Illum previous editions

ILLUM 25 November 2018

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1055417

Contents of this Issue

Navigation

Page 15 of 31

P oġġa t-telefon lura f 'postu b'idu tirtogħod mhux ftit. It-tbissima li kellu fuq fommu kienet tirrifletti mument ta' sodisfazzjon personali. Fl-aħħar! Fl-aħħar kien ser ipattihielha! Kien ilu maħruq. Kien ilu jġemma' fl-istonku! U kien propju dak il-ħin li resaq lejn it-tieqa mdaqqsa li kellu fil-kamra tas-salott tal- appartament ċkejken li kien isejjaħ daru u qagħad għal mument iħares lejn il-veduta ta' blokok kbar mibnija bil- konkos li kellu eżatt faċċata. Hekk biss kien jara. Bini. Aktar bini. U saħansitra aktar bini. Ħa nifs twil u ħass il-pulmun jimtela bis-sodisfazzjon. Kien ilu jberren kif kellu jsibha. Kif kellu jpattihielha. Kulma kien jaf kien isimha. Agnes Abela. U li kienet l-iżjed mara antipatika li qatt kien kellem f 'ħajtu! Infaqa' jidħaq. U għal mument kien ser jixraq fil- bżieq tiegħu stess. Issa kien jonqos il-final grandjuż tal-pjan viljakk li kien ħejja! Kien għad fadal l-aħjar parti! Neil kien jaħdem f 'uffiċċju tal-kummerċ bħala persuna li twieġeb it-telefon fuq problemi tal-konsumaturi. Xogħlu ma tantx kien jogħġbu, anzi biex ikun qal kollox kien jisħet is-siegħa u l-mument li kien ikollu joħroġ minn ġol-friex sħun ta' filgħodu sabiex iħejji ruħu għal ġurnata telefonati ma jaqtgħu xejn fl-uffiċċju fejn kienu jkunu xi għoxrin ruħ, kollha bil-linja tat-telefon tagħhom. Kollha jagħmlu l-istess xogħol. Dahar ma' dahar. Skrivanija m'oħra. Storbju ma jaqta' xejn... "Ħellow, S u Ġ Limited, fiex nista' naqdik?" kien dara jgħid l-istess sentenza għal madwar xi tletin darba kull minuta. Agnes Abela. Issa ma kinitx ser taħrablu. Kemm kienet antipatika! Kien iltaqa' magħha fuq il- linja tat-telefon. Qatt ma kien raha minn wiċċha. Li kien jaf fuqha hu li kienet taħdem mad-ditta tal-produtturi li kienu jagħtuhom ix-xogħol. Din Agnes kienet ċemplet l-ewwel darba għall-ħabta ta' nofs is-sajf u fil-bidu kien ħabat jaħseb li leħinha kien kważi ġentili. Iżda malli kien infurmaha li l-prodotti li kienu jġibu mingħandhom kienu għadhom kollha hemm u li ħadd ma kien qed jixtrihom, kienet infexxet toffendih u tkellmu ħażin. Lilu. Lil Neil Frendo. U mhux hekk tgħid? Din x'kienet ħasbet li hi? Wara, kienu għaddew xi ġimagħtejn u kienet reġgħet ikkuntattjatu. Malli kien semagħha fuq il-linja għat- tieni darba, kien ħa qata' ġol- fwied u ħass saqajh jinqatgħu! Ma kellux aptit ħasla oħra! U din Agnes kienet reġgħet infexxet tkellmu ħażin! "Lili ma tkellimnix hekk!" kien għajjat magħha u qatagħlha l-linja. U dik kienet il-bidu ta' gwerra qalila bejniethom. Għamel ħabta jaqta' l-linja malli jisma' leħinha. Iżda mbagħad kien bagħat għalih id-direttur u qallu li ma setax jitratta lill-klijenti hekk għax minħabba dik il-mara ardita, kien kważi ser jitlef ix-xogħol. "U l-klijenti dejjem għandhom raġun, Neil," kien qallu dak, b'nofs tbissima, mingħajr ebda idea ta' kemm kien ilu jissaportiha fuq dik l-imbierka linja tat-telefon. Hi kienet taf x'jismu. U hu kien jaf x'jisimha. Imma s'hemm biss. Kultant, meta kien ikun kwiet jew għaddej isuq fil- karozza kien joqgħod jaħseb kif setgħet tidher din il-mara li tant kien sar jobgħod. Imbagħad kien iddeċieda. Kien jaf fejn kienet taħdem. Kien jaf x'kien jisimha. "Għandi bżonn inkellem lil Agnes Abela," kien qal lill-mara pulita li kien hemm eżatt faċċata malli kien daħal fil-bini. "Min ngħidilha li inti?" ħarset lejh dik, b'għajnejha mberrqin minn taħt in- nuċċali. Għal mument kien immuta. "Jiena Pawlu Borg..." qalilha minn bejn xufftejn xotti għax ma kienx jaf x'kellu jaqbad jagħmel. Kemm xtaq jaraha! Xtaq jara l-iżjed mara li kien jobgħod fuq wiċċ id-dinja! U dik li kien hemm quddiemu qabdet il-linja tat-telefon u mingħajr ma ħallietu jismagħha, fesfset xi ħaġa minn taħt fih u bdiet iddawwar rasha lejh, turih li Agnes ma kinitx ser tarah. "Jiddispjaċini sinjur, imma hawnhekk hawn sigurtà kbira... is-sinjura Agnes Abela mhix ser tarak!" qaltlu