Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/767064
Aħbarijiet 11 Is-Sibt 24 ta' Diċembru 2016 | illum Il-personalitajiet fil-Milied: Min il-baħar għal għawma u ta' Strada Stretta jżuru t-tfal fl-isptar Minn Ruben Anthony Xuereb WASAL l-iktar żmien ferrieħi tas-sena li fih dak li jkun jieħu aktar inizzjattiva biex ikun altruwista, jerġa' joqrob lejn dawk li forsi tbiegħed minnhom matul is-sena, iżda fuq kollox iqatta' kemm jista' jkun ħin mal-familja. Fost il-poplu Malti, il-familja dejjem tieħu l-ewwel post, speċjalment bħala l-isbaħ mod kif għandu jitqatta' jum il-Milied. L-ILLUM staqsiet lil numru ta' personalitajiet mix-xena mużikali, televiżiva u politika dwar il-pjanijiet tagħhom għal jum il-Milied, fejn spikka l-ħin ta' ferħ u ikel flimkien mal-familja sħiħa, mill-ġenituri, l-aħwa, iz-zijiet u n-nanniet u saħansitra mal-annimali li nżommu d-dar, hekk kif kantant popolari li tkellem ma' din il-gazzetta stqarr ukoll, li jum il-Milied importanti li jqattgħu mal-klieb tiegħu. Chris Fearne - Ministru għas-Saħħa Il-ġurnata tal-Milied inqattagħha dejjem mal-familja. Din is-sena l-familja kollha; aħwa, kuġini u nanniet għal-ikla tal-Milied id-dar tagħna. U qabel, bħal kull sena, jien u s-subien tiegħi naqbzu qabża l-baħar tal-Milied. Kieku jkolli nitlob għal riġal, naħseb kulma nkun nixtieq, ikunu xi jumejn bil-kwiet! Lil-Qarrejja tal-ILLUM nixtieq ngħidilhom biex ma jibżgħux jimmiraw fl-għoli fl-ambizzjonijiet tagħhom, imma fl-istess ħin li ma jaqtgħux qalbhom meta mhux kollox imur ħarir, u fuq kollox li jgħozzu l-familja tagħhom u saħħithom. Owen Bonnici – Preżentatur tat-TV Jum il-Milied dejjem id-dar tal-ġenituri tiegħi jitqatta', fejn il-familja kollha tinġabar hemm, bil-kuġini u z-zijiet b'kollox. Nibdew filgħodu xi l-10 b'xi ħaġa x'nixorbu u nnaqqru, filwaqt li nagħtu r-rigali lil xulxin. Imbagħad nimxu għall-mejda tal-ikel għal ikla kbira, li tulha ma nieqfux naqbdu ma' xulxin ovvjament. Wara ikla kbira imbagħad immorru kollha lura fis- salott…fejn kważi kulħadd ikun qed jogħnos…sakemm iktar tard, nerġgħu nibdew nieklu dak li jkun baqa' mill- ikla ta' nofsinhar. Sas-18:00 jkun hemm ħafna tgergir għax kilna żżejjed u li s-sena d-dieħla hemm bżonn nieklu inqas. Filgħaxija mbagħad, normalment nistieden lill-ħbieb tiegħi kollha għandi għal drinks. Li kieku kelli nagħmel xewqa għal xi rigal, naħseb ikun kuntent b'magna tal-kafè… u toothbrush elettrika, għax kumbinazzjoni dik li kelli, inkisritli l-ġimgħa li għaddiet! Min-naħa tiegħi, nawgura lill-qarreja kollha li jqattgħu dawn il-jiem mal-aktar persuni għal qalbhom, għax li tqatta' l-ħin mal-familja u l-eqreb nies huwa l-isbaħ rigal li qatt tista' tircievi. Il-Milied it-tajjeb. Ira Losco - Kantanta Il-ġurnata tal-Milied inħobb inqattaħha mal-familja. Din is-sena se jkun Milied iktar speċjali għalija u għas-sieħeb tiegħi Sean peress li għandna lil Harry. Għaż- żewġ familji tagħna huwa l-ewwel tarbija, allura ġab ħafna ferħ. Messaġġ li nixtieq ngħaddi lill-qarrejja tal-ILLUM huwa messaġġ ta' ferħ u għaqda għall-Milied. Kemm jiddispjaċini nisma' li hemm familji ma jitkellmux; fuq iċ-ċucati, meta dawn iż-żminijiet huma tant sbieħ biex tingħaqad il-familja f 'din id-dinja mgħaġġla tant. Carlos Farrugia - Attur Jien nemmen li fil-ġurnata tal-Milied l-ikbar prijorità għandha tkun il-familja. Għalhekk fil-ġurnata tal-Milied inħobb nibqa' ftit rieqed iktar mis-soltu, anke minħabba l-fatt li lejlietu nkun gawdejtu ftit mhux ħażin! Is-soltu mbagħad, jew id-dar jew għand xi zija, fejn niltaqgħu l-familja kollha flimkien għall-ikla ta' waranofsinhar, logħba karti, naraw il- film 'A Christmas Carol' ta' Albert Finney u nqattgħu l-ħin ingawdu l-kumpanija ta' xulxin. Dis-sena, il-pjan se jkun naqra differenti peress li din l-istess tradizzjoni se nagħmilha għand it-tfajla tiegħi. Filgħaxija quddies