Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/767064
Is-Sibt 24 ta' Diċembru 2016 | illum Opinjoni 17 I llum lejlet il-Milied. Minn qalbi nawgura lill-qarrejja tal- gazzetta ILLUM Milied mill-isbaħ mal-għeżież tagħkom. F'dawn iż-żminijiet isiru ħafna festini fejn it- tentazzjoni tkun li dak li jkun jixrob. Jekk wieħed se jsuq, m'għandux jixrob. Għalhekk il-messaġġ hu ċar: jekk se tixrob, issuqx. Jekk se tixrob u ssuq iċ-ċans hu li tweġġa' inti u tweġġa' lil ħaddieħor. Personalment xbajt u ddejjaqt nisma' b'każijiet fejn nies iweġġgħu u jkorru u jgħaddu minn ħafna mrar u dwejjaq minħabba dawn it-tip ta' inċidenti. Għalhekk, nerġa' nappella biex jekk wieħed ikun se jixrob, ma jsuqx. Is-sena d-dieħla se nsaħħu l-liġijiet biex inkomplu niġġieldu l-abbuż mis- sewqan xurban. Biss, l-aqwa mod kif nirbħu dan il- fenomenu hu billi n-nies stess jifhmu kemm hu importanti li jekk wieħed ikun se jsuq, ma jixrobx. Familji u koppji ġodda Żmien il-Milied hu żmien il-familji fejn dak li jkun jieħu l-opportunità biex jingħaqad mal-maħbubin tiegħu u dawk qrib tiegħu. Se jkun hemm koppji ġodda li dan il-Milied, kuntrarju għal Milidijiet oħra, se jkunu jistgħu jgawdu lil xulxin b'iktar dinjità minn qabel: il- koppji gay u koppji li wieħed miż-żewġ partijiet ikun bidel is-sess. Sar xogħol enormi f 'dan il- qasam u dan il-Milied m'għandix dubju li se jkun hemm minoranzi fis- soċjetà tagħna li se jkunu iktar kuntenti. Anzjani Insellem lill-anzjani tagħna. Fiż-żjajar li nagħmel fid-djar, spiss niltaqa' ma' anzjani li jkunu għaddejjin minn solitudni enormi. Terġa', anzjani li jgħixu fi flattijiet li jkunu fit-tielet sular u bla lift, ibatu minn solitudni iktar kerha u qawwija minn anzjani oħra. Ġieli mort niltaqa' ma' anzjani li jgħiduli li jien kont l-ewwel bniedem li żarhom f 'xhur twal. Ħsibijieti jmorru lejn dawn l-anzjani li f 'dawn iż-żminijiet, iktar minn żminijiet oħra, ifittxu l-kumpanija ta' ħaddieħor. Grazzi Personalment nieħu l-opportunità biex nirringrazzja fi żmien il- Milied lil nies li jgħinuni u jassistuni fil-ħajja tiegħi u fil-ħidma tiegħi. Nirringrazzja lill-għeżież u lill-familja tiegħi talli minħabba l-pożizzjoni li nokkupa, jkollhom jerfgħu salib ikbar minn dak li jerfa' ħaddieħor. Nirringrazzja lill-istaff tas- Segretarjat u tal-Ministeru u d-diversi nies li ħdimt magħhom matul din is-sena u sibthom ta' għajnuna. B'mod speċjali nirringrazzja lill-Prim Ministru, lis- Sinjura tiegħu u l-familja kollha tiegħu tax-xogħol kbir li qed jagħmel biex pajjiżna jsir dejjem aħjar. Kuntentizza Il-Milied hu l-Jum tal- kuntentizza u nemmen li l-isbaħ rigal li wieħed jista' jkollu hi l-kuntentizza. Il-flus ma jagħmlukx kuntent. Il-poter lanqas. Il-kuntentizza tiġi minn affarijiet iktar profondi li jiswew mitqlu deheb. Jalla n-nies iġorru dan is- sens ta' Milied matul is-sena kollha. M'hemmx post għal diskors ta' mibegħda Jien naħdem f 'settur fejn kultant aħna l-politiċi ngħidu kelma li tweġġa' wieħed lill-ieħor. Nipprova kemm jista' jkun, li anke meta niġi mgħajjar, ma nweġibx lura b'għajjat imma b'raġunament kalm u meqjus. Nagħmel ħilti kollha biex inżomm dan il- prinċipju f 'moħħi u nittama li jirnexxili nwettaq dan. Biss, lil hinn mill-kliem tal-politiċi, hawn bloggers li b'dak li jiktbu jweġġħu ħafna. Jidħlu personali, jirredikolaw u jżebilħu lil nies u anke tfal żgħar. Mhuwiex sewwa. M'hemmx post għal din il-mibegħda kollha. Ħadt gost li l-President ta' Malta u l-Arċisqof kienu ċari fil-kundanna tagħhom għal dan kollu. Ejja bħala poplu ningħaqdu kontra d-diskors ta' mibegħda. Ejja nuru li aħna poplu ta' qalb tajba dejjem u anke meta ma naqblux ma' xulxin. OWEN BONNICI Jekk se tixorbu, issuqux "Hawn bloggers li b'dak li jiktbu jweġġħu ħafna, jidħlu personali, jirredikolaw u jżebilħu lil nies u anke tfal żgħar" "Se jkun hemm koppji ġodda li dan il-Milied, kuntrarju għal Milidijiet oħra, se jkunu jistgħu jgawdu lil xulxin b'iktar dinjità: il- koppji gay" "Xbajt u ddejjaqt nisma' b'każijiet fejn nies iweġġgħu u jkorru u jgħaddu minn ħafna mrar u dwejjaq minħabba dawn it-tip ta' inċidenti"