Illum previous editions

illum 5 August 2018

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1011653

Contents of this Issue

Navigation

Page 7 of 31

Aħbarijiet 8 illum | Il-Ħadd 05 ta' Awwissu 2018 'Aħjar crisps bl-irħis milli pakkett frott ...imma jekk l-ikel bni n ikun ippreżentat sabiħ u b'mod abbundanti x'aktarx li l-prezz se jingħata l-ġenb Minn Yendrick Cioffi FEJN jidħol l-ikel lill- Maltin warrbilna. F'kull ċelebrazzjoni, sew jekk bejn il-familja jew inkella komunitarja, tħares fejn tħares se ssib l-ikel u mhux qed nirreferi għal xi insalata imma x'aktarx xi burger, hotdog jew xi pastizz. Minkejja li qed tikber il-kuxjenza dwar il-bżonn li jittiekel ikel tajjeb għas- saħħa, jidher li hemm diversi barrieri li għadhom qed iżommu lill-Maltin milli jinkludu dan it-tip ta' ikel fid-dieta tagħhom. Studju (Access to Healthy, Clean, and Fair Food) li ffoka fuq l-aċċess f 'Malta għall-ikel li huwa tajjeb għas-saħħa u inqas artifiċjali u pproċessat (Healthy, Clean and Fair), sab li l-prezz ta' dan it-tip ta' ikel huwa wieħed mill-akbar barrieri li jżomm lill-Maltin milli jbiddlu d-dieta tagħhom għal waħda aktar tajba għal saħħithom. Tant hu hekk li l-maġġoranza ta' dawk li ħadu sehem f 'dan l-istudju, ikkummisjonat mill- Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà, iqisu li l-ikel li huwa l-aktar tajjeb għas-saħħa u l-inqas artifiċjali u pproċċessat jifilħu jħallsu għalih l-iżjed dawk li jaqilgħuha tajjeb. Fil-fatt, kemm mill- osservazzjoni li saret u anke mill-intervisti ma' diversi parteċipanti, kemm konsumaturi, persuni li jaħdmu fis-settur, akkademiżi u esperti, irriżulta li l-Maltin iħarsu aktar lejn il-prezz tal- ikel milli lejn il-kwalità. "Ħafna drabi l-konsumaturi jqisu li l-prezzijiet mhux ġusti mingħajr ma jifhmu l-pressjoni li jiffaċċjaw produtturi ta' ikel tajjeb għas- saħħa," jispjega r-rapport. Dak li sab ir-rapport huwa wkoll interessanti fid-dawl ta' studju li sar mill-Eurostat u ppubblikat mill-gazzetta ILLUM, jiġifieri li fejn jidħlu prodotti tal-ikel Malta għandha fost l-ogħla prezzijiet. Jekk dan jgħodd għal affarijiet bħalma huma ħobż, żjut u juices, wieħed jista' jikkonkludi kemm jgħodd aktar għall-prodotti li huma aktar tajbin għas-saħħa. "Meta tiġi biex tagħżel bejn pakkett frott niexef mingħajr l-ebda zokkor miżjud jew inkella pakkett crisps, x'aktarx li l-konsumatur se jagħżel il-crisps sempliċiment għax huwa rħas," jispjega r-rapport. Għalhekk, minkejja li pakkett frott niexef huwa aktar nutrijenti, inqas ipproċessat u x'aktarx li mhux ħafna aktar ogħli, il-prezz irħis ta' pakkett crisps jirbaħ lil dawn il-fatturi kollha. Imma x'aktarx xorta se tonfoq aktar Hawnhekk, ir-riċerkaturi jagħmlu punt importanti ħafna li dwaru jeħtieġ jiżdied l-għarfien għax ħafna drabi ma jiġix f 'moħħ il-konsumatur jew inkella jiddeċiedi li ma jagħtux kasu, l-aqwa li jimlew żaqqhom. Waqt li jikkwotaw minn studji tal-Għaqda Dinjija għas-Saħħa, jispjegaw kif ftit huma dawk li jagħmlu assoċjazzjoni bejn l-ikel irħis u mhux tajjeb għas-saħħa u l-kundizzjonijiet mediċi li jistgħu jiżviluppaw fil-futur minħabba d-dieta ta' dak li jkun u li jispiċċaw biex xorta waħda jbattlulek il-but. Dan, ikompli r-rapport, jista' jgħodd l-aktar għal dawk li għandhom problemi finanzjarji u li minħabba l-bżonnijiet urġenti tagħhom ma għandhomx ċans biex joqogħdu jaħsbu fit-tul. Ir-riċerkaturi saħansitra jisħqu li fost il-Maltin dan jista' jkun aktar il-każ minħabba l-fatt li s-servizz tas-saħħa huwa b'xejn u għalhekk moħħhom mistrieħ li se jkunu koperti jekk jiżviluppaw kundizzjoni tas- saħħa. Addijo l-prezz jekk l-ikel bnin ikun ippreżentat sabiħ Minkejja dan kollu, ir- rapport sab fattur ieħor li huwa interessanti. Ġeneralment meta ikel li huwa tajjeb għas-saħħa kien ippreżentat b'mod aktar attraenti, mill-osservazzjoni rriżulta li konsumaturi ddeċidew li jixtru l-prodott qabel biss iċċekjaw kemm hu l-prezz. Fil-fatt, parti minn dan l-istudju kien jinkludi osservazzjoni ta' konsumaturi li resqu lejn stands imwaqqfa apposta u li kienu jinkludu ikel tajjeb għas-saħħa. Ir-riċerkaturi jispjegaw kif konsumaturi ma kellhom l-ebda problema bil-prezz meta l-ikel kien ippreżentat b'mod attraenti, b'daqs tajjeb u b'tikketta informattiva. "Dan ifisser li l-kosumaturi ma jagħtux biss kas tal-prezz iżda anke tad-daqs tal-ikla u l-preżentazzjoni tal-platt," ikompli jispjega r-rapport. Din il-konklużjoni partikolari tagħmel aktar sens fid-dawl li normalment drajna b'ikel, mhux daqstant tajjeb għas-saħħa iżda li huwa ppreżentat b'mod attraenti u sabiħ fl-għajnejn tal- konsumatur. Fil-fatt, parteċipanti li ħadu sehem fl-istudju semmew l-estetika bħala waħda mill- barrieri li tista' qed iżomm lill-konsumatur milli jixtri ikel tajjeb għas-saħħa, għax ħafna drabi, dan ma jidhirx sabiħ daqs ikel ieħor ipproċessat. Apparti minn hekk, wieħed ma jistax jinjora l-fatt li ikel xejn tajjeb għas- saħħa u li jkun ġie prodott minn kumpaniji kbar u internazzjonali x'aktarx se jkun ippreżentat u rriklamat aħjar u għalhekk il- konsumatur x'aktarx li se jmur għalih, ikomplu jispjegaw ir-riċerkaturi. Sakemm mhux morda, l-anzjani diffiċli aktar biex ibiddlu d-dieta Barriera oħra hija l-età. Forsi għall-kuntrarju ta' dak li wieħed jistenna, iż-żgħażagħ x'aktarx li se jkunu aktar lesti li jbiddlu d-dieta tagħhom. Fil-fatt, l-informazzjoni miġbura minn dan l-istudju tikkonferma li aktar ma' persuna tikber fl-età aktar isir diffiċli li din tbiddel l-istil tal-ħajja u d-dieta tagħha u propju għalhekk huwa aktar diffiċli li tippromwovi l-ikel tajjeb għas-saħħa fost il- ġenerazzjonijiet anzjani. Minkejja li huwa aktar faċli tippromwovi dieta aħjar fost dawk ta' età iżgħar, jidher li għadna xi ftit jew wisq lura. Tant hu hekk hekk li skont studju tal-Għaqda Dinjija għas-Saħħa u li ppubblikat il-gazzetta ILLUM fl-10 ta' Ġunju li għadda, jirriżulta li l-adoloxxenti u ż-żgħażagħ Maltin huma l-aktar obeżi, fost lanqas li jaħsbu li huma b'saħħithom, u fost l-inqas li jieklu ħaxix u dan meta mqabbla ma' żgħażagħ minn 42 pajjiż ieħor. Fost l-anzjani, il-folja tinqaleb xi ftit meta individwu jibda jbati minn mard kroniku bħalma huma l-pressjoni għolja u d-dijabete, iżda jmorru għal dieta aktar tajba għas- saħħa għax ma jkollhomx triq oħra u hekk jordnalhom it-tabib. Ġirja mal-ħin...'ma għandix ċans insajjar' Aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar il-ħajja qed issir mgħaġġla u dan qed ikollu wkoll effett dirett fuq il-ħin li l-konsumaturi għandhom biex iduru l-ħwienet tant li x'aktarx jagħżlu li jixtru dak li hu l-aktar konvenjenti. Għalhekk, jispjega r-rapport huwa u jikkwota l-parteċipanti, il- konsumatur x'aktarx li se jixtri minn supermarket fejn isib kollox taħt saqaf wieħed. Fejn qabel, ngħidu aħna tal-laħam, kien jaħdem aktar viċin ir-raħal u l-bidwi u għalhekk kien jinsisti li l-prodott ikun bnin u frisk, illum din ir-relazzjoni naqset sew, bir-rapport jikkonkludi li hija ħasra li kibret sew id-distanza bejn il-bidwi u l-istakeholders l-oħra fosthom il-konsumaturi. Tas-supermarket se jixtri minn fejn hu l-aktar konvenjenti u minn fejn isib l-aħjar prezzijiet. Dan biex ma nsemmux ikel li jinxtara lest u li kulma jrid biex isir huwa ftit nar jew ftit minuti ġo microwave. "Ħafna mill-parteċipanti jemmnu li l-maġġoranza tal-konsumaturi lanqas għandhom ċans jixtru u jsajru l-ikel, aħseb u ara kemm se jqattgħu ħin janalizzaw xi prodotti se jixtru u dan aktar u aktar meta l-perċezzjoni hija li aktar ma ikel ikun tajjeb għas-saħħa, aktar huwa diffiċli li tiksbu u tippreparah," ikompli r-rapport.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 5 August 2018