b'vuċi professjonali għall-aħħar, mingħajr emozzjonijiet. "X'inhu? Imma jiena xtaqt inkellimha... anzi..." kien kompla jippersisti. "Għidilha li jiena...jiena jisimni Neil Frendo...u rrid inkellimha urġenti!" "Jiġifieri inti gdibtli ismek?" qaltlu dik, iżżebbeġ għajnejha aktar minn qabel. "Isma' sinjur" kompliet tgħidlu. "Jew ser titlaq 'il barra, inkella ser ikolli nċempel lis-sigurtà għalik!" U kien baqa' bil-kurżità. Imma issa kien ħasibha b'mod tassew ġenjali! "Bukkett fjuri ħomor" kien qal fuq il-linja tat-telefon ftit qabel. "Fjuri ħomor iridu jkunu!" "Neil?" staqsieh tal-ħanut. Kien jafu sew. Billi l-ħanut ta' Cedric tal-fjuri kien biswit l-uffiċċju fejn kien jaħdem, ta' sikwit kien jgħaddi minn hemm u jgħaddi ħinijiet twal ipaċpaċ miegħu. Kont tista' ssejħilhom ftit inqas minn ħbieb kbar. "Jien hu!" qallu Neil, jikxef snienu. Issa jew bin-nervi, jew bl-eċitament jew bis- sodisfazzjon, wieħed ma setax jgħid! "La trid tibgħatilha bukkett fjuri ħomor, naqdik sieħbi!" wieġbu l-ieħor, idawwar ħarstu madwar il-ħanut u jara x'kien għad fadal. "Indirizz?" U Neil malajr tah id-dettalji kollha li kellu fuqha. "Illum stess. Sa siegħa oħra jkunu għandha!" wieġbu. U issa kien qed iħares 'il barra mit-tieqa, jaħseb eżatt li l-pjan tiegħu kien ser jirnexxi. Ħaġa waħda biss kienet qiegħda tinkwetah. Issa jekk Agnes tħalli l-fjuri warajha fl-uffiċċju? Xengel rasu, għadda jdejh minn ġo xagħru u telaq jiġri jħaffef 'il barra minn daru, jaqbad iċ-ċwievet tal-karozza u jħaffef kemm seta'. U ftit ħin wara, kien qiegħed hemm, ipparkjat eżatt faċċata l-bini fejn kienet taħdem is- sinjura Agnes Abela. Għalkemm kien dam ħafna jfittixha fuq il-midja soċjali, xejn ma kien sab fuqha! Neil ħares lejn l-arloġġ u induna li kienu saru l-ħamsa u kwart eżatt! Bdew ħerġin il- ħaddiema minn ġol-bini. U dak il-ħin, qalbu għamlet tikk! Mara twila, b'xuxa ħamranija, liebsa libsa pulita kienet għadha kemm ħarġet minn dak il-bini li kien qed jissorvelja, b'bukkett tal-fjuri f 'idejha! Il-fjuri ma kinux ħomor! Din il-mara kellha bukkett fjuri bojod! Ħassu konfuż! Issa x'kellu jaqbad jagħmel? U dak il-ħin, ħass l-għaraq ħiereġ mill-pali ta' jdejh bl- inkwiet! Tgħid kienet hi jew le? Imma lil tal-ħanut... U dak il-ħin raha! Ħarġet! Beda jidħaq waħdu qisu wieħed fidil. Mara kemxejn magħmula kbira, xagħarha folt kulur il-qastan, nuċċali ppuntat fil- ġnub, liebsa libsa skura kienet għadha kemm xirfet minn ġo dak il-bini b'bukkett fjuri f 'idejha! U l-fjuri ta' din kienu ħomor! Mingħajr ma qagħad jaħsibha darbtejn, ħareġ minn ġol-karozza, ġera lejn in-naħa tat-triq fejn kienet qiegħda din il-mara, rassha mal-ħajt u b'leħen għoli beda jgħajjarha kemm jiflaħ! Xi nies li kienu fit-triq, skantaw iħarsu lejhom. Lanqas fetħet ħalqha! Kienet tidher li twerwret minnu! U nħasdet mhux ftit! "Smajt x'għidtlek?!" kompla jgħidilha b'leħen għoli, mimli mibgħeda. Għal mument, kellu aptit jilgħabhielha ġo wiċċha, imma hu ma kienx raġel tal-vjolenza. Hekk! Hekk ma kinitx ser terġa' ċċempillu u ddejqu żgur! U mela.... wiċċ imb wiċċ! Mela toqgħod tinħeba wara t-telefon! U malli telaq, ħass sodisfazzjon enormi! Kien neħħa balla minn fuq l-istonku! Mexa lejn il-karozza, injora n-nies kollha li kienu għadhom kollha kemm huma ċċassati minn kull angolu tat- triq u telaq 'il bogħod. L-ewwel post li mar, kien ħdejn Cedric. "Ara x'għandi nħallsek ta' dak il-bukkett fjuri ħomor!" qallu Neil. "Eeeehhhhhh iva... imma se nnaqqaslek xi ħaġa mill-prezz, sieħbi," wieġbu dak. "U għala?" qallu Neil. U iva, l-importanti li kien taha ħasla kif kien imiss! Lil Agnes. Agnes Abela. "Għax fjuri ħomor ma kienx fadalli, Neil. Lil ħabiba kellna nibagħtulha fjuri bojod, u iva mhux xorta waħda għalik?" staqsieh dak. Fjuri bojod. Xufftejn Neil bjadu bil- qatgħa. Mela dik mhux Agnes kienet. Mhux Agnes Abela! "Jien bukkett fjuri ħomor tlabtek!" Neil bilkemm felaħ jirrispondih! illum | Il-Ħadd 25 ta' Novembru 2018 16 Rakkont Sharon Calleja Bukkett fjuri ħomor

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 25 November 2018