Illum previous editions

illum 27 May 2018

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/987218

Contents of this Issue

Navigation

Page 13 of 31

14 illum | Il-Ħadd 27 ta' Mejju 2018 Aħbarijiet Minn Yendrick Cioffi BĦALISSA għajnejn l-Italja jinsabu fuq Giuseppe Conte, il- Prim Ministru maħtur biex jifforma gvern ġdid Taljan. X'aktarx li dan il-gvern il-ġdid jinteressa lill-Maltin daqskemm jinteressa lit-Taljani, mhux biss għax Malta u l-Italja huma pajjiżi ġirien, iżda anke għax ħafna drabi, il-politika Taljana jkollha effett dirett fuq Malta. Giuseppe Conte, li sa ftit tal-jiem ilu ftit kienu dawk li jafu min hu, kien l-għażla tal-mexxej tal-Lega, Matteo Salvini u l-mexxej tal- Movimento Cinque Stelle, Luigi di Maio. Sa ftit ilu dawn iż-żewġ partiti ma kinux jaraw għajn b'għajn iżda fl-aħħar jiem ingħaqdu biex jiffurmaw Gvern ġdid Taljan, wara li l-elezzjoni ġenerali ta' Marzu li għadda tat lill- Italja Parlament staġnat. Il-partit populist taċ- Cinque Stelle, minkejja li mmexxi minn mexxej li mhuwiex gradwat u li qatt ma kellu impjieg fiss qabel ma daħal fil-Parlament ħames snin ilu, kien l-aktar partit li ġab voti, għalkemm mhux biżżejjed siġġijiet biex jiggverna. Mill-banda l-oħra, il-partit ta' Matteo Salvini kkontesta l-elezzjoni bħala parti mill-koalizzjoni taċ-Centro Destra, li kienet tinkludi, fost oħrajn, lill-Forza Italia, il-partit tal-eks Prim Ministru Silvio Berlusconi. Flimkien, l-erba' partiti li kienu jiffurmaw din il- koalizzjoni, ġabu aktar voti mill-Movimento Cinque Stelle, iżda xorta waħda ma kellhomx biżżejjed siġġijiet. Minħabba f 'hekk, għal aktar minn xahrejn, kemm Salvini u anke Di Maio kienu qed jisħqu li għandhom dritt jiggvernaw. Minkejja dan, il-ġimgħa li għaddiet ingħaqdu bil- għan li jiffurmaw gvern bejniethom. Il-'bagalja' ta' Giuseppe Conte... Kien hawn li faqqas isem Giuseppe Conte, wiċċ ġdid fil-politika u espert legali ta' 53 sena, wara li ż-żewġ mexxejja ddeċidew li ħadd minnhom ma jkun Prim Ministru iżda jagħżlu persuna oħra u jipproponu ismu lill-President tar- Repubblika, Sergio Mattarella. Malli ħareġ isem Conte, mill-ewwel bdew il- kontroversji dwaru, fosthom għax minkejja li fis-CV tiegħu għandu mniżżel li studja għal avukat fl- Università ta' New York u għallem f 'għadd ta' universitajiet, fosthom dik ta' Malta, ismu ma deher imkien, la fi New York u lanqas f 'Malta. Dan apparti rapporti oħra li għandu jħallas madwar €50,000 f 'taxxa u multi. Avukat difensur tal-poplu jew pupazz? Minkejja din 'il-bagalja' li qed iġorr warajh, wara ftit sigħat ta' riflessjoni, il-President Mattarella aċċetta lil Giuseppe Conte u tah l-inkarigu li jifforma l-kabinett. Fl-ewwel konferenza tiegħu, il-Prim Ministru maħtur wiegħed gvern li se jkun "l-avukat difensur tal-poplu," u ddeskrivieh għal aktar minn darba bħala 'l-gvern tal-bidla." Issa, Conte mistenni jmur lura għand il-President bil- lista tal-Ministri, għalkemm ħafna qed jiddubitaw kemm il-kabinett se jagħżlu hu, ġaladarba se jkun qed imexxi gvern magħmul minn żewġ partiti b'żewġ mexxejja popolari mat- Taljani. Berlusconi jsabbat siequ... Iżda x-xettiċiżmu dwar dan il-Gvern huwa kbir, u l-inċertezza għadha 'l bogħod milli tkun iċċarata, anke wara li Berlusconi, li l-partit tiegħu kien parti mill-koalizzjoni ta' Salvini, indika li se jkun qed jivvota kontra gvern magħmul mill- Movimeno Cinque Stelle u l-Lega, immexxi minn Giuseppe Conte. Il-Partit Demokratiku Taljan, immexxi minn Matteo Orfini, iddeskriva lill-Gvern propost bħala wieħed tal-lemin estrem, bl-eks Prim Ministru Matteo Renzi jawgura lil Conte u jisħaq li l-Oppożizzjoni se tkun qed tivverifika li l-Gvern iwettaq dak li l-partiti wiegħdu fil- kampanja elettorali. Jaqblu ftit... fosthom l-immigrazzjoni Jekk hemm wiegħda li ż-żewġ partiti jaqblu magħha, hija dik li jsinnu snienhom fejn tidħol l-immigrazzjoni. Salvini kien wiegħed li jibgħat lura f 'pajjiżhom mal- 500,000 immigrant f 'ħames snin, b'100,000 fl-ewwel sena ta' tmexxija. Ta' min jgħid li minn wara t-traġedja ta' Lampedusa lura fl-2013 fejn aktar minn 360 immigrant tilfu ħajjithom, l-istat Taljan beda jieħu kważi r-refuġjati kollha li jiġu salvati mill-Forzi tal-Ordni Maltin. Fid-dawl ta' dan kollu l-gazzetta ILLUM tkellmet ma' politiċi, esperti u opinjonisti dwar x'jaħsbu li se jkun l-impatt tal- Gvern ġdid Taljan fuq Malta. Gvern bejn il-Lega u ċ-Cinque Stelle; Malta u l-Italja minn dejjem kellhom relazzjoni tajba bejniethom. Iżda, x'se jiġri taħt gvern ġdid? Il-gazzetta ILLUM tagħti ħarsa lejn l-impatt li gvern bejn iċ-Cinque Stelle u l-Lega jista' jkollu fuq Malta 'Id-dikjarazzjoni ta' Salvini ma tantx tawgura tajjeb għal Malta' Jekk hawn persuna f 'Malta li għandha esperjenza diretta tal-politika Taljana huwa l-eks Chairperson tal-Alternattiva Demokratika, Arnold Cassola, li fl-2006 kien elett fil-parlament Taljan. Mal-gazzetta ILLUM, Cassola tefa' dubju fuq kemm Giuseppe Conte se jkollu s-saħħa biex imexxi b'mod awtonomu, anke għax ma għandu l-ebda esperjenza fil-politika. Cassola nnota wkoll kif wara li ħareġ mingħand il-President, Matteo Salvini, il-mexxej tal-Lega, stqarr mal-ġurnalisti li kien ta lil Mattarella l-lista tal-Ministri. "Din hija xi ħaġa anomala, għax il-Ministri jaħtarhom il-Prim Ministru mhux Salvini," saħaq Cassola. Dwar l-immigrazzjoni, Cassola saħaq kif id-dikjarazzjoni ta' Salvini li jrid jissikka l-fruntieri u jibda jiddeporta l-barranin ma tantx tawgura tajjeb għal Malta. Tkellem ukoll dwar l-effett li l-Gvern il-ġdid Taljan jista' jkollu fuq livell Ewropew. Kollox jindika li l-gvern Taljan se jkun qed jitlob aktar flessibilità fir-regoli finanzjarji u "din l-inċertezza," fi kliemu, tista' twassal għal taqlib li jista' jaffettwa l-ekonomija taż-żona ewro kollha kemm hi." Wera wkoll it-tħassib tiegħu għall-wiegħda tal-gvern il-ġdid li jintroduċi 'flat tax,' jiġifieri li kulħadd, sinjur jew fqir, iħallas l-istess rata ta' taxxa tad-dħul.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 27 May 2018