u wisq probabbli ċ-ċinema. Biex inkun onest, m'hemm ebda rigal partikolari li nitlob kieku, ħlief li nkun imdawwar b'imħabba u onestà, li nirringrazzja 'l Alla tiġi mill-familja, it- tfajla u ħbieb sinċieri. Nixtieq nawgura l-Milied ħieni u s-sena t-tajba lill-qarrejja tal-ILLUM u l-proxxmu kollu. Nawgura lil kulħadd imħabba ġenwina, riżq u barka, u li kullħadd jgħix fil-kuntentizza spiritwali. Errol Sammut – Kantant tal-grupp Airport Impressions Il-Milied inzerta ż-żmien li twelidt fih jiena stess, hekk kif nagħlaq snini fit-18 ta' Diċembru, jiġifieri fil-familja dejjem iċċelebrajna flimkien anke minħabba li jkun għeluq snini. Normalment, jum il-Milied inqattgħu mal-familja kollha u mal-klieb tiegħi, Nikolai u Chanel, żewġ Siberian Huskies li nqatta' ħafna mill-ħin tiegħi magħhom. Fl-opinjoni tiegħi, il-Milied huwa okkażjoni tajba biex il-familja tingħaqad, dejjem jekk dan ikun possibbli, u anke żmien li fih, tħaddan jew ma tħaddanx reliġjon, jibqa' l-fatt li l-atmosfera kollha ddaħħal ċertu emozjonijiet ta' ġenerożità u serenità. Ma tantx jiena bniedem materjalista. L-akbar rigal li nista' nirċievi jkun Milied mingħajr inċidenti, problemi żejda u ħin ta' kwalità ma' dawk kollha li nħobb u li nżomm viċin. Il-fatt li għall-birthday digà qlajt xi affarijiet li għandhom x'jaqsmu mat-teknoloġija digà naħseb li nqatgħet kull xewqa li seta' kelli għal rigal. Għal dan il-Milied, il-messaġġ u xewqat tiegħi għal kulħadd naħseb jiġbdu ħafna lejn żewġ fatturi li naħseb huma realtà f 'pajjiżna u probabbli anke fi xtut barranin. L-ewwel xewqa hi kulħadd għandu jżomm f 'moħħu li l-kalma hija dejjem l-aqwa għażla f 'sitwazzjonijiet li m'għandniex kontroll fuqhom, eżempju fejn jidħol it-traffiku, li f 'dawn iż- żminijiet se jikber għal-raġunijiet ovvji. It-tieni ħaga li nixtieq hu li l-annimali jiġu trattati kif jixirqilhom, jiġifieri bħala parti mill-familja. L-imħabba li jtuk l-annimali hija bla kundizzjoni u għalkemm ma jitkellmux bil-kliem, jitkellmu ħafna bl-imħabba li jagħtuk fi kwalunkwe ħin tal-ġurnata li tqatta' magħhom. Doriana Portelli – Attriċi Il-Milied huwa ċelebrazzjoni ta' twelid u festa ta' ferħ; ferħ inspjegabbli bħalma ġġib magħha tarbija meta titwieled. Allura jista' jonqos li l-Milied inqattgħuh man-nies li huma l-għeżeż għalina u li jġibulna ferh kbir f 'ħajjitna. Barra minn hekk, flimkien ma' sħabi ta' Strada Stretta se nżuru s-swali tat-tfal fl-isptar Mater Dei. Kieku jkolli nagħmel xewqa għal xi ħaġa għalija, nixtieq ngħannaq miegħi lil Ermes, tifel li seraqli qalbi meta kont l-Etjopja dan is-sajf, nagħmel xogħol ta' volontarjat. Lill-qarrejja tal-ILLUM nixtieq ngħidilhom biex għal jum il-Milied u matul is-sena li ġejja, nippruvaw inkunu bnedmin aħjar, naħfru iktar, nittoleraw iktar u nagħmlu iktar karità ma' min hu inqas ixxurtjat minna u naqtgħu l-kattiverji u kliem li jista' jweġġa'. Bi ftit sforz, dejjem jista' jirnexxielna. Awguri minn qalbi u grazzi talli tajtuni sena indimentikabbli mimlija support. Il-Festi t-tajba. Claire Agius Ordway – Preżentatriċi tat-TV Fil-ġurnata tal-Milied, kull sena nispiċċa nqum kmieni għax ikolli ġenn biex it-tfal jiftħu r-rigali. Kull sena nieħu pjaċir nara wiċċhom u r-reazzjoni tagħhom. Imbagħad dejjem nagħmlu l-ikla tal-familja. Wara nilagħbu xi board games u nagħmlu ġurnata ħalqna ma jieqafx jgħid u jogħmod sakemm ma nkunux nifilħu nqumu minn fuq is- siġġu. Ġeneralment nispiċċaw il-ġurnata b'xi film. Bħala rigal? Jien ħwejjeġ jew żarbun biex niġri huma r-rigali favoriti tiegħi. Min jixtrili hekk, qatt ma jiżbalja miegħi. Nixtieq Milied sabiħ u hieni lil kulħadd. Nixtieq li kulħadd ikollu lil xi ħadd ma' min jgħaddi l-Milied. Min għandu d-dwejjaq, jalla jittaffilu ftit. Min hu marid, jalla jsib is-sabar biex jitbissem ftit u jittaffielu l-uġigħ. Nixtieq doża imqar ħafifa ta' ferħ u paċi lil kulħadd.