Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1151504
K ull ġenerazzjoni jkollha l-isfidi uniċi tagħha. Jidher ċar li tagħna hi – u ser tibqa' għas-snin li ġejjin – il- ħarsien ambjentali, kemm fuq livell nazzjonali, kif ukoll dak globali. B'differenza minn sfidi oħrajn, iżda, il-kwistjoni ambjentali qed tiġi miġġielda f 'kuntest ta' kriżi fil-klima li ma tagħtikx għażla oħra ħlief li tindirizzaha minnufih, jekk bħala soċjetà rridu nassiguraw futur għall-ġenerazzjonijiet li jmiss. F'Malta, l-isfidi li għandna quddiemna llum nafuhom. Is-suċċess ekonomiku tagħna, li kiseb rekord fuq ieħor, li assigura xogħol prattikament lil kulħadd, u ta sens ta' sigurtà ekonomika, ġab ukoll realtajiet oħrajn. Maż-żieda fil-popolazzjoni u fis-servizzi offruti f 'Malta, żdiedet il-pressjoni fuq l-infrastruttura tagħna; żdied il-bżonn ta' akkomodazzjoni soċjali diċenti; ta' iktar mezzi ta' trasport; u ta' deċentralizzazzjoni tas- servizzi, fost oħrajn. Dan bilfors fisser iktar bini, iktar konġestjoni, u iktar teħid ta' art u spazji miftuħin. Il-Gvern kellu għażla: jew iħalli l-ekonomija kif sabha fl-2013, jiġifieri sistema kajmana, kważi staġnata, li ma tgħinx lill-familji Maltin u Għawdxin, jew inkella li jagħtiha spinta enormi 'l quddiem u jixpruna investiment ekonomiku qawwi li jiffaċilita l-mobilità soċjali, u jagħti spinta lill- intrapriżi lokali. Xogħolna issa hu li naraw kif se nżewġu r-realtajiet ekonomiċi pajjiżna ma' dawk ambjentali. Fil-kuntest ta' kriżi ambjentali dinjija, illum li l-ekonomija tieħu kont tal- ambjent m'għadhiex għażla, iżda neċessità. L-ambjent Malti u l-bżonnijiet tiegħu ma jeżistux f 'vakum iżda f 'kuntest dinji u Ewropew. It-tibdil fil-klima hi realtà li rridu niffaċċjaw flimkien ma' pajjiżi oħrajn biex negħlbuha, u trid tingħata prijorità assoluta minn kulħadd. Hu fatt li pajjiżi żgħar bħalna, huma l-iktar li jbatu minn dan it-tibdil. Iż-żieda fit-temperaturi u t-tnaqqis fl-ammont ta' xita – żewġ konsegwenzi previsti fil-futur qarib – ikomplu jżidu l-piż fuq ir-riżorsi tal-ilma tagħna, u konsegwentement fuq setturi li jiddependu minn dan l-ilma, fosthom l-agrikoltura u t-turiżmu. Din il-kriżi tmur lil hinn minn kwalunkwe politika. Din il-kriżi se tibdel radikalment id-dinja kif nafuha llum. Minkejja li aħna pajjiż żgħir, irridu nixprunaw politika internazzjonali li taddotta miżuri diretti kontra t-tibdil fil-klima. Dawn jinkludu, pereżempju, miżuri li jindirizzaw l-emissjonijiet ta' gassijiet, u miżuri li jippromovu l-użu ta' enerġija iktar nadifa. Irridu nibdlu kompletament il-kultura u l-istil ta' ħajja tagħna u ninvestu f 'enerġija u mezzi ta' trasport nodfa, kemm fit-toroq tagħna iżda wkoll fuq il-baħar u fl-ajru. Fil-Parlament Ewropew ukoll, irridu nsemmgħu leħinna favur din it-tip ta' bidla. F'dan is-sens, bħala membru fil-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, għadni kemm ipproponejt żieda konsiderevoli