Illum previous editions

Illum 20.01.19

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1072986

Contents of this Issue

Navigation

Page 19 of 31

illum | Il-Ħadd 20 ta' Jannar 2019 20 Rakkont Q att ma kienu għal qalbi. Il-festini. Speċjalment meta xi ħadd jagħlaq sninu... Għidu li tridu...jien narahom ħela ta' ħin! U mhux ovvja! Ejja nibdew miz-zijiet. Sena sħiħa jgħaddu minn ħdejk fit-triq, bilkemm ikellmuk, bilkemm jagħrfuk. Jekk ikunu jafu li għamilt xi ħaġa ħażina, bħal ngħidu aħna, tlift ix-xogħol, telqitek it-tfajla... erħilhom itaqtqu fuqek għand tal-merċa! U mhux hekk hawn! Ħa tgħiduli intom! Kuġini. Dawn mod ieħor. Ifhem, kieku mhux għax konna niltaqgħu f 'xi festin 'l hawn u 'l hemm, bilkemm kont inkun naf min huma. Ma tibqax tagħrafhom xbin! Jew forsi għax kultant jitla' r-ritratt tal-profil tagħhom fuq il-midja soċjali. Jikbru. Jikbru u jinbidlu. U anke dawk ir-rabtiet li forsi meta konna żgħar, konna narawhom importanti, imbagħad ma jibqgħux daqshekk... jibda jgerbeb iż-żmien u jinqatgħu r-rabtiet. Bilkemm tibqa' tiltaqa'. Darba kultant. U daqshekk, hux. S'issa naf li qegħdin taqblu miegħi. U jekk ħsibtu li s'issa semmejt affarijiet gravi, mela xi ngħidu għan-namrati tagħhom? Hekk, xi tfajla ta' xi kuġin minnhom... jew xi raġel ta' xi kuġina! Ajma ħej! Ara, aħjar ma nikkummentax! Imbagħad fuq il-lat l-ieħor... hemm in-nanniet. Dawk storja oħra. Dejjem nieħu gost narahom. Imma sena wara l-oħra, qegħdin jinżlu wisq. It-tikmix jiżdied, għajnejhom neżlin aktar fil-ħofra, il-ġilda saret aktar imkemmxa, aktar vini jidhru minn taħt u dan iweġġagħni ħafna. U għalhekk kważi, kważi, nippreferi ma narahom xejn. Ifhem, mhux għax tant ikolli ċans tafx... għax bejn ix-xogħol, il-part-time, u wara mmur nieħu xi grokk 'l hawn u 'l hemm... iż-żmien dejjem għaddej. U jien ġuvni mħabbat. Ġurnata. Ġurnata wara oħra. U ma ssib ħin għal xejn. Insomma, biex ma ntawwalx, għax ma rridx neħdilkom raskom, issa xtaqt insemmi lil ħuti u lit-tfal tagħhom. Dawn ukoll ikunu parti mill-festini u għalkemm xufftejja nipprova nżommhom imċarrtin fi tbissima... Ara nipprova tafx, kieku tafu kemm nipprova! Imma xħin nara lil dawk l-imqarqċin ta' tfal żgħar jiġru wara xulxin fid-dar, twerżiq bla rażan, daqqa ser iwaqqgħu vażun antik, oħra ser imissu l-kitarra l-ġdida fjamanta li kont indoqq biha u drabi oħra iżellġu lil xulxin b'xi biċċa kejk, imissuli l-kollezzjoni ta' karozzi żgħar antiki, storbju... qaddisa dinja... emmnuni... dawn l-affarijiet m'għadnix niflaħhom! U forsi...forsi għax issa ser nagħlaq żmieni. Iva, il-festin tiegħi. Tmintax-il sena. "Ara l-kesaħlu tagħna," qaltli oħti l-kbira, hekk kif resqet lejja u rranġatli dik it-troffa xagħar skura li kienet tħobb tinżel f 'forma ta' nokklu fuq moħħi. "Illum ser jagħlaq sninu! Qisu lbieraħ!" U bla ma ridt, ħarsti