, bil-farrett donnu qed jiħmar xi ftit aktar, hekk kif waddbet il-basket tal- iskola fuq is-sufan bl-addoċċ. "Iddeċidejna li filgħaxijiet mhux ser inħalluk toħroġ aktar!" qalilha b'leħen kalm. Kważi kalm iżjed milli suppost. Kważi krudili. "X'inhu? Intom qegħdin tiċċajtaw!" qaltlu, tħares lejn ommha, li kienet tidher li ovvjament kienet qiegħda taqbel miegħu. "Le, Beatrice. Għall-ġid tiegħek," iddeffset ommha. "Qed tagħmilha ma grupp ta' ħbieb li dejjem tkunu imdamdmin...kuljum...u dan mhux sew!" "Mamà, tal-età tiegħi..." "Tal-età tiegħek xejn! Kieku toħroġ u tieħdu żewġ tazzi flimkien, ta' ħbieb, ikun mod. Imma li taqbad il-vizzju tax- xorb huwa mod ieħor!" kważi beda jgħolli leħnu missierha. "Vizzju? U ajma! Jien m'għadnix żgħira!" qaltlu Beatrice ffastidjata. "Ma jinteressanix x'għadek! Mil-lum 'l hemm, m'intix ħierġa iżjed filgħaxijiet! Mur l-iskola, jekk trid mur iltaqa' magħhom f 'xi kafetterija jew hekk, imma din ta' filgħaxija trid tinqata'!" Beatrice inħasdet. Qatt ma rat lil missierha daqshekk irrabjat. "U ejja, papa'!" karbet. "Smajt? Fhimt?" Beatrice indunat li kien ser ikun kollu ta' xejn. Telgħet f 'kamritha, sakkret il-bieb u baqgħet hemm mimduda fuq is-sodda taħseb x'setgħet tagħmel. Xħin wasal il-ħin li s-soltu tiltaqa' magħhom, tgħidx kemm bdiet tirċievi messaġġi fuq il-mobajl! "Inti ġejja jew?" "Beatrice innerdjat?" "Ejja, Bea, ser inkun qed nistennik!" Bdiet tgerger waħedha, hekk kif resqet lejn it-tieqa ta' kamritha u ħarset 'il barra. U dak il-ħin... Ġieha ħsieb! Bagħtet messaġġ ta' malajr lil sħabha. Fetħet il-bieb ta' kamritha bilmod, xirfet barra, aċċertat ruħha li l-kuritur kien imdallam, niżlet isfel, fetħet il-bieb ta' barra, poġġiet tapit bejn il-bieb u l-ħajt u telqet inkiss inkiss 'il barra. Dan kollu għamlitu mingħajr ebda ħoss! Bdiet kważi titbissem waħedha hekk kif daret il-kantuniera u sabet lil James jistennieha fil- karozza. "Irnexxieli naħarbilhom!" qaltlu. "U ajma kemm huma tan- nejk!" qalilha. "Dan ma tistax tieħu daqsxejn ta' pjaċir bihom jew?" U bħal ġranet ta' qabilhom, marret tixrob fil-bar fejn is-soltu kienu jiltaqgħu. Oħroġ il-għaġeb, dak il-lejl donnu James aktar kien xorob mis-soltu. "Inti tiflaħ issuq hux?" staqsietu Beatrice, hekk kif rikbu kollha fil-karozza. Hi kienet qiegħda quddiem. Wara kien hemm Agatha, Joanie u Katie. U l-aħħar li kien iwassal, kien lilha, għax l-aktar li kienet toqgħod viċin tiegħu, kienet hi! U dak il-ħin inħasdet. Semgħet il-mobajl tagħha jdoqq u rat li kienet ommha! "Ġejja tiegħi!" qalet Beatrice, tinnervja. "Indunat iċ-ċawla!" "U ajma..!" bdew jgħidulha. Hekk malli qabbad il-karozza, li kienet għadha bil-ġenb tagħha maqrus mid-daqqa li kien ħa l-lejl ta' qabel, James beda jħares lejn it-triq b'għajnejh nofshom imbexxqa. Ma kienx qed jara sew! "Int orrajt?" staqsewh. "U iva!" ħatafhom. Imma dak li ġara ftit wara, kien donnu minn xi xena ta' xi film tal-biża'! Peress illi ma tantx kien qed jara sew, xħin ġie fuq sinjal biex jieqaf, donnha l-karozza baqgħet ħierġa waħedha u sabu karozza oħra eżatt quddiemhom! L-impatt kien wieħed qawwi! Qawwi ħafna! Beatrice fetħet għajnejha u indunat li kienet qiegħda l-isptar. L-uġigħ qawwi li kien qed jikkontrollalha ġisimha kollu ma felħitux! Kienet imdawra bil-faxex u ma setgħetx tiċċaqlaq. Kellha l-magna tal-qalb u tan-nifs magħha għaliex kienet tilfet ħafna demm u qalbha debboli. "X'ġara minnhom? Sħabi?" staqsiet lill-infermiera li kienet qiegħda tieħu ħsiebha. "Jiddispjaċini, Beatrice." Mietu. Sħabha kienu mietu. Beatrice qabdet idejn l-infermiera u għafsitha. Ħarġitilha demgħa minn ma' ħaddejha u ħassitha ddisprata. "Ommi u missieri qaluli... kienu ilhom jgħiduli!" qaltilha. "Issa tagħmilx hekk...irrilassa, Beatrice," qaltilha l-infermiera. "Jien se mmut ukoll hux?" staqsietha. Dan l-uġigħ. Dan l-uġigħ kien enormi. Ma tissaportihx! L-infermiera ma weġbithiex. Warajha kien hemm infermiera oħra li mesħet demgħa. Kienu jafu. Kienu jafu li l-istat ta' Beatrice kien wieħed gravi. "Irridek taqtagħli l-aħħar xewqa tiegħi!" qaltilha Beatrice. "Għidli." "Ċempel lil ommi u missieri u għidilhom, għidilhom li kellhom raġun! Għidilhom li tort tiegħi! U għax ma smajtx minnhom!" qaltilha bid-dmugħ f 'għajnejha. "Iva, iva." Imma Beatrice mietet ftit ħin wara. "Għalfejn ma lħaqtx ċempiltilhom lill-ġenituri tagħha qabel ma ħallietna, u għamilt dak li qaltlek?" staqsietha l-infermiera l-oħra. "Għax dawk tal-karozza l-oħra kienu l-ġenituri tagħha. Ħarġu jfitxxuha. U kienu diġà ddikkjarati mejtin fuq il-post." 23 Rakkont Sharon Calleja L-aħħar xewqa ta' Beatrice