Illum previous editions

Illum 20.01.19

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1072986

Contents of this Issue

Navigation

Page 10 of 31

11 Aħbarijiet Il-Ħadd 20 ta' Jannar 2019 | illum sal-kostituzzjoni: ġlied intern fil-partiti (1) L-affarijiet fil-Partit Laburista komplew jiħraxu sew hekk kif il-Gvern ressaq mozzjoni illi permezz tagħha ta b'ċens il-mollijiet, bini u dritt ta' irmiġġ fil-Birgu lill-Port Kottonera Ltd, il-kumpanija magħżula biex tmexxi u twettaq il-proġett tal- Kottonera. Mintoff kien oġġezzjona għall- mod kif kien sar il-kuntratt u kif se jkun limitat l-użu tal-post mil-pubbliku. Hu kien ukoll qajjem b'saħħa l-każ tal-għoti tal-Forti Sant'Anġlu lill-Ordni tal-Kavallieri, għal dak il-famuż falkun. Sussegwentement Mintoff reġa' vvota kontra l-mozzjoni u allura kontra l-Gvern bil-konsegwenza li din l-art ma setgħetx tgħaddi għand il-privat u l-proġett ma setax jibda. 'Traditur u Ġuda' Minn hemmhekk l-affarijiet iggravaw hekk kif l-għada tal-vot dwar il-mozzjoni, Sant niżel il-Birgu fejn konferenza tal-aħbarijiet inbidlet f 'mass meeting żgħir, fuq il-moll. Hemmhekk Sant tilef il-kalma u l-'cool and relax' li tant kien ħeġġeġ lin-nies iżommu u għajjar lil Mintoff 'traditur' filwaqt li talbu biex jirreżenja. Ħamest ijiem wara Sant reġa' mar il-Kottonera u għal darb'oħra, b'mod simboliku, fil- Pjazza Gavino Gulia f 'Bormla, talab lil Mintoff biex jirreżenja. L-għada, nhar l-14 ta' Ġunju 1998, Sant kien rabat il-mozzjoni dwar il-proġett tal-Kottonera ma' vot ta' fiduċja, xi ħaġa li Mintoff appella biex ma ssirx għax hu baqa' jsostni li ma jridx iwaqqa' lill-Gvern jew ineħħi lil Sant. Iżda Sant kien determinat li jew ikompli jew imur għall-ġudizzju tal-poplu mill-ġdid. Mintoff kien saħansitra mar fuq l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista, li kien għadu kemm twaqqaf, biex f 'intervista ma' Pierre Portelli spjega kif hu kien kontra l-proġett tal- Kottonera. Konferenza Ġenerali taħraq... firda fl-MLP Kollox beda jilħaq il-qofol tiegħu f 'Konferenza Ġenerali tal-MLP illi fiha Sant kien iddikjara gwerra kontra l-PN f 'diskors jaħraq filwaqt li l-eks Ministru tat-Trasport Joe Debono Grech kien għamel diskors ieħor qawwi ħafna kontra Mintoff. Folla ta' Laburisti kienu stennew barra l-Parlament, fi Pjazza San Ġorġ u laqgħu lil Mintoff, sa snin qabel meqjus bħala 'salvatur', bit-tgħajjir ta' 'traditur' u 'Ġuda'. Jingħad li Debono Grech kien saħansitra prova jħebb għal Mintoff fil-Parlament. Fl-10 ta' Lulju maġġoranza qawwija ta' Delegati kienu vvotaw skont ix-xewqa ta' Sant biex tissejjaħ elezzjoni. L-eks Deputat Mexxej tal-MLP George Abela, irreżenja għax ma qabilx li l-partit imur għal elezzjoni. Il-Partit Laburista, b'total ta' 124,220 vot tilef l-elezzjoni b'distakk ta' 12,800 vot. Wara l-elezzjoni ġenerali l-inkwiet fil-Partit Laburista kompla b'akkużi serji ta' tbagħbis ta' voti fil-konfront tal-elezzjoni tal-1992. Kien allegat illi Pawlu Muscat eks Sindku ta' Bormla kien imdaħħal f 'din il-kwistjoni kollha. Muscat sussegwentement tneħħa minn Sindku għar-rabja ta' bosta attivisti Laburisti Bormliżi li riedu illi jkun hu li jibqa' Sindku. Sant qatt ma reġa' kien elett Prim Ministru wara l-1996 u dan hekk kif tilef ir-referendum tal-Unjoni Ewropea, tilef l-elezzjoni tal-2003 u reġa' tilef l-elezzjoni tal-2008 anke jekk bi