Illum previous editions

ILLUM 16 August 2020

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1278878

Contents of this Issue

Navigation

Page 26 of 27

27 films illum • IL-ĦADD 16 TA' AWWISSU 2020 Carmel Bonnici Film klassiku u kult - west side story West Side Story hu film mużikali Amerikan mill-ktieb ta' Arthur Laurents, mużika ta' Leonard Bernstein, liriċi ta' Stephen Sondheim u mill- moħħ u koreografija ta' Jerome Robbions, L-ispirazzjoni ta' dan ix-xogħol mużikali hija t-traġedja ta' mħabba ta' William Shakespeare, Romeo & Juliet. L-istorja hija ambjentata fid-distrett Upper West Side ta' New York City f 'nofs is-snin ħamsin, post tal-ħaddiema. Dan jesplora r-rivalita' kbira ta' supremazija bejn il-Jets u x-Sharks, żewġ gangijiet ta' tinaġers ta' razez differenti. Il-membri tax-Sharks huma emigranti minn Puerto Rico li jkunu sikwit ittantati mill-Jets, li huma bojod u Amerikani puri. Il-protagonist Tony, li qabel kien membru tal-Jets u ħabib ħafna tal-mexxej tagħhom Riff, isir iħobb lil Maria, oħt Bernando, il-kap tax-Sharks. L-atmosfera hi waħda oskura, l-mużika sofistikata b'ħafna zfin elaborat waqt li tiffoka fuq problemi soċjali fi żmien meta t-teatru mużikali Amerikam kien qiegħed jara bidliet sinjifikanti. Il- mużika tal-kompożitur Bernstein tinstema' f 'dawn il-kanzunetti, li wħud minnhom saru verament popolari: Something's Coming, Maria, America, I Feel Pretty, Somewhere, Tonight, Jet Song, A Boy Like at, One Hand One Heart u Cool. Il-produzzjoni oriġinali fuq Broadway saret fl-1957, diretta u koreografata minn Jerome Robbins u prodotta minn Robert E. Griffith u Harold Prince, waqt li kienet id-debut fuq Broadway ta' Stephen Sondeim. Wara li saret għal 732 darba, bdiet iddur mal-pajjiż. Din il- produzzjoni kienet innominata għal sitt unuri Tony, inkluż l-Aqwa Xogħol Mużikali tal-1957, imma l-unur mar għar-reċta ta' Meredith Wilson, e Music Man bħala l-Aqwa Mużikali għal dik is-sena. Dawk li rebħu xi unuri kienu Robbins għall-koreografija tiegħu u Oliver Smith għad- disinni tal-kostumi. Fil-West End ta' Londra, West Side Story dam jintwera aktar fit-tul, ġie rxuxtat kemm il- darba u anki saru produzzjonijiet internazzjonali. Film mużikali bl-istess isem ħareġ fl-1961, dirett min Robert Wise u Jerome Robbins li fih ħadmu Natalie Wood, Richard Beymer, Rita Moreno, George Chakiris u Russ Tamblyn. Dan ix-xogħol ċinematografiku kien innominat għal 11-il Academy Award u rebaħ 10 Oscars, fosthom George Chakiris u Rita Moreno f 'partijiet sekondarji, kif ukoll West Side Story intagħżel bħala l-Aqwa Film ta' dik is-sena. Il-bidunett ta' dan il-proġett imur lura fis-sena 1947, meta Jerome Robbins sab lil Leonard Bernstein u Arthur Laurents biex jikkollaboraw flimkien għal xogħol mużikali kontemporanju dwar adazzjoni ta' Romeo u Ġuljetta. Hu ppropona li l-istorja tiffoka fuq konflitt bejn familja Kattolika Irlandiża u oħra Lhudija li jgħixu fil-Lower East End ta' Manhattan, matul il-perjodu tal-Għid jew dak tal- Pasover tal-Lhud. It-tifla suppost li ħelset mill-qerda tal-Lhud fit- Tieni Gwerra Dinjija (Holocaust) u temigra mill-Iżreal ghall- Amerika; il-konflitt jikkonċentra dwar l-anti-Semitiżmu tal- Kattoliċi Jets lejn l-Emeralds Lhudin. Ħerqan li jikteb l-ewwel mużikali tiegħu, Laurents aċċetta mill-ewwel. Bernstein ried jippreżenta dan il-materjal f 'forma ta' opera, imma Laurents u Roberts ma qablux u rreżistew. Huma ddeskrivew dan il-proġett bħala Teatru Liriku u Laurents kiteb l-ewwel abbozz imsemmi East Side Story. Kien biss wara li lesta x-xogħol li ndunaw li dan kien fih biss temi mużikali u xejn ġdid. Meta hu aċċetta li jitlaq, it-tliet irġiel marru għal rashom u din l-affari nħbiet għal kważi ħames snin sħaħ. Fl-1955, meta Laurents kien qiegħed jikteb l-istorja għat- teatru tan-novella Serenade, hu ssuġġerixxa li miegħu jerġgħu jingħaqdu Bernstein u Robbins. Dan tal-aħħar ħass li la huma t-tlieta se jerġgħu flimkien, għandhom jerġgħu jirritornaw lejn East Side Story. Laurents kien introdott mal-kompożitur/ liriċista żagħżugħ Stephen Sondheim li kiteb il-mużika ta' Saturday Night. Laurents għoġbuh il-kanzunetti ta' Sondheim imma mhux il-mużika. Meta hu kien iltaqa' ma' Bernstein fil-Beverly Hills Hotel, il-konversazzjoni marret fuq il-gangs delikwenti taż-żgħażagħ, fenominu ġdid u riċenti rraportat fuq quddiem fil-gazzetti minħabba gwerra għat-terrirorju f 'Chicago. Din il- ħaġa tathom idea biex jirranġaw East Side Story u jambjentawh f 'Los Angeles. Laurents sostna li kien aktar familjari ma' dawk mill-Puerto Rico u mad-distrett ta' Harlem. Meta kkuntattjaw lil Robbins hu kien entużjast ħafna b'xogħol mużikali ta' xeħta Latina. Fi New York, Laurents mar għall-premier ta' reċta ġdida u hemm iltaqa'ma' Sondheim li sama' li East Side Story issa ġie mibdul għal West Side Story u li qed isir ħafna xogħol fuqu. Bernstein iddeċieda li jikkonċentra biss fuq il-mużika u fl-aħħar staqsa lil Sondheim jekk kien ippreparat li jidħol għal dan ix-xogħol. Għall- bidu rreżista, imma Oscar Hammerstein ikkonvinċih li hu għandu x'jibbenefika minn din l-esperjenza u fl-aħħar aċċetta. Sadanittant, Laurents kiteb abbozz ġdid tal-ktieb tiegħu u biddel l-isfond tal-karattri – Anton ta' razza Irlandiża/Amerikana issa sar ta' dixxendenza Pollakka/ Irlandiża u Maria li qabel kienet Lhudija saret minn Peurto Rico. Il-ktieb oriġinali ta' Laurents kien aktar joqrob lejn Romeo & Juliet, imma wara kellu jħalli ħafna mis-sekwenzi ta' Shakespeare barra biex iġib l-istorja kontemporanja. Sondheim qaleb ħafna mid-djalogu twil u anki frażijiet sempliċi f 'liriċi. Bil- għajnuna ta' Oscar Hammerstein, Laurents ikkonvinċa lil Bernstein u lil Sondheim biex ċerti numri mużikali jbiddilhom il-post fejn jinstemgħu. B'hekk, fl-1957 din il-wirja mużikali kienet lesti biex tibda ssir fuq Broadway, wara snin ta' taqtigħ-il qalb. Fl-1961 ħareġ il-film li l-istorja tiegħu fil- qosor hi din:- Fuq in-naħa tal-Punent ta' New York City, Riff (Russ Tamblyn), il- mexxej tal-gang Jets irid jiġġieled max-Sharks, gang minn Puerto Rico, taħt il-kmand ta' Bernardo (George Chakiris). F'żifna fil- ġim (li hu territorju newtrali) Riff jiċċalinġja lil Bernardo għall- ġlieda. Din is-sitwazzjoni tiggrava ruħha meta Tony (Richard Beymer), il-ħabib ta' Riff li qabel kien membru tal-gang, isir iħobb lil Maria (Natalie Wood), oħt Bernardo. Maria titlob lil Tony biex iwaqqaf il-ġlieda. L-isforzi tiegħu jmorru żmerċ għaliez meta Bernardo jakkuża lil Tony li hu beżżiegħi, Riff javvanza biex jiddifendih, is-skieken jinħarġu u Bernardo joqtol lil Riff. Tony malajr jirritalja u jinfed lil Bernardo. Hu jmur għand Maria li diġa' semgħet bl-aħbar, tixtieq tobgħodu għax qatel lil ħuha, imma minflok twegħdu li trid taħrab miegħu. Tony jmur jistaħba. Miżmuma mill-pulizija, Maria tipperswadi lil Anita (Rita Moreno), il-ħabiba ta' Bernardo biex tieħu messaġġ għal Tony. Imma fi triqtha hi tkun imkasbra mill-Jets li tant jirribellawha li tigdeb li Maria hi mejta. Tony, mimli sogħba joħroġ mill-moħba u jinqatel minn membru tax- Sharks. Maria ddur fuq iż-żewġ gangs u tgħajjarhom, tmur wara l-ġisem mejjet ta' Tony, hekk kif kulħadd jimxi wara l-funeral. Kif tistgħu taraw mill-istorja, din tixbaħ ferm lil Romeo & Juliet, bit-tema prinċipali tal- maħbubin imwielda taħt stilla ħażina. West Side Story, prodott mill-Mirisch Co. u 7 Arts kien imqassam mill-United Artists bil-ħin ta' sagħtejn u nofs u żewġ minuti. Madwar xi 10 snin wara, fl-1972, reġgħu ħarġuh u rreklamawh hekk: Unlike other musicals, West Side Story grows younger (mhux bħall-films mużikali l-oħra, West Side Story jibqa' jappella għaż-żgħażagħ). Fl-Amerika u l-Kanada dan il- film daħħal 11-il miljun dollari u 44.1 miljuni madwar id-dinja. Jekk il-COVID-19 ma tħarbattx il-pjanijiet kollha, West Side Story reġa' inħadem bid-direttur ikun Steven Spielberg u għandu joħroġ għall-wiri qrib il-Milied li ġej. Rita Moreno, fl-eta' ta' 88 sena se jerġa' jkollha parti f 'din il- produzzjoni ġdida.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 16 August 2020