marret fuq żaqqha. Dejjem hekk kien jiġrili. Kellha żaqqha kienet qisha bomblu kbir tal- arja, minfuħ sakemm kważi jixpakka! Kienet reġgħet tqila għat-tielet darba! Naħseb kien għaddej ħajja dak il-mingħul li żżewwiġha! Imma mbagħad xħin komplejt nisma' t-twerżiq tat-tfal tagħha jiġru madwar il-kċina, fejn kien hemm ommi tlesti l-ikel, biddilt il- ħsieb mill-ewwel u ħassejt li kważi kelli nitħassru. Oħti l-oħra kienet mehdija fuq is-sufan il-kbir l-abjad tal-ġilda, titfissed u tidħaq flimkien ma' dak il-ġuvni gustuż li kien joqgħod wara tagħna, tbelbel fih u tagħfaslu kull parti ta' ġismu li kellu mgħottija bi ħwejġu. Imnalla missieri ma kienx qiegħed fil-kamra dak il-ħin, għax żgur kienet tagħtih xi puplesija! Dak ma tantx kellu grazzja miegħu. Ommi kienet għaddejja tlesti l-ikel u tpoġġihom fuq it-trej, tagħtihom lil xi kuġina minnhom li kienet tħobb tissendika u din toqgħod iddur persuna persuna, sakemm it-trej jiżvojta u terġa' tmur timla fih. Ħarist lejn it-tazza tal-whisky li kelli f 'idi. Ifhem, imnalla kien dan l-imbierek whisky... hekk kont intaffi ftit mill-monotonija li kont qed inħoss. "Toshera ma ġietx?" staqsietni n-nanna u dort inħares lejha f 'salt. Għal mument ħasditni! Miskina, nannti kienet tinsa' wisq! Kont ilni ngħidilha li kont ħassart minn mat- tfajla, imma kull darba li kienet tarani kienet tistaqsini għaliha! "Uuuuu, ilni ma naraha nann!" weġibtha bi tbissima ħalli ma toqgħodx tinkwieta għalija. Resqet lejja, ġibditni lejja b'tant għożża u qabdet tbewwes fija kif dejjem kienet tagħmel! Ħassejt is-suf iniggeż li kellha ma' gedduma jniggiżli wiċċi u għal mument ridt ninġibed lura għax bdejt niddejjaq. U dak il-ħin reġgħu għaddew jiġru minn ħdejna t-tfal t'oħti, qishom wirdien żgħar żgħar bla rażan u għal ftit ma qalbuniex! "Bħalissa x'qed tagħmel?" ġiet ħdejna ziti Anna, b'dik l-arja ta' waħda intelliġenti, liebsa kollox pariġġ, tad-ditta u xagħarha magħmul b'mod tant perfett. Tant kemm kellha żebgħa fuq wiċċha, bilkemm kont tinduna bit-tikmix li kellha fuq moħħha. "Mhux insuq it-trakkijiet, zi" għedtilha, mingħajr tlaqliq. "Ma komplejtx l-iskola" weġbitni. "Mhux bħal Bernice tiegħi. Diġà qiegħda l-aħħar sena tal-università u diġà offrewlha ħafna xogħlijiet tajbin, aħseb u ara la tiggradwa, għidli! Ma setgħetx tiġi llum ta, kellha riċeviment ieħor. Riċeviment prestiġġjuż." "Nawguralha zi!" għedtilha. U dak il-ħin, imnalla għaddiet kuġinti bit-trej tal-pastizzi, għax kont naqbad inkellimha ħażin tafx! U mhux vera jew! Jien x'jimpurtani x'ser tilħaq bintha Bernice! X'kull waħda! Dawwart ħarsti madwar il-kamra. Ir-riħa tal-ikel hawn ġew kienet tqallgħek, il-mużika klassika, magħżula minn oħti fl-isfond tal-kamra kont inħossha mhux f 'lokha, il-bżieżaq, il-kuluri sbieħ tal- kejk kbir fin-nofs tal-mejda wkoll kienu bdew jagħtuni fastidju, eżatt fin-nofs tal- kamra, imdawwar bil-familjari mitlufin jibilgħu l-ikel u jpaċpċu b'ilħna allegrużi. U għal mument, ħassejtni kważi nistordi. Għamilt idi fuq il-but tal- qalziet fejn kelli l-pakkett tas-sigaretti, sellimt lil ziti u lil nannti li kienu qabdu jpeċilqu bejniethom, xrobt it-tazza whisky li kelli f 'idi f 'nifs wieħed, poġġejt it-tazza fuq tavolina u tlaqt inħaffef lejn it-tieqa. Għal mument, waqaft dritt u ħarist lura fil-kamra. Kieku ma kontux tafu lil dawn in-nies, kieku... jaf kontu tieħdu grazzja magħhom u xena bħal dik kienet tħollkom. Tħossu li xtaqtu kontu hawn minfloki. U li dan il-festin kien tagħkom. U jaf kontu tieħdu gost. Jaf kontu kważi tiggustawhom! U dak il-ħin, bħal donni xammejt riħa stramba. Kemmixt moħħi u missejt imnieħri. Ngħidilkom il- verità, kont kważi ser naħsibha nidħolx fil-kċina u mmur nara ommi kinitx ħarqet xi ħaġa! Imma mhux riħa ta' ħruq kienet. Pjuttost riħa ħelwa... donnha ħelwa wisq! U iva, forsi xi tifel jew tifla minn dawk li kien hemm jiġru mas- saqajn! Ivvintaw xi waħda! U iva, jien mhux bħalhom kont xi darba wkoll! U dak il-ħin, donnu ġara kollox bilmod... donnu qisni kont qed nara film u beda jaħdem kemxejn b'mod għajjien... donnu ż-żmien u l-ħin kienu ser jieqfu. Donnhom kienu għajjew jaħdmu... u kien beħsiebhom jieqfu. Imqar għal ftit. Anke l-arloġġ ta' fuq it- tavolina fejn kont ħallejt it- tazza vojta tax-xorb kien qed itektek b'mod aktar kalm. Kien kważi ser jaqbad jagħtini f 'għajni! Qbadt il-pakkett tas-sigaretti minn ġol-but, ftaħtu, ħriġt wieħed minnhom, poġġejtu bejn xufftejja, ħarist lejn il- veduta tal-baħar li kien hemm faċċata tal-appartament kbir fejn konna ngħixu, hekk kif dejjem kont nagħmel, qbadt il-lajter tas-sigaretti u xegħeltha. U ġara kollox dak il-ħin. Kollox bil-mod. Nar. Riħ. Gass mill-forn li kien ħareġ madwar l-appartament. Splużjoni. Għalaqt għajnejja ħalli ma nara xejn aktar. Ittarraxt. Riħa ta' kollox isir irmied. L-appartament kollu. In-nies ukoll. Lanqas smajt it-twerżiq. Lanqas smajt il-biki. Ġilda tinħaraq. Il-ħruq intensiv ħa kontroll ta' kollox hekk kif belagħna... kollha kemm aħna. Silenzju. Kollox inbela' f 'temp ta' sekonda waħda. Sekonda. Xejn iżjed. Xejn inqas. Sas-sena d-dieħla. Xħin jerġa' jasal il-festin ta' għeluq snini. L-istess. Dejjem l-istess. U kollox jerġa' jirrepeti ruħu. L-istess kejk. L-istess nies. L-istess post. L-istess ikel. Nannti, li baqgħet dejjem tinsa. Ommi terġa' tibda tlesti l-ikel. It-tfal li qatt ma jikbru. U jien... jien nerġa' nagħlaq tmintax. Skiet. U nerġa' nibda ngħidilkom l-istess storja... L-istess waħda. Il-festin ta' għeluq snini. Dejjem l-istess. Sena wara oħra. Ma jinbidel xejn. U nerġa' nisma' l-istess... l-istess silenzju. Il-festin Sharon Calleja

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - Illum 20.01.19