ftit iktar minn 1,000 vot biss. 1971-1977 – Deputati Nazzjonalisti jivvutaw mal- Gvern fuq il-kostituzzjoni Issa ejja nħarsu lura u lejn in- naħa l-oħra tal-ispettru politiku. George Borg Olivier kien rebaħ l-elezzjoni tal-1962, meta dik is-sena l-Partit Nazzjonalista kien rebaħ b'maġġoranza ta' 50%, filwaqt li l-Partit Laburista, immexxi minn Mintoff kiseb 32% tal-voti biss. Il-Partit Ħaddiema Nsara ta' Toni Pellgrini u l-Partit Demokratiku ta' Herbert Ganado kisbu 8% tal-voti kull wieħed. Wara l-kisba tal-Indipendenza bil-Monarkija tibqa' tirrappreżenta l-Kap tal-Istat, Borg Olivier kien reġa' rebaħ elezzjoni ġenerali oħra, dik tal-1966, meta ħadd ma ġab maġġoranza assoluta. Minkejja dan il-PN kien qabeż lil Mintoff bi 8,000 vot u kellu sitt siġġijiet aktar fil-Parlament. Iżda kif jgħid Henry Frendo fil-bijografija tiegħu ta' Borg Olivier 'Patrijott Liberali Malti': "Sakemm partit ikun minn fuq jikkmanda, jinsa jew jinjora d-diffetti, jittraskura t-titjib anke tiegħu stess, ikun imħabbat jew aljenat mill-Gvern tiegħu stess, x'aktarx b'inqas ħin għall- affarijiet tal-partit." "Malli jitlef u jinqala' 'l barra, jibda l-eżami tal-kuxjenza, tibda tiċċekċek ftit il-fiduċja għamja, tikber il-kritika interna u r-rakkomandazzjonijiet biex l-istrutturi u l-atteġjament u l-attivitajiet jaġġornaw ruħhom, jirrinventaw ruħhom jew jinbidlu radikalment, forsi anke biex jinbidlu n-nies u jtiru l-irjus ukoll. Dan jiġri lil kull partit politiku wara kull telfa elettorali." Dan Frendo qalu meta kien se jibda jirrakkonta s-snin ta' wara t-telfa tal-1971 li rat lill-Perit Mintoff isir Prim Ministru ta' Malta. Huwa kien kiseb 50.8% tal-vot u kellu maġġoranza ta' siġġu wieħed fil-Parlament. Frendo jfakkar illi minkejja l-qasma eventwali fil-PN u x-xewqa tal-maġġoranza skjaċċanti tad-deputati Nazzjonalisti biex Borg Olivier jitlaq minn Kap tal-PN, huwa kien għamel ċerti kisbiet importanti u bena immaġini b'saħħitha ta' Prim Ministru. Borg Olivier kellu apppoġġ qawwi fost l-attivisti Nazzjonalisti, imma mhux wisq fil-Grupp parlamentari tiegħu, forsi simili ħafna għas- sitwazzjoni ta' Adrian Delia bħalissa. Fil-bijografija ta' Frendo, l-1974 hija mlaqqma bħala l-aktar sena ta' sfida għal Ġorġ Borg Olivier. Il-PN kien qed jikkontempla bidliet fih innifsu hekk kif il- klima politika f 'pajjiżna bdiet tiħrax sew b'diversi attakki u vendikazzjonijiet u kontro- attakki u vendikazzjonijiet. Iżda l-Kap tal-PN kien itttratena fuq il-kwistjoni u serraħ fuq tliet fatturi ewlenin. Dawn huma 1) li kien irrispettat bħala Kap minn bosta speċjalment dawk li skont il-ktieb ta' Frendo, Mintoff kien isibhom bħala 'ta' rashom sħuna' 2) dawk li fil-PN u forsi lil hinn ukoll kienu meqjusin bħala l-eċċessi ta' Mintoff, li min-naħa l-oħra kien għaddej bi programm ta' miżuri soċjali, drittijiet ġodda u leġiżlazzjoni bħaż-żwieġ ċivili u 3) Biża' fil-PN minn qasma, forsi wkoll l-istess biża' li teżisti llum. Imma l-qasma fil-Grupp Parlamentari ġiet l-aktar grazzi għat-tibdiliet li l-Prim Ministru Mintoff ried illi jagħmel fil- Kostituzzjoni, b'dawk lealissimi lejn Borg Olivier jgħidu illi din kienet biss skuża biex jitneħħa l-Kap Nazzjonalista. Kien kważi l-Grupp Parlamentari kollu li ma bediex jaqbel ma' Borg Olivier bi Frendo jfakkar fil-ktieb tiegħu illi 21 minn 24 Deputat tal-PN kienu lesti jinfuraw lil Borg