Illum previous editions

illum 11 June 2017

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/835422

Contents of this Issue

Navigation

Page 20 of 35

Il-Ħadd 11 ta' Ġunju 2017 | illum Editorjal ILLUM, MEDIATODAY LTD, VJAL IRRIĦAN, SAN ĠWANN SĠN 9016 Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075 Ittri u Kummenti, Imejl: illum@mediatoday.com.mt Kriżi eżistenzjali I l-PN jinsab fi kriżi eżistenzjali kbira u din mhux talli m'għadhiex xi ħaġa tad-daħq, jekk qatt kienet, talli ser issir xi ħaġa serja ħafna jekk mhux ikkurata kif suppost. Qed inkunu allarmisti? Qed neseġeraw? Ejja nħarsu lejn dak li ġara f 'din l-elezzjoni f 'kuntest ħafna iktar wiesa'. Fl-2008, il-PN immexxi minn Lawrence Gonzi kiseb l-iżgħar rebħa elettorali li qatt kiseb partit politiku Malti mill- 1964, sinjal ċar li l-poplu kien mxebba' sa mnieħru mill-istess partit fil-Gvern, iżda eleġġieh bi tqanżiħa għax l-alternattiva kienet agħar minnu. Minn dik l-elezzjoni, li politikament il-PN kien ikun jaqbillu tant u tant kieku tilef, it-triq għan-niżla kienet mgħaġġla, wieqfa u drammatika għall-istess partit li kien tant b'saħħtu sal-2003. Fl-2009, il-PN tilef l-elezzjonijiet tal- Parlament Ewropew b'distakk ta' 35,431 vot favur il-Partit Laburista. Erba' snin wara f 'elezzjoni ġenerali, l-PN reġa' tilef b'distakk ta' 35,107 vot kontrih u favur il-PL. Sena wara fl-2014 il-poplu reġa' kien imsejjaħ biex jivvota għal elezzjoni oħra tal-Parlament Ewropew u l-PN reġa' sofra telfa umiljanti, din id-darba u għall-ewwel darba taħt it-tmexxija ta' Simon Busuttil. Dakinhar l-istess partit kien tilef b'distakk ta' 33,677 vot. U nhar il-Ħadd, għar-raba' darba u għat-tieni darba taħt it- tmexxija ta' Busuttil il-PN reġa' sofra telfa oħra mill- aktar umiljanti, b'distakk ta' 35,280 kontrih. Fuq paġna 3 ta' din il- ħarġa qed nippubblikaw kaxxa li turi kif niżlu l-persentaġġi f 'dawk id-distretti li huma tradizzjonalment Nazzjonalisti. Imqabbel mal-2003 il-PN naqqas, 12.7%, fl-10 distrett, 11.1% mit-12-il distrett u 11% mid-distrett ta' Għawdex. Anke fuq distretti ħomor imma mhux ħomor nar, il- PN ġarrab telfiet enormi. Fis-6 distrett, imqabbel mal-2003, naqqas 5.8% u fis-7 distrett naqqas bi 15%. U l-istorja hija l-istess għall-PN f 'distretti oħrajn, fosthom ir-raba' fejn naqqas b'aktar minn 10% mill-2003. Anke jekk tieħu f 'kunsiderazzjoni ċaqliqit fid-distretti, it-tnaqqis fl-appoġġ lejn il-PN xorta jibqa' kostanti u xorta jidher li d-'demm' kien u għadu ħiereġ minn kullimkien. Dan huwa l-kuntest tar-riżultat tal-Ħadd li għadda. U dawn id- damdimiet elettorali għall-PN, għax hekk huma u xejn iktar, speċjalment meta mqabblin mal-2003 qed jindikaw ħaġa waħda. Il-PN jinsab fi kriżi eżistenzjali, ma jafx x'inhi l-viżjoni tiegħu għall- futur, ma jafx x'inhi l-kolla li tgħaqqdu u li tmur lil hinn mill-mibgħeda lejn l-avversarju, m'għandux għan li jrid jilħaq u li jrid li l-poplu jilħaq miegħu. It-telf massiċċ ta' appoġġ mill-2003 jindika biċ-ċar li l-PN kellu s-saħħa, kellu raġuni għall-eżistenza tiegħu meta kellu missjoni għall-pajjiż. Meta kellu viżjoni li jara lil pajjiżna fuq il-mejda ma' pajjiżi Ewropej, bl-istess saħħa, bl-istess vuċi u bl-istess drittijiet. Minn meta l-ħolma ta' 'Ngħidu Iva' u mill-vot ta' Malta Ewropea, settur kbir tal- popolazzjoni ma baqgħetx tara jew tħoss il-bżonn li tingħaqad jew tappoġġja lill-PN, għax il-kolla dabet. Il-PN jeħtieġ imur lura għall-'Fehmiet Bażiċi' filwaqt iżda li jieqaf jittawwal lejn il-mezzi u l-istrateġiji tat-80jiet biex jirbaħ. Is-snin tad-deheb tal-PN, meta kien immexxi minn Eddie Fenech Adami jibqgħu sodi fil-memorja, imma mhux se jerġgħu jiġu. Il-PN jeħtieġ jieqaf, jaħseb u jifforma għalih innifsu mappa ta' fejn jinsab, ta' fejn jeħtieġ jasal u liema kolla se żżommu magħqud. Irid jara fejn tilef il-kuntatt u għalfejn inqabad fuq sieq waħda. Partit organizzat ma jitlifx erba' elezzjonijiet b'dak id-distakk. Partit b'viżjoni ma jingħatax id-daqqiet ta' sieq li qala' l-PN f 'dawn is-snin. Partit bi tmexxija ta' ispirazzjoni ma jsoffrix telfa storika wara oħra. U kuntrarjament għal dak li jistgħu jaħsbu xi erba' psewdo-intelettwali minn fuq il-pulptu, huwa l-poplu li dejjem kellu raġun. Għax huwa l-istess poplu li għażel lil Malta fl-Ewropa, huwa l-istess poplu li għażel il-bidla fl-2013, li għażel li jagħti ċans lil dik il-mara li żwieġha falla fl-2011, huwa l-istess poplu li fl-1982 ivvota għall- bidla u reġa' kkonferma d-deċiżjoni fl-1987, huwa l-istess poplu li meta Gvern m'għoġbux biddlu wara 22 xahar. Il-poplu huwa sovran, mhux injorant! Suprem mhux bla valuri! Il-PN għandu bżonn jieħu l-ħin u jfittex u jbiddel. Se joħroġ iktar demm u se jiddejjqu xi wħud. Imma jekk dan iwassal għal twelid mill- ġdid ikun tajjeb. Il-PN irid qabel kull tneħħija ta' Kap jaħseb għad-direzzjoni għall-għan tal-eżistenza tiegħu, għat-twemmin li jista' ma jaqbilx miegħu kulħadd imma li jiddistingwieh mill- Partit Laburista. Irid jara fejn se jbandal il-pendlu ideoloġiku. Għax, iva, l-ideoloġija għadha, kif dejjem kienet, it-torċa li tagħti d-dawl u li tmexxi. Partit mingħajr twemmin huwa bħal vapur mingħajr boxxla. F'dan il-punt fl-istorja tal-PN, jibqa' jew ma jibqax Simon Busuttil, filwaqt li importanti biex tiddetermina t-triq 'il quddiem xorta tibqa' deċiżjoni sekondarja. Editur: Albert Gauci Cunningham 21

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 11 June 2017