Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1055417
Sports 25 Il-Ħadd 25 ta' Novembru 2018 | illum Haley Bugeja... magna ta' gowls għat-tim tan-nisa ta' Mġarr United minn Cristian Antony Muscat HALEY Bugeja - tfajla li għalkemm għad għandha biss 14-il sena qed tirriżulta bħala plejer indispensaabli għat- tim tan-nisa ta' Mġarr United, fejn tista' tiġi deskritta bħala magna ta' gowls għalihom hekk kif diġà skorjat 10 gowls f 'ħames partiti biex tinsab tokkupa l-quċċata tal-lista tal-aqwa skorers tal-Kampjonat tan-Nisa. F'dan l-artiklu, se nkunu qed insiru nafuha aħjar. "Ta' età żgħira konna mmorru nilagħbu Ta' Qali u ħija Nigel kien dejjem jipprova jħajjarni biex nibda nittrenja ma' klabb għax ħass li kelli talent. Fil-fatt ta' ħames snin għamilt l-ewwel passi tiegħi fil-grawnd tal-futbol tal-Infetti ta' Birkirkara FC. Allura bla ebda dubju li persuna li kienet strumentali biex tinfluwenzani u tkabbar l-interess tiegħi fil-futbol kien ħija l-kbir. Bdejt nittrenja ma' Birkirkara FC għal seba' snin, kont nittrenja mas- subien għaliex ma kienx hemm bniet ta' daqsi. Il-ħin tat-taħriġ tiegħi mas-subien għeni ħafna u saħħaħni għall-futur. Matul dawk is-seba' snin, ħija kien importanti ħafna u dejjem tani sapport kbir. Kien jiġi jarani nilgħab u jgħidli xi stajt nagħmel aħjar. Apparti mis-sapport hu kien role- model tajjeb ħafna u llum il-ġurnata qiegħed jilgħab mat-tim tal-kbar ta' Lija Athletic. Is-sapport li kelli u għad għandi llum il-ġurnata mingħand il-familjari huwa wieħed inkredibbli. Mingħajr is-sapport tagħhom żgur ma kienx jirnexxieli nasal fejn wasalt. Ta' 11-il sena biddilt il-klabb u ngħaqadt ma' Mġarr United FC u minn dak iż-żmien 'l hawn qatt ma ħarist lura. Jien kont ħadt din id- deċiżjoni għaliex xtaqt nibda nittrenja mal-bniet ta' daqsi u kont smajt li kellhom akkademja soda u li jiffukaw ħafna fuq iż-żgħar, allura rajtha bħala deċiżjoni pożittiva. U hekk kienet. Wara tliet xhur mal-Imġarr, ġew jarawni xi kowċis tan-nazzjonal. Għaddew ftit ġimgħat u rċevejt telefonata li għażluni biex ningħaqad mal-grupp ta' taħt l-14-il sena. Kien mument importanti ħafna f 'ħajti u minn dak iż-żmien bdejt inħares lejn il-futbol aktar bħala passjoni milli delizzju. Il-futbol jinvolvi ħafna sagrifiċċji. Minħabba l-iskola u t-taħriġ tal- futbol, ikolli ftit ħin mal-familja. Fil-fatt jiena nittrenja għaxar darbiet fil-ġimgħa, u xi drabi iktar. Wara ġimgħa trejning inkun għajjiena ħafna imma l-imħabba għal dan l-isport iżommni fuq saqajja u tgħini nibqa' għaddejja u miexja 'l quddiem. Żgur li kieku ma kellix il-futbol f 'ħajti, m'inix l-istess persuna li kulħadd jafni llum. Il-futbol għeni nrabbi kunfidenza madwar in-nies. Karratteristiċi li għandi bis-saħħa tal- futbol huma: kunfidenza, determinazzjoni, rispett, attitudni pożittiva u aktar. Meta nkun qed inħossni xi ftit imdejqa ma taranix nibki jew naħseb fuq xi ħaġa ħażina imma tarani b'ballun ma' saqajja. Il-futbol huwa dik il- ħaġa li tnessini minn kollox. Waqt xi logħba jew trejning dak li jkun ġara matul il-ġurnata ma jaffetwanix għaliex moħħi jkun daqshekk iffukat fuq li qed nagħmel li totalment ninsa x'kien ġara qabel. Fl-2017 applikajt u dħalt fl-Iskola Nazzjonali tal- Isport. Kienet deċiżjoni diffiċli biex nitlaq lil sħabi tal-iskola imma ħassejt li biex nimxi 'l quddiem u ntejjeb il-ħiliet tiegħi fil-futbol, din ser tkun opportunità tajba għalija. Kont l-unika tfajla fis-sena tiegħi li nipprattika l-futbol u kont ftit nervuża fil-bidu imma kont naf li kapaċi u emmint fija nnifsi matul dan il-ħin kollu. Issa ġaladarba wasalt fir- raba' sena tas-sekondarja nista' nikkonferma li d-dħul tiegħi f 'din l-iskola kienet opportunità kbira u deċiżjoni tajba ħafna għaliex mhux biss impruvjajt akkademikament imma ħassejt li mxejt 'il quddiem ħafna fil-futbol ukoll. Is-Sena 2018 kienet waħda importanti ħafna fil-karriera tiegħi. Fil- bidu tas-sena ħadt sehem f 'Development Tournament tan- Nazzjonal li seħħ f 'Malta stess, fejn lgħabna tliet logħbiet kontra tliet pajjiżi oħra: Andorra, Ġibiltà u Liechtenstein. Bdejt dawn it-tliet logħbiet kollha u kelli gowl u assist fuq ismi. Irbaħna t-tliet logħbiet li huma u akkwistajna l-ikbar rebħa f 'kull kategorija tan-nazzjonal. L-aqwa emozzjoni li qatt ħassejt kienet meta ħriġna għall-ewwel logħba, kantajna l-innu Malti u ħarist 'il fuq u rajt lill- familjari jissapportjawni. Ftit xhur wara għamilt id-debut tiegħi mat-tim tal-kbar ta' Mġarr United. Kien mument speċjali ħafna li kont ili nistenna. Id-debutt kien ftit ġranet wara li għalaqt 14-il sena, jiġifieri ma tantx stajt insaqsi għal aktar minnhekk. Kienet logħba importanti ħafna wkoll għaliex rebħa fissret li nkunu fil-finali tan-Knockout kontra Birkirkara FC, it-tim li bdejt il-karriera tiegħi miegħu. Il-finali kienet waħda mill- aktar esperjenzi iebsin li għaddejt minnhom. Il-logħba għaddiet għall- ħin barrani u waslet sal-penalties. Tlajt biex nagħti l-ħames penalty, li seta' kien deċisiv u waqqaf il-logħba, imma fallejt. Kien ħin ikrah f 'ħajti li saħħaħni bħala persuna u għeni nikber bħala plejer. Issa li beda l-Kampjonat tal-istaġun 2018/19 inħossni li kelli bidu pożittiv għaliex f 'ħames logħbiet skurjajt 10 gowls mat-tim tal-kbar u akkwistajna disa' punti li huma ferm aktar importanti. Dan huwa l-ewwel kampjonat sħiħ tieghi u nemmen li se jkun wieħed memorabbli ħafna. Qed inħares b' entużjażmu kbir għall- futur tiegħi. Qed nieħu l-ħajja ġurnata b'ġurnata. Ninsab ferħana mal- klabb tiegħi u kburija li nagħmel parti minn tim fejn inħares lejn ħafna mill-plejers bħalma kieku kienu ħuti. Għandi kowċis li nirrispetta u nammira. Naf li biex nibqa' miexja 'l quddiem fil-karriera tiegħi rrid inżomm saqajja mal-art u ma nħallix li tikbirli rasi. Qiegħda mdawwra b'nies pożittivi li jfakkruni kull ġurnata u jgħinuni niftakar li fadal ħafna x'nagħmel fil-karriera tiegħi u li dan għadu biss il-bidu." Ritratti - Joe Borg Haley Bugeja -azzjoni bil-okk tat-tim nazzjonali Malti