Olivier illi jekk ma jirreżenjax isibu kap ieħor huma. Għal darb'oħra, din hija simili ta' sitwazzjoni li kienet qed iseħħ fil-PN sa ġimagħtejn ilu u li din il-gazzetta rrapportat dwarha. Dawn id-Deputati kienu lesti li jaqblu mal-Gvern ta' Mintoff fuq ċerti punti u kienu qed jibżgħu wkoll minn xenarju fejn il-Kostituzzjoni tkun tista' tinbidel b'maġġoranza sempliċi u allura Mintoff ikun jista' jagħmel dak li jrid. Borg Olivier kien jaħseb li dak ta' Mintoff kien biss 'bluff ' u li ma kienx se jasal ibiddel il-mod kif tinbidel il-Kostituzzjoni. Kuntrarjament għall- maġġoranza assoluta tal-Grupp Parlamentari tiegħu stess, Borg Olivier kien isostni illi l-Kostituzzjoni kienet approvata mill-poplu fir-referendum tal- Indipendenza li ntrebaħ minn dawk li kienu favur il-viżjoni tiegħu. Hu jsostni illi biex tinbidel il-Kostituzzjoni jeħtieġ isir referendum mill-ġdid. Imma mbagħad, tkompli tirrakkonta l-bijografija ta' Borg Olivier, meta kien qed jiddiskuti l-kwistjoni ma' Mintoff aċċetta li jsiru tibdiliet imma li dawn jidħlu wara l-elezzjoni tal- 1976, sabiex l-elezzjoni tkun bħal donnha referendum fiha nnifisha dwar l-istess tibdil fil- Kostituzzjoni. Din il-proposta li ma kinitx diskussa minn qabel, ma tantx għoġbot lin-naħa tal-PN u Guido De Marco kien wera dan biċ-ċar lil Borg Olivier. Fit-12 ta' Diċembru, ittieħed il-vot u l-maġġoranza kbira tad-Deputati Nazzjonalisti ħadu pożizzjoni kontra l-kap tagħhom en masse. Minn 27 Deputat tal-PN kien Ġorġ Borg Olivier flimkien ma' ħuh Paul Borg Olivier, neputih Albert Borg Olivier De Puget, Alex Cachia Zammit, Joseph Cassar Galea u Alfred Bonnici li vvutaw mal-Kap tal-PN. Fost dawk li ma vvutawx mal-Kap tal-PN u tal-Oppożizzjoni kien hemm George Hyzler, Ugo Mifsud Bonnici, Ċensu Tabone, Eddie Fenech Adami, George Bonello Du Puis u Anton Tabone, ilkoll Deputati li saru Ministri taħt Gvernijiet Nazzjonalisti ta' Eddie Fenech Adami. Minkejja li ma qabilx Borg Olivier xorta ħa l-ġurament lejn il-Kostituzzjoni. Jingħad illi waqt li qed jieħu dan il- ġurament lejn il-Kostituzzjoni l-ġdida sostna l-kliem 'salv il-validità tagħha'. Mhux ċar għalfejn qal dan Borg Olivier imma forsi ried illi jitfakkar li minkejja l-ġurament xorta baqa' xetikku ta' ħidmet Mintoff bil-vot ta' Deputati tiegħu li prattikament ħassru l-Kostituzzjoni tal- Indipendenza. Ma riedx isir President tar- Repubblika Il-bijografija ta' Borg Olivier tirrakkonta kif De Puget kien qal lil Borg Olivier illi dawk li kienu se jivvutaw kontrih fuq il-Kostituzzjoni Repubblikana kienu lesti illi jipproponuh għall-President tar-Repubblika ladarba l-PN ikun fil-Gvern. De Puget qal hekk lil Henry Frendo "Meta l-poteri fil-PN bdew jagħmlu pressjoni fuqu biex iċedi t-tmexxija, ippruvajt nikkalma s-sitwazzjoni billi għidtlu li huma kellhom l-intenzjoni li jagħtuh il- Presidenza tar-Repubblika malli l-partit jieħu l-poter. Hu mill-ewwel wieġeb li qatt mhu se jaċċetta l-presidenza..." Għall-fini ta' dan l-artiklu rriċerka ttieħdet minn dawn il-Kotba: L-Elezzjonijiet f 'Malta 1849-1992 – fatt u Ċifi (Michael J Schiavone). Patrijott Liberali Malti (Henry Frendo). Elezzjonijiet Ġenerali 1992- 2003 (Michael J schiavone) Alfred Sant ħiereġ mill-Parlament dakinhar li Mintoff kien mgħajjar traditur Ritratt: Times of Malta

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - Illum 20.01.19