Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/806574
Il-Ħadd 02 ta' April 2017 | illum Minn Brussell 15 jien irrid inkompli fit-triq tal-familja' għax hawn monarkija u ħafna min-nobbli qed jisparixxu u l-oġġetti li kellhom huma, issa ssibhom għall-bejgħ. Differenti li tgħix fil-kontinent milli fuq gżira. Hawn m'intix maqtugħ għalik. Barra hekk, hawn tgħix għalik u ma jindaħallek ħadd u ma jagħti kasek ħadd. Huma jgħixu ħajjithom u int iħalluk tgħix ħajtek. Din inħossha ħafna meta ninżel Malta għax kulħadd ħsiebu f 'kulħadd." Karl Engerer qal li minn meta bdiet il-Presidenza ta' Malta, ix-xogħol trippla u qed jistenna l-vaganzi tal- Għid biex jirrilassa ftit, u qal li se jqattagħhom fi Brussell meta ħafna mill-kollegi tiegħu se jqattgħuhom mal- familji tagħhom f 'Malta. Qal ukoll li s-sodisfazzjon tiegħu se tkun li bħal sħabu kollha meta jaraw li l-'files' kollha li nfetħu, jingħalqu lejn tmiem il-presidenza. "Għandi ħafna ħbieb fil- Kummissjoni Ewropea li jiskantaw kemm konna kapaċi ntellgħu xogħol f 'daqshekk qasir żmien." Karl Engerer qal ukoll li dan hu l-frott ta' meta Malta kellha viżjoni li tidħol fl-Unjoni Ewropea u li l-Maltin ma jibqgħux Maltin iżda jsiru Ewropej. "U dawk li dak iż-żmien kienu studenti, illum qed iwasslu xogħolhom hawn fl-Ewropa. Aħna ġejjin minn kolonja u l-karattru tagħna hu li mhux ġellied iżda se jieħu dak li jrid. Aħna nies ħabrieka, ma rridux naqgħu għaċ-ċajt u ma rridux inwaqqgħu lil pajjiżna għaċ-ċajt, u dan hu s-sigriet tas-suċċess tagħna fil-presidenza." Karl għandu karattru maħbub minn kull ħaddiem f 'Dar Malta u jara kif jagħmel biex idur dawra ma' kull ħaddiem f 'xi ħin jew ieħor u jgħaddi xi ċajta biex ikisser dik it-tensjoni ta' xogħol qawwi li jeżisti f 'dan iż-żmien. "Għandi karattru 'bubbly' iżda serju fl-istess ħin. Għax nemmen li 'all work and no play makes Jack a dull boy'. Jien inżomm relazzjoni tajba anke barra l-uffiċċju u meta jkollna xi festin, kulħadd jistenna lili biex inqajjem l-atmosfera." Forsi hawn min ma jafx li Karl Engerer ġej minn familja politika u qiegħda f 'demmu, tant li hu intiż ħafna fil-politika lokali wkoll, "jien tinteressani politika li wieħed jiġġieled il-'policies' u mhux l-persuna. Tiġġieled lil dak li jkun meta tmur fil- personali, għax m'għandek xejn xi tgħid fuqu iżjed. Din is-sentenza kienet tgħidha Margaret Thatcher. Tiġġieled il-politika bil- politika u mhux bil-ħajja personali. Barra minn hekk, il-politika nazzjonali għandha tiġi miġġielda fil- pajjiż u l-ħwejjeġ maħmuġin għandhom jinħaslu fid- dar u mhux barra. Kull oppożizzjoni qatt ma jaqblilha tieħu l-politika nazzjonali barra minn Malta għax xi darba jew oħra min qiegħed fl-oppożizzjoni llum se jkun fil-gvern għada u se jkollu jaffaċċja lin- nies tal-kummissjoni li ma jinbidlux." Karl fil-fatt jixtieq ħafna jinvolvi ruħu aktar fil- politika, "iżda meta nara politika partiġġjana bbażata fuq il-personal, ma rridx inkun parti minnha. Jekk tinbidel iva." Il-bużnannu ta' Karl kien il-Ministru u deputat Prim Ministru Giovanni Felice, zijuh kien Mario Felice li wkoll kien ministru tal-finanzi fil- ħdan il-Partit Nazzjonalista, missieru kien segretarju privat ta' żewġ ministri Nazzjonalisti, Michael Frendo u Francis Zammit Dimech, kuġinuh li kien ambaxxatur għal Malta fi Franza, Dr Mark Miggiani u kuġinuh l-ieħor hu l-envoy speċjali tal-Prim Ministru Cyrus Engerer. Dan ifisser li l-politika u d-diplomazija qiegħdha fid-DNA ta' Karl, "Biex nevita x-xena lokali, nixtieq noħroġ għall- elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Nixtieq nagħmel politika Ewropea milli politika f 'Malta. Nixtieq li l-Maltin jibdlu l-mentalità magħluqa tal-blu u l-aħmar. Jien ma naħdimx għal partit iżda għal pajjiż. Kull ħaddiem taċ-ċivil anke jekk għandu dritt jagħmel parti minn xi partit jew ieħor wara x-xogħol, irid jaħdem għall-gvern tal-ġurnata u jagħti l-aħjar tagħna." Karl temm l-intervista billi qal li wara l-presidenza se jmur vaganza twila lejn il-Kolumbja, u wara jixtieq jibqa' Brussell , "u jekk ma jirnexxilix insir MPE, nixtieq li nsir ambaxxatur." "Għandi ħolma li nsir Membru Parlamentari Ewropew u jekk ma jirnexxilix, nixtieq li nkun ambaxxatur għal Malta"