Illum previous editions

illum 5 August 2018

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1011653

Contents of this Issue

Navigation

Page 24 of 31

Festi V MHUX l-ewwel darba li tisma' lil xi nannu jew li xi nanna jilmentaw li l-festi tal-lum ma għadhomx bħalma kienu. Ngħiduha kif inhi, iż-żminijiet jinbidlu u magħhom jinbidlu d-drawwiet ukoll. Il-gazzetta ILLUM tkellmet mal-istoriku u d-dilettant tal-festi Mario Coleiro, li miegħu tajna ħarsa lejn il-festi tal-bieraħ u l-festi tal-lum. Tkellimna ħafna dwar l-innovazzjoni fil-festi. Fil- fatt, ngħiduha kif inhi, il-festi żvilluppaw kif nafuhom illum bis-saħħa tal-innovazzjonijiet. Iżda, fi kliem Coleiro, sa issa, l-innovazzjoni dejjem saret f 'kuntest u kien għalhekk li wissa dwar il-periklu li l-innovazzjoni tispiċċa tinbidel f 'dannu jekk taħrab tiġri. L-innovazzjoni fl-oriġini tal-festi... Iżda ejja nibdew billi nagħmlu pass lura fiż-żmien. Staqsejna lil Mario Coleiro jispjegalna kif oriġinaw il-festi. Jispjega kif l-ewwel Insara f 'Malta, jiġifieri dawk mgħammda minn San Pawl stess, diġà kellhom forma ta' ċelebrazzjonijiet. Fil-perjodu Għarbi, meta r-reliġjon uffiċjali kienet dik Iżlamika, ir-reliġjon Nisranija f 'Malta baqgħet ħajja, tant li mal-miġja tal-Konti Ruġġieru, dawn iċ- ċelebrazzjonijiet Insara reġgħu qabdu r-ritmu. Għalhekk, fi kliem l-istoriku, il-festi kif nafuhom illum, bdew jiżviluppaw ftit ftit minn dan iż-żmien meta l-Kattoliċiżmu reġa' sab saqajh f 'Malta u stabbilixxa ruħu bħala r-reliġjon tal-Gżejjer Maltin. Għall-bidu kollox kien isir fil-knejjes imma ftit ftit, iċ-ċelebrazzjonijiet bdew jespandu barra wkoll. U l-purċissjoni mhix ukoll innovazzjoni? Mario Coleiro spjega kif il-purċissjoni żviluppat bħala parti mill-quddiesa. Fil-bidu ta' kull quddiesa ssir purċissjoni li matulha s-saċerdot joħroġ mis- sagristija u jitla' lejn l-artal. Din hija l-purċissjoni li naraw illum u li matul iż-żmien kibret biex saħansitra ħarġet barra mill-Knisja sakemm, ftit ftit, ħadet il-forma li aħna mdorrijin biha. Mario Coleiro kompla jispjega li fl-ewwel żminijiet meta l-funzjoni bdiet toħroġ barra mill-Knisja, kull ċelebrazzjoni kienet issir filgħodu, b'dawk li riedu jiġu mill-bogħod, kien ikollhom jaħsbu kmieni ħafna biex jaslu bil-mixi jew fuq xi karrettun. Kieku wieħed kellu jħares biss lejn iċ-ċelebrazzjoni tal- Imnarja, is-solennità ta' San Pietru u San Pawl, in-nies kienet taħseb minn ġurnata qabel u għalhekk kien hemm min kien jasal ir-Rabat il-lejl ta' qabel. Kien minn hawn li nibtet it-tradizzjoni li n-nies tiċċelebra wkoll lejlet il-festa. Fl-armar tal-knejjes aħna innovattivi? Forsi waħda mill- karrateristiċi tal-festi Maltin hija propju il-mod kif il-knejjes ikunu armati fil-jiem sbieħ tal- festi. Mhux se tmur barra minn Malta u tara knisja armata bid- damask, bil-linef, il-ventartali u elf opra oħra li jinħarġu biss ftit jiem fis-sena. Iżda kieku wieħed kellu jħares lura fiż-żmien, jinduna li l-armar fil-knejjes ma kienx xi ħaġa esklussiva għal Malta u dan jixhduh mużewijiet ta' knejjes u katidrali. Kien għalhekk li Coleiro insista li llum, "għandna nassiguraw li din it-tradizzjoni li hija devozzjonali tibqa' ħajja f 'pajjiżna," u mhux tintilef kif ġara bnadi oħra. L-armar lanqas mhu xi ħaġa relatat biss mal-knejjes Insara jew maż-żminijiet tal-lum. Coleiro spjega kif sa mill-bidu nett, il-bniedem dejjem ħass il-ħtieġa li jżejjen id-dar tal- allat li kien iqim u d-drawwa għamluha tagħhom l-Insara wkoll. Fakkar li l-armar li