Illum previous editions

illum 24 December 2016

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/767064

Contents of this Issue

Navigation

Page 9 of 31

illum | Is-Sibt 24 ta' Diċembru 2016 Minn Brussell 10 L-esperjenza tal-ewwel Milied tiegħi Brussell Tiżjin 'state of the art', ikel u xorb bla rażan, suldati armati u familji jgħixu fit-triq Esperjenza unika: Mimlija diversità Minn John Busuttil 'PLAISIR d'Hiver', 'Winter Pret', 'Winter Wonders', 'Il-pjaċiri tax-xitwa'. Hekk sejħu żmien il-Milied fil-belt Kapitali tal-Ewropa u tal-Belġju, Brussell. Insejħilha belt kapitali tal- Ewropa għax minn hawn tinħema l-politika tal-Ewropa, għax hawn hu mimli bl-istituzzjonijiet kollha Ewropej, b'eluf u eluf ta' ħaddiema minn kull parti tad-dinja jaqilgħu x'jieklu minn hawn. Għalkemm tiskanta kemm eluf oħra hawn li mhux biss ma jaqilgħux x'jieklu, iżda lanqas għandhom fejn jistkennu mill-iljieli kesħin ta' Brussell. U dan hu l-akbar ħsieb u l-aktar li laqatni f 'din il-belt sabiħa, mimlija ħajja u kulturi differenti. Il-Milied fil-belt kapitali Belġjana hi esperjenza unika. Brussell hi belt mimlija diversità f 'kull lat, diversità politika fejn jiltaqgħu l-politiċi ta' kwalunkwe ideali, jargumentaw, iżda fl-istess waqt jgħixu taħt saqaf wieħed b'salarji eżorbitanti mħallas miċ-ċittadini Ewropej. Diversità kulturali fejn fit-triq u l-ħwienet tiltaqa' ma' kull razza u tisma' lingwi differenti mitkellma li lanqas tibqa' taħseb minn liema pajjiż ġejjin. Diversità ta' kwalità tal-ħajja, min għaddej bil-libsa u ingravata, min għaddej b'xi uniformi, min għaddej bil-jeans u xi headphones kbar ma' widnejh, min għaddej bil-wires imdendlin ma' widnejh u jparla u jixxena waqt li jkun fuq il-mobile, min jonfoq flusu fl-aktar ħwienet esklussivi, min fil-kju jipprova jiffranka xi ħaġa mill- Primark, min jittallab b'tazza vojta tal- kartun u min bil-familji jarma s-sodda u l-kutri fit-triq ilesti għal raqda fil-kesħa tal-lejl Belġjan. Din hi Brussell, mimlija suwed, bojod, ġinġrin, somor, Għarab, Ażjatiċi, Peruvjani u anke xi Maltin, kulħadd għaddej, kulħadd jiddeverti fis-swieq tal- Milied, ġej minn liema reliġjon ġej. Tfal u ommijiet bil-jihab jiġru u jiddevertu f 'dak li ġie organizzat għal dawn il-festi sbieħ tal-Milied. Għax il-Milied anke jekk ma temminx li Ġesù hu iben Alla, jibqa fatt li jġib il-ferħ miegħu tkun fejn tkun fid-dinja. Bil-jihab jew le, iswed jew abjad inkella Ċiniż jew Indjan, it-tfal qaqoċċa waħda jilagħbu jidħku u jwerżqu. Tant li presepju enormi jinsab fl-akbar pjazza tal-Belġju u turisti minn kull ġens u reliġjon tarahom jieħdu stessu miegħu. Il-Milied fi Brussell hu wieħed mill-aktar imdawwal bi dwal 'state of the art' b'wirjiet ta' dwal u mużika fil-Grand Place li jimmeżmerizzawk, u wirja oħra 3D mal-faċċata tal-Knisja ta' Santa Katerina