fil-baġit allokat għall-Connecting Europe Facility (CEF) fil-qasam tal-enerġija. Baġit ikbar f 'dan il-qasam iżid il-possibilità li jitwettqu proġetti li jassiguraw il-provvista ta' enerġija aktar nadifa, u jsaħħu l-infrastruttura enerġetika fl-Ewropa. Meta niddiskuti l-ambjent, dejjem niddiskutih fis-sens wiesa' tiegħu. Dan ifisser li d-dibattitu jrid imur lil hinn mill-widien u l-kampanja tagħna. Dawk huma importanti u jimmeritaw diskussjoni wkoll, iżda rridu nagħtu l-istess attenzjoni lill-ambjent urban tagħna, li wara kollox hu l-iktar ambjent li nqattgħu ħin fih. F'dak l-ambjent urban, ma niddejjaq xejn ngħid, li għad hemm ħafna xi jsir biex titjieb il-kwalità tal- ħajja tagħna u nikkumbattu l-isfidi ambjentali li għandna quddiemna. Dan il-qasam hu l-qasam ideali għal djalogu kontinwu bejn il-Gvern Ċentrali, il- Kunsilli Lokali, l-għaqdiet u l-partijiet interessati, u ċ-ċittadin. Hemm bżonn komunikazzjoni diretta u kostanti bejn dawn il- partijiet, għaliex nemmen li lkoll għandhom kontribut importanti x'jagħtu, u b'hekk nistgħu nindirizzaw l-isfidi b'mod ħolistiku u komprensiv. Il-bidla li għandna bżonn mhijiex ser isseħħ mil-lum għal għada. Iżda b'bidliet żgħar u inkrementali, konvinta li nistgħu ngħixu f 'ambjent urban u rurali ferm aħjar minn dak li diġà qegħdin ngħixu fih. Iktar spazji miftuħin fil- qalba tal-ibliet tagħna, pereżempju, iservu bħala pulmun fl-iktar żoni konġestjonati, u joffru spazju ta' rikreazzjoni lill-familji tagħna. Ideat moderni bħal vertical gardens u roof gardens, isebbħu wkoll l-estetika tal-ibliet tagħna, u jdaħħlu ftit ħdura fi spazji limitati. Pjanijiet infrastrutturali li jippromovu ċ-ċikliżmu u t-trasport pubbliku minflok il-karozzi privati kull fejn hu possibbli jrawmu l-użu ta' mezzi iktar nodfa ta' trasport. Ir-riċerka turina li l-unika soluzzjoni fit-tul fil-qasam tat-trasport hi li nippjanaw l-ibliet u t-toroq tagħna madwar mezzi bħar-roti, u dan għaliex meta wieħed jippjana għall-karozzi, in-nies karozzi ser jibqgħu jużawhom. Meta tippjana għal mezzi iktar sostenibbli, kulħadd jaddatta għalihom. Id-direzzjoni u l-ħeġġa politika biex l-ambjent Malti jkun protett sabiex il-kwalità tal-ħajja tagħna titjieb hemm qiegħda diġà. Għandna miri Ewropej ambizzjużi x'jintlaħqu f 'dan il-qasam li huma iebsin għal pajjiż żgħar bħal tagħna, iżda fil-kuntest internazzjonali, jeħtieġ li naslu u nimmiraw għal iktar. Iva, aħna l-politiċi u l-Gvernijiet kollha l-iktar li għandna x'nistgħu nagħmlu biex negħlbu l-isfidi ambjentali ta' żmienna. Iżda l-bidla tibda minna lkoll, u minn dawk il-bidliet sempliċi li nistgħu nagħmlu fil-ħajja tagħna ta' kuljum. Josianne Cutajar hija MEP tal-Partit Laburista illum | Il-Ħadd 4 ta' Awwissu 2019 Opinjoni 20 Il-futur ambjentali tagħna f 'idejna Il-politiċi u l-Gvernijiet kollha l-iktar li għandna x'nistgħu nagħmlu biex negħlbu l-is di ambjentali ta' żmienna JOSIANNE CUTAJAR