Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/767064
Aħbarijiet 4 illum | Is-Sibt 24 ta' Diċembru 2016 'L-aktar importanti li tkun magħqud mal-familja u ġġib rispett lil kulħadd' Minn Ruben Anthony Xuereb FLAĦĦAR ġranet ta' qabel il-Milied, it-toroq imżejna tal-Belt Valletta jkunu miżgħuda bin- nies għaddejjin bl-aħħar xiri tal-Milied tagħhom, hekk kif bla dubju ta' xejn it-tradizzjoni tar-rigali tibqa' waħda popolari fost kulħadd. Kif jidlam u jinxtegħlu s-siġar tal-Milied u d-dekorazzjonijiet l-oħra, in-nies fit-toroq tal-Belt jinbidlu għal dawk li ħarġu għal xi ikla jew xi żewġ drinks mal-ħbieb. Fl-aħħar mill-aħħar, żmien il-Milied dejjem ikun skuża tajba biex toħroġ tiddeverti. Iżda jibqa' l-fatt li 'l fuq minn kollox, għall- poplu Malti, l-iktar ħaġa importanti fi żmien il-Milied tibqa' dejjem il-ħin mal- familja. Lil hinn mill-festini, it-tiżjin u d-divertiment, l-ewwel u qabel kollox tiġi l-ikla tal-Milied ma' dawk li l-aktar inħobbu, u għal dawk li ma tantx jaraw ta' spiss, il-Milied ikun raġuni tajba biex jerġgħu joqorbu lejhom. L-ILLUM tkellmet ma' numru ta' nies fit-toroq tal- Belt, li kollha kemm huma sostnew kemm għalihom il-familja hija l-qofol tal- Milied, hekk kif qasmu wkoll ma' din il-gazzetta l-pjanijiet tagħhom għal lejlet u jum il-Milied Leonard Muscat minn Ħal Kirkop L-aktar ħaġa importanti waqt il-Milied hija li tkun magħqud mal-familja, li ġġib rispett lil kulħadd, u anke li tieħu pjaċir bl-affarjiet li jagħmlu għal dan iż-żmien, tiddeverti magħhom. Jum il-Milied nibdewh billi mmorru l-quddiesa, imbagħad nagħmlu l-ikla tal-familja, ma' ħuti u m'ommi…u wara nkomplu mal-ħbieb. Jason Reilly mill- Għargħur Il-Milied…ħin għall-familja, ħin biex tirrilassa u tieħu gost. L-importanti li mal-familja. Lejlet il-Milied beħsiebna niġu l-Belt Valletta u ngawdu l-atmosfera li jkun hawn, u għall- ġurnata tal-Milied għandna ikla pjanata f 'lukanda, imbagħad noqogħdu mistrieħa għax kont xogħol barra għal żmien twil u sabiħ li tiġi lura d-dar għall-festi u tgawdi l-familja. Pat u Noel Tinkler minn Linconshire fir- Renju Unit Bla dubju li tkun mal-familja huwa l-iktar importanti. It-tifla tagħna toqgħod hawn Malta, u flok noqogħdu d-dar l-Ingilterra bilqiegħda ma nagħmlu xejn, nippreferu niġu vaganza hawn, u nżommu ruħna attivi. Nieħdu gost ħafna hawn Malta u ilna niġu kull sena għal numru twil ta' snin. Il-pjanijiet għal jum il-Milied jiddependu mit-tifla u mill-familja. Wisq probabbli ikla tajba, u filgħaxija mmorru xi passiġġata Cynthia Rapa miż-Żurrieq Għalija l-iżjed ħaġa importanti fil-Milied hija li tipprepara ruħek għall- miġja ta' Ġesu Bambin; spiritwalment l-ewwel, għax dak l-iżjed li jgħodd biex tkun aktar qrib il-Mulej. Imbagħad ħalli tgawdi l-ferħ li jġib miegħu dan iż-żmien. Fuq kollox ta' min niftakru li 'Jesus is the reason for the season'. Lejlet il-Milied immorru l-quddiesa u mbagħad l-għada, il-Milied aħna dejjem inqattgħuh mal- familja, għax Milied għalija hija festa tal-familja. Rose Micallef u Lonneke Farrugia Naħseb dan żmien fejn għandu jkun hawn aktar paċi u jieqaf il-ġlied, u fuq kollox li tkun magħqud mal-familja. Idealment dan isir is-sena kollha, mhux fil-Miled biss…imma tal-inqas... Il-ġurnata tal-Milied inkunu mal-familja u lejlet il-Milied noħorġu ftit mal-ħbieb. Christine Grixti mill-Fgura Żmien il- Milied huwa biex il-familja tingħaqad; dik żgur l-iktar importanti għalija. F'dan iż-żmien kont tlift persuna mill-familja tiegħi, allura nagħti ħafna aktar importanza għall-ħin familjari. Din is-sena għall-Milied sejrin Għawdex, nieklu mal- familja, imbagħad f 'lejliet l-ewwel tas-sena noħroġ mal-ħbieb…biex inqatta ħin ma' kulħadd. Ivana Galea mill-Gudja L-aktar ħaġa Li l-familji jkunu maqgħudin kollha hija l-aktar ħaġa importanti fi żmien il-Milied, u jkun sabiħ ukoll li tagħmel paċi ma' min forsi tkun miġġielda. F'lejliet il-Milied u anke f 'jum il- Milied, toqgħod mal-familja xieraq, hekk għandu jkun. Charles Agius mill-Mosta Żmien il-Milied naħseb li l-aħjar żmien li tqatta' mal- familjari, id-dar b'xi ikla flimkien. Jekk ikun hemm xi ħadd li taf li għandu bżonn l-għajnuna, ikun sabiħ li tgħinu wkoll, għax sabiħ li għall-Milied ngħinu lil min hu aktar fil-bżonn minna. Lejlet il-Milied se nqattgħuh mal-familja tat-tifel, niltaqgħu mal-familja kollha, imbagħad fil-Milied mal-familjari wkoll, għal ikla kbira tal-familja. Hekk naħseb li hu l-aħjar jien, aħjar milli toħroġ tiekol barra. Michela Runza minn Birżebbuġa Il-familja…żgur li l-familja l-aktar importanti fil-Milied. Tajjeb ukoll li nkunu magħqudin u nitkellmu aktar flimkien u jekk ikun hemm xi ġlied, jintefgħu mal-ġenb, ningħaqdu u nsolvu l-problemi. Din is-sena se nkun mal-familja tiegħi Sqallija għall-Milied. Vaganza sabiħa flimkien.