li tieħdok fid-dinja tal-Ġappun, b'origami spettakolari. Is-swieq tal-Milied huma l-akbar u l-isbaħ li qatt rajt, (u dort minnhom mhux ħażin), li joħduk minn fejn il-knisja ta' Santa Katerina, sa Boulevard Anspach u kważi jwasslu sal-Grand Place. F'dawn, hemm mijiet ta' bankarelli li fihom minn kollox, artiġġjanat, ikel minn kull post mid- dinja, għalkemm l-aktar li ġibdu kjuwijiet kienu dawk li jbigħu l-ikel mill-Alsace u Żvizzera, il-ġobon jinten iżda tant hu tajjeb. Bankarelli li jbigħu kull kwalità ta' xorb bil-mulled wine (l-inbid sħun) jibqa' l-aktar popolari, bil-ħaqq, kien hemm bankarella li tbigħ il-pasturi, u din dejjem vojta min-nies. L-ambjent natalizju, bħal kullimkien, nieqes mill-bambini iżda mimli kant u spettakli, ice skating bit-tfal u żgħażagħ jiżolqu u jwerżqu u fil-madwar shopping bla rażan minn Rue Neuve. Dan barra l-parata mimlija spettaklu, kant, żfin u karattri popolari fuq stil ta' Disney (jekk mhux isbaħ). Il-Milied fi Brussell hu spettaklu li jibda minn nofsinhar sa tard bil-lejl, iżda barra dan is-sabiħ u d-divertiment, iltqajt ma' xi ħaġa li ma stennejtha qatt u li naħlef li qabżitli demgħa. Familji żgħażagħ jifirxu mal-art, il-mara, r-raġel u wliedhom minn trabi sa tfal u jlestu għar-raqda barra fit-triq. U dan mhux wieħed jew tnejn tafux, għexieren u mijiet. Anzjani li meta suppost irtiraw, jinsabu bla dar u reqdin fit-triq, forsi jirnexxilhom jiġbru biżżejjed biex jieklu jew ipejpu sigarett u forsi xi flixkun birra, iżda m'għandhomx saqaf fuq rashom. Tant draw din il-ħajja, li saru qishom speċi ta' komunità, ġirien ta' xulxin, bit-tfal jilagħbu b'xi bużżieqa, u anke jitbissmulek u jxejrulek jekk tagħtihom xi ħaġa u toħdilhom ritratt. Tara wkoll żgħażagħ tas-Salib l-Aħmar jiġbru l-flus biex jgħinu lil dawn li jinsabu bla dar. Għiduli li tridu, jekk hux żingari, jew ma jridux jaħdmu jew elf skuża oħra, żgur li dawn iċ-ċkejknin jixirqilhom ħajja aħjar u dawn jinsabu taħt imnieħer dawk li jmexxu l-Ewropa. Fil-fatt, dawn huma l-aktar nies li fakkruni fit-twelid tal-Bambin, jew aħjar fil-vera Milied. Ġesù Bambin, għall- inqas dak kellu ħmara u baqra jsaħħnuh ftit, dawn m'għandhom xejn ħlief xi kutra biex tilqagħlhom mill-kesħa fina Belġjana. U qabel ninsa, dan kollu mgħasses mis-suldati armati li bla waqfien iduru u jduru biex jiżguraw il-protezzjoni ta' kull ċittadin, jekk hu iswed, Ewropew, Ażjatiku jew Għarbi. Dan hu l-Milied fi Brussell. Milied li jferrħek u jagħmillek għafsa ta' qalb li tara l-faqar qalb is-sinjuri u l-kattiverija u l-kruha tat- terroriżmu. Milied mimli diversità. Joyeux Noel Lestew ruħhom għar-raqda Santa Klaws bla saqaf ukoll Il-bankarelli f 'wieħed mis-swieq tal-Milied Il-Grand Place ta' Brussell imżejna għall-okkażjoni

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 24 December 2016