naraw illum huwa frott sagrifiċċji kbar li għamlu missirijietna li kienu jagħmlu minn kollox biex il- knisja tagħhom tkun imżejna bl-aħjar mod possibbli. Ma għandniex xi ngħidu, mal-miġja tal-Kavallieri, it-tiżjin tal-knejjes ħa spinta kbira 'l quddiem u l-Maltin ma damux ma għamlu bħalhom u raw li t-tempji tagħhom ikunu mżejna b'opri mill-isbaħ u ta' valur artistiku. Imma l-festi llum saru esaġerazzjoni? Wara li ħarisna lejn il-passat u kif żvillupat il-festa ma stajnix ma nħarsux lejn il-futur u nistaqsu lil Coleiro x'jaħseb dwar il-festi kif qed jiġu ċċelebrati llum. Kien pront iwieġeb li "l-festa hija l-ewwel nett ċelebrazzjoni reliġjuża iżda t-tradizzjoni wkoll u għalhekk jeħtieġ naraw li nżommuha ħajja. Filwaqt li l-innovazzjoni fil-festi minn dejjem kienet hekk, irridu naraw li din ma tispiċċax dannu." Tlabna lil Coleiro jagħti eżempji ta' kif l-innovazzjoni tista' tispiċċa biex taħrab minn idejna. "Il-mużika fil-festi hija essenzjali, iżda l-mużika tal- orkestra u tal-banda u mhux id-disco. Is-CDs għandhom ikunu marċi u mhux diski mimlija tgħajjir u insulti," saħaq Coleiro. Jekk ngħidu li bla nar ma hemmx festa u jekk qabel ma kinitx tkun ġiet il-festa jekk il-knisja ma tkunx ippakkjata bin-nies, illum il-ġurnata x-xorb sar essenzjali daqshom. Immaġina tmur festa u ma ssibx minn fejn tieħu grokk! Coleiro insista li anke hawn il-festi qed jiżvijjaw. "Ix-xorb żejjed żgur huwa dannu għall- festi. Ħafna ħwienet tax-xorb jimpurtahom biss fl-istorbju u f 'kemm jifilħu jattiraw nies li jixorbu bla rażan. Ix-xurbana u l-festi ma għandhomx jitħalltu," inisista Mario Coleiro. Tkellimna dwar il-marċi. Storikament il-marċi kienu manifestazzjoni ta' ferħ iżda Coleiro lmenta kif illum issib ċertu marċi, partikolarment dawk ta' filgħodu, fejn il- marċ spiċċa marmalja ta' nies xurbana li jitgħajru u jinsulentaw lil xulxin filwaqt li spiċċat id-diċenza fl-ilbies, il-komportament u l-kompetizzjoni spiċċat pika u tgħajjir. Kif se nipproteġu l-festi? "Il-festa għandha tkun l-vetrina tagħna l-Maltin fejn nuru l-kapaċitajiet tagħna f 'ħafna snajja' u xogħol artistiku. Il-festa għandha tkun il-mod kif kollettivament niċċelebraw flimkien okkażjoni li tagħti qima lil Alla u lill- qaddisin. Għandha tkun okkażjoni ta' ġid spiritwali. Il-festa hija wkoll il-mument meta r-residenti tal-ibliet u l-irħula tal-gżejjer tagħna jingħaqdu biex kollettivament jiċċelebraw festa reliġjuża u fl-istess ħin festa tal-poplu," saħaq Coleiro. Insista li fuq kollox, il-futur tal-festi jinsab f 'idejn dawk li huma involuti fihom, li fi kliemu għandhom dejjem iżommu f 'moħħhom li qed jaħdmu għal festa reliġjuża b'ħafna tradizzjonijiet, filwaqt li l-Knisja jeħtieġ taġġorna ruħha u tikkopera bis-sħiħ ma' min jaħdem għall-festa. "Irid dejjem jinħoloq kompromess sa fejn tasal l-ispirtwalità u fejn jibdew it-tradizzjonijiet. Għalhekk kollox irid isir bil-ħsieb aktar milli b'entużjażmu. B'hekk biss il-festa tista' tibqa' tikber u fl-istess ħin iżżomm l-identità tagħha," temm jgħid Coleiro. Il-Ħadd 05 ta' Awwissu 2018 | illum 'L-innovazzjoni fil-festi ma għandhiex tinbidel f 'dannu' Ma' Mario Coleiro l-gazzetta ILLUM titkellem dwar l-innovazzjoni fi l-festi u kif din dejjem kienet parti essenzjali mill-iżvilupp tal-Festa sa mill-oriġini tagħha. Iżda llum, din l-innovazzjoni, ħarbet minn idejna? Il-purċissjoni ta' San Ġużepp fir-Rabat tal-Imdina Mument waqt il-marċ popolari tal-Ħamrun

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 5 August 2018