Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/987218
5 Il-Ħadd 27 ta' Mejju 2018 | illum Aħbarijiet IŻŻGĦAŻAGĦ Maltin u Għawdxin huma fost l-aktar fl-Unjoni Ewropea kollha illi jafu jiktbu u jaqraw b'lingwi differenti u li jħossuhom perfettament komdi jistudjaw b'lingwi differenti. Rapport li l-Kummissjoni Ewropea għadha kif ippubblikat fil-fatt juri illi 82% taż-żgħażagħ Maltin kapaċi jiktbu b'żewġ lingwi jew tlieta, 16% saħansitra kapaċi jikkomunikaw b'aktar minn tliet lingwi. Dan huwa riflessjoni tal-fatt illi f 'pajjiżna, minn età żgħira, it-tfal jattendu fi skejjel bilingwi fejn il- komunikazzjoni ssir kemm bl- ilsien Malti kif ukoll bl-Ingliż u ż-żewġ lingwi huma mgħallma wkoll. Dan iwassal ukoll biex iktar tard fiċ-ċiklu edukattiv l-istudenti ġeneralment jagħżlu lingwa oħra, ħafna drabi għażla bejn il-Ġermaniż, il- Franċiż u/jew it-Taljan. Imma pajjiżna kif jikkumpara ma' pajjiżi oħrajn? Il-persentaġġ medju ta' żgħażagħ bejn il-15 u t-30 sena li jitkellmu b'lingwa waħda biss fl-UE hija, skont dan l-istħarriġ, ta' 20%. F'Malta il-persentaġġ jinżel għal 2% biss, ftit iktar mid-Danimarka b'1% u ftit inqas mill-Iżvezja u l-Olanda bi 3%. L-aktar pajjiż li fih hemm rