Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1011653
Il-Ħadd 05 ta' Awwissu 2018 | illum Festi III għat-tradizzjonijiet u l-folklor Il-festi...għal min storbju u għal min melodija Parti essenzjali mill-festa Maltija huwa l-ħoss, kemm jekk dak ġej min-noti solenni tal-mużika sagra, mill-istedina tal-qanpiena jew inkella mill-marċi brijjużi tal-banda. Il-mużika sagra Charles Coleiro jsemmi li sa mis-seklu 16 kienu diġà jissemmew surmastijiet u kompożituri li taw kontribut fl-eżekuzzjoni tal-mużika sagra, fosthom Benigno Zerafa, Girolamo Abos u Francesco Azzopardi. Warajhom ġew il-Maestri di Cappella l-aktar popolari, fosthom Paolo Nani u wliedu, Carlo Diacono, Vincenzo Bugeja u Giuseppe Camilleri. Il-qniepen Il-qniepen ukoll jilagħbu parti importanti mill-festa. Forsi qabel kienu aktar importanti għax l-arloġġ kien rari u għalhekk it-tokki kienu jimmarkaw il-ħin u jistiednu lill-kongregazzjoni biex tinġabar fil-knisja. Minn hemm żviluppaw ukoll l-arloġġi tal-knejjes. Charles Coleiro jsemmi kif kien Mikielanġ Sapiano li għamel l-ewwel arloġġ għall-knejjes fl-1860. L-ewwel settijiet tal-qniepen kienu jinħadmu Malta, fosthom dawk magħrufa bħala ta' Ġulju, iżda mbagħad bdew isiru barra minn xtutna minn ditti magħrufa bħalma saru dawk ta' Birkirkara u aktar tard settijiet oħra ta' Ħal Lija u Ħal Luqa, il-Mellieħa u fl-1947 dawk ta' San Duminku tal-Belt Valletta biex ma nsemmux oħrajn li saru fi żmienna. Il-każini tal-banda Il-każini, li f 'ħafna lokalitajiet il-festa esterna ssir bis-saħħa tagħhom, bdew jissaħħu fi żmien l-Ingliżi. Charles Coleiro jispjega kif kien Indri Borg li beda l-ewwel formazzjoni ta' banda (li baqgħet iġġib ismu: il-banda ta' Indri). Iżda l-ġrajja li mmarkat il-bidu tal-każini tal-baned kienet l-istedina li saret lill-Gvernatur Sir Frederick Henry Bouverie biex iżur il-festa ta' San Filep ta' Ħaż-Żebbuġ. Miegħu ġiet il-Banda Navali li waslitu lura lejn il-Palazz Verdala li kienet ir-residenza tas-sajf tal-Gvernatur. Kienet din il-ġrajja li ħajret lill-Maltin biex jitwaqqfu l-ewwel baned. Id-daqq tal-qniepen jibqa' parti importanti mill-festi L-ewwel vari proċessjonali Aktar qabel spjegajna kif qabel il-purċissjonijiet ma kinux isiru bl- istatwi iżda bir-relikwa. iżda llum il-vari saru ċ-ċentru u l-qofol tal- festa. Staqsejna lil Coleiro jispjega kif oriġinaw il-vari proċessjonali f 'Malta u liema kienu l-ewwel statwi proċessjonali. Coleiro spjega kif fost l-aktar vari antiki f 'Malta nsibu l-Bambina tal- Isla li tmur lura għall-1618. Din kienet parti mill-ġifen, preċiżament pulena u kienet instabet minn żewġ baħħara mill-Isla li kienu qed ibaħħru l-oċean Adrijatiku. Dawn kienu talbu lill-kaptan biex iħallihom jieħu magħhom din il-pulena fil-parroċċa tagħhom, fejn sal- lum għada tinħareġ f 'purċissjoni fit-8 ta' Diċembru. Statwa oħra antika u partikolari hija dik ta' San Lawrenz tal-Birgu, maħduma fuq stil spanjol tant li hi mlibbsa bid-drapp. F'Għawdex, l-ewwel statwa titulari hija dik ta' San Ġorġ fir-Rabat. M'hemmx festa bla logħob tan-nar Il-logħob tan-nar jibqa' karrateristika unika tal-festa Maltija. Charles Coleiro jispjega kif anke hawn, il-logħob tan-nar nafuh lill-Kavallieri ta' San Ġwann. Jirrakkonta kif il-Kavallieri kienu jiċċelebraw il-festa ta' Santa Barbara li hi meqjusa bħala l-patruna tal-bumbardieri. Lil Santa Barbara kienu jsellmulha bis-salut mill-kanuni. Jispega kif is-salut kien isir ukoll fil-jum it-twelid ta' prinċep mill- pajjiżi li minnhom kienu jkunu ġejjin il-Kavellieri jew inkella f 'ħatra ta' re jew inkella imperatur. Minn hemm, ftit ftit, beda jiġi żvilupat il-logħob tan-nar li għenuna biex nagħtuh spinta 'l quddiem it-Taljani. Tant hu hekk, li Coleiro jispjega kif il-kelma 'ġigġifogu,' ġejja propju mill-kelmiet 'gioco di fuoco,' logħob tan-nar. Kif għamilna drabi oħra, qbadna din il-kelma, għawwiġnieha ftit u għamilnieha tagħna.