Illum previous editions

illum 5 August 2018

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1011653

Contents of this Issue

Navigation

Page 12 of 31

Il-Ħadd 05 ta' Awwissu 2018 | illum Sports 13 SPORTSillum 'Dan huwa rekord uniku li għamilt jien għax kont l-uniku Malti li rnexxieli nispiċċa t-Triple Ultra Triathlon' - Fabio Spiteri Minn Cristian Antony Muscat LATLETA Fabio Spiteri, li s-sena l-oħra rnexxielu jikseb it-titlu tad-Double Ironman, fil-jiem li għaddew sar l-uniku Malti li rnexxielu jispiċċa t-Triple Ultra Triathlon. Din it-tellieqa saret f 'Lensahn, il-Ġermanja bejn is-27 u d-29 ta' Lulju. Spiteri ngħaqad ma' 54 atleta oħra minn madwar id-dinja fen hemmekk koprew distanza ta' 11.4 kilometru ta' għawm, 540km fuq ir-rota u ġirja ta'126.6km. Fabio Spiteri nnifsu tana d-dettalji kollha ta' x'kienet tassew tirrikjedi din it-tellieqa fl-intjier tagħha. Int bħala tri-atleta rnexxielek tikseb rekord. X'tip ta' suċċess irnexxielek iġġib? Dan huwa rekord uniku li għamilt jien għax kont l-uniku Malti li rnexxieli nagħmel dan. Din hija tiġrija msejħa ultra- triathlon hija iebsa mmens u hawn fejn irid ikollok tliet elementi mportanti sabiex jirnexxielek tagħmilha u dawn huma stamina, kuraġġ u determinazzjoni. Kif kont qed ngħidlek din it- tiġrija kkonsistiet f 'għawma ta' 11.4 kilometri, isuq ir-rota għal 500 kilometru kif ukoll ġirja ta' 126 kilometru. Kif qed tara għandek distanzi twal u int trid tagħmilhom biċċa biċċa. Naħseb li l-iktar parti iebsa tagħha hu proprju t-taħriġ li trid tagħmel għaliha. Fil-fatt kelli nagħmel distanzi twal u sigħat sħaħ waħdi nitħarreġ u qed ngħidlek din il-ħaġa xejn m'hi faċli. Iżda trid tipprepara ruħek mentalment għaliha u b'xi mod jirnexxielek tasal għall-objettiv tiegħek. Ridt noqgħod attent x'ikel niekol minħabba li trid tkun tiflaħ għal tellieqa bħal dik li tinvolvi tliet affarijiet; l-għawm, il-ġiri u r-rota. Meta mbagħad tgħaqqad dawn is-sagrifiċċji kollha flimkien u jirnexxielek tikseb dan ir-rekord nazzjonali tħossok ferm sodisfatt. Int ilek tikkompeti mhux ftit f 'dan l-isport u kellek diversi suċċess fil-passat partikolarment fi Sqallija. B'hekk din ir-rebħa li għamilt kienet ilha ġejja... Biex ngħidlek il-verità jien ili 22 sena fl-isport u dejjem ħadtu din il-karriera bis- serjetà. Għamilt żmien kont fit-tim nazzjonali tal-ġiri u kont nieħu sehem ħafna drabi fit-tellieqa ta' 800 metru. Maż-żmien ħassejt li għandi nkun iktar avventuruż u b'hekk iddeċidejt li naqleb għat-triathlon. Biż-żmien din id-dixxiplina kompliet iżżid id-distanzi tagħha u għalhekk trid tipprepara ruħek mill- aħjar li tista'. F'dawn l-aħħar tliet snin komplejt inżid id- distanzi sabiex dejjem intejjeb il-wirjiet tiegħi. Aktar qabel semmejt it-taħriġ li tagħmel. Semmejt li ħafna drabi tkun waħdek u din xejn mhi faċli. Kif jirnexxielek tgħaqqad dawn is-sagrifiċċji kollha biex fl-aħħar mill- aħħar ikollok saħħa mentali biżżejjed? Naħseb li l-ikbar sagrifiċċju tiegħi kien meta tlaqt ix- xogħol full-time li kelli. Jien kont naħdem fil-Malta Freeport iżda ħassejt li biex niddedika ħin iktar għall- isport kelli nitlaq dan ix- xogħol. Bil-mod il-mod malajr sibt biex nimla l-ħin minħabba li qbadt nikkowċja. Ridt ukoll ammont kbir ta' sigħat nitħarreġ u għalhekk naħseb li għamilt l-aħjar pass u ħadt l-aħjar deċiżjoni. Bħalma jkolli numru kbir ta' sigħat nitrenja, nagħmel ġranet sħaħ fejn nistrieħ. Per eżempju ġieli nagħmel tnax-il siegħa sħaħ nitħarreġ iżda mbagħad iridu jgħaddu jumejn qabel ma' nerġa' nibda bit-trejning tiegħi. B'hekk il-ġisem jilħaq jirkupra. Kif wieħed jista' jaħseb, is-sessjonijiet ikunu daqsxejn twal u peress li nkun waħdi, ġieli anke matul il-lejl tħarriġt sabiex nderri l-ġisem jadatta għal dawk il-ħinijiet. X'tip ta' ikel tiekol sabiex iżomm ruħek fl-aħjar forma fiżika possibli? Bħala ikel, jien bħala persuna niekol ħafna karboidrati u nieħu xi proteini. Meta tkun ser tasal it-tellieqa trid iżżomm ċertu dieta li kapaċi tkun ftit iddixxiplinata wkoll. Iżda wara kollox din id-dieta tkun ideali sabiex jirnexxielek tegħleb dawn id-distanzi twal. Aktar qabel semmejt ukoll li int kont tlaqt ix-xogħol full- time tiegħek. Din mhix ħaġa faċli minħabba li f 'Malta ftit jeżistu opportunitajiet li jkollok karriera fl-isport. X'inhi l-opinjoni tiegħek dwar dan kollu? Ħa ngħidlek mhux li kienet xi ħaġa diffiċli ħafna li nagħmilha. Kif għedtlek jien imbagħad qlibt għall- karriera fil-coaching u nieħu ħsieb ngħallem 50 atleta. Jien nikkowċja gruppi ta' atleti u jkolli madwar erba' sigħat kuljum. Il-kowċing huwa proprju l-għixien tal-ġurnata tiegħek fejn hawnhekk int trid tgħaddi l-kariżma tiegħek bħala atleta lil dawn it-tfal u żgħażagħ li jkunu jixtiequ jilħqu u jirnexxu f 'dan l-isport. Huwa gost u pjaċir tiegħi li ngħaddi l-informazzjoni li naf lill-atleti li telgħin. Bħala paga qisni bqajt l-istess u l-vantaġġ minn dan kollu hu li għandi ċans nitħarreġ fil-ħin liberu tiegħi. Kemm int sodisfatt dwar kif il-mezzi tax-xandir f 'pajjiżna qed jagħtu mportanza lit- triathlon? Li nista' ngħidlek hu li bħala sport it-triathlon qed jikber ġmielu kemm fil- parteċipazzjoni kif ukoll fil-popolarita'. Hemm iktar kuxjenza minn kulħadd u l-mezzi tax-xandir f 'pajjiżna qed tagħtina ċertu mportanza anke fl-aħbarijiet li jsiru ta' kuljum. Anke bħala sponsors dejjem ikolli għajnuna minn dawk kollha konċernati. B'xorti ħażina, dan l-isport huwa wieħed li jiswielek ħafna flus għax biex issiefer trid kemxa ġmielha u dejjem trid ittella' miegħek ir-rota u dan ifisser li din hija spiża żejda kull darba li tkun ser tikkompeti f 'avveniment internazzjonali. Anke biex tieħu sehem f 'tellieqa, aħna nħallsu l-eluf ta' ewro bħala miżata li tkun ser tikkompeti. Għandna l-ispejjeż tagħna iżda aħna nittamaw f 'dawk l-isponsors li jgħinuna finanzjarjament. X'int tagħmel bħalissa? Bħalissa qed nieħu ħsieb nistrieħ ftit għax kif tista' taħseb wara 45 siegħa għaddej, il-ġisem ikun imkisser. Il- prijorità tkun dejjem li ġismi jirkupra għax li tagħmel biss biss 19-il siegħa fir-rota mhux ċajta. Ikolli ħafna blisters u anke qtugħ ta' laħam. Il-ġisem jieħu kedda tajba u għalhekk trid terġa' tkun tiflaħ tagħmel tellieqa oħra. Mal-ħin dan kollu jmur u tibda tiffoka mentalment fuq tiġrija oħra. X'inhuma l-objettivi li fadallek tilħaq? Aktar milli objettiv jien bniedem avventuruż li dejjem irrid nivvinta xi ħaġa ġdida x'nagħmel. Bħalissa objettiv partikolari huwa li mmur għall-isfida li jmiss u nixtieqha li tkun dejjem akbar minn dik ta' qabilha. B'hekk wara t-triple Iron Man ser inkompli tiela' fuq distanzi aqwa.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 5 August 2018