Illum previous editions

illum 5 August 2018

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1011653

Contents of this Issue

Navigation

Page 27 of 31

illum | Il-Ħadd 05 ta' Awwissu 2018 Festi VIII Ġieli mort festa u staqsejt minn hemm wara l-armar tal-knisja, l-armar tat-toroq, il-kaxxa infernali jew il- ħoss tal-banda? Il-festa ma hi xejn mingħajr in-nies. Sebat ijiem ċelebrazzjonijiet jirrikjedu sena sħiħa ħidma u sagrifiċċju minn għadd kbir ta' voluntiera li jaħdmu għall-festa. Fl-aħħar ġimgħat, il- gazzetta ILLUM iltaqgħet ma' għadd ta' persuni li jaħdmu għall-festa u tkellmet magħhom dwar il-ħidma tagħhom, id- diffikultajiet li jaffaċjaw u s-sodisfazzjon li tagħtihom il-festa. Il-moħħ, il-qalb Is-sagristan, tal-armar, tan-nar, il-bandist, il-pittur u tal-qniepen. L-inqas li jgawdu l-festa imma mingħajrhom ma jsir xejn Adrian Vella - Sagristan Kemm ilek Sagristan? Jien ilni minn meta kont żgħir niġri l-knisja u ngħin fl-armar. Għal dawn l-aħħar 20 sena kont is-sagristan ta' San Ġorġ ta' Ħal Qormi. Kemm tibda tipprepara qabel għall-festa? Fil-knisja x-xogħol ma jiqafx. Għall-festa nibdew nippreparaw qisu minn nofs Mejju, kważi xahar u nofs qabel. Trid tarma fuq in-nadif. Allura l-ewwel nibdew innaddfu ftit ftit, imbagħad nibdew id- damask u ftit ftit il-knisja tintrama. X'inhi l-aktar ħaġa li tħobb tarma? Hemm ħafna affarijiet li nħobb narma. Nieħu gost meta narmaw il-vara. Imma naħseb id-damask jibqa' l-favorit. Mhux biss għax tara l-knisja tilbes ftit ftit imma għax fl-aħħar snin għamilnieh ġdid u ħdimna u ġbarna għalih aħna l-voluntiera. Allura tħoss sodisfazzjon kbir. Imma dawn il-fided u d-dehbijiet mhux żejda meta jeżisti l-faqar? Ma tinkwetanix għax jien naf kemm il-parroċċa tagħna taħdem ma' dawk fil-bżonn. Għandna l-Kummissjoni Djakonija tgħin ħafna nies. Id-dar t'Alla ħaqqha l-aqwa u l-aħjar. Kulma qed tara huwa frott sagrifiċċji li għamlu missirijietna. Fadal interessi oħra. Minn hawn u 20 sena oħra se narmawhom il-knejjes? Għall-grazzja t'Alla hawn għandna grupp sabiħ ta' voluntiera jgħinu fl-armar. 20 sena ilu kont insaqsi l-istess mistoqsija. Illum għadna hawn u kollox għadu jsir. Ma naqtax qalbi. Benny Bugeja - Tal-qniepen Kemm ilek iddoqq il-qniepen? Tista' tgħid minn meta kont tifel. Għal dawn l-aħħar 50 sena żgur. Kelli missieri kien midħla ħafna tal-knisja u kien ukoll il-parrinu tal- qanpiena l-kbira tal-parroċċa tal-Gżira. Allura tista' timmaġina kemm kont nisma' ħafna stejjer fuq kif inġabru l-flus għall-qniepen u l-istorja tagħhom. Imma d-daqq tal-qniepen jagħtik sodisfazzjon? Għalija l-qanpiena hija vuċi u nħossha tkellimni. Inħoss għaliha meta tispiċċa maħqura minn daqq ħażin u tisbit żejjed. Tferraħni meta tindaqq kif għandha tindaqq. Inħoss li hemm sens ta' komunikazzjoni bejni u bejn il-qanpiena. Hemm xi sett li huwa l-favorit? Hemm ħafna settijiet sbieħ li jferrħuni imma l-aktar ta' Ħal Lija u tal-Gżira. Il-qniepen ta' John Taylor jogħġbuni wisq. Għandhom intonazzjoni perfetta u ċertu ħlewwa li ma ssibx f 'settijiet oħra. F'Malta daqqejt kważi fil-kampnari kollha imma għandi xewqa kbira li ndoqq dawk ta' Għajnsielem, imma għalissa ftit diffiċli għax wisq impenjat fil-festi f 'Malta. Imma l-qniepen mhux storbju żejjed? Meta jindaqqu f 'ħinhom mhumiex. Żgur mhux aktar storbjużi mill- makkinarji tal-kostruzzjoni li ssibhom kullimkien jew xi radju mgħolli ta' karozza. Għaliex il-qniepen ma għandhomx iħabbru u juru li fil- parroċċa jkun hemm festa kbira. Naqbel li kull mota ma għandhiex tkun aktar minn kwarta għax l-esaġerazzjoni ħażina f 'kollox. Hemm min fil-festa għadu jdoqq il-Paternoster mas-sebħ. Din la darba f 'sena biss u hija tradizzjoni, ma narax għaliex ma għandhiex issir aktar.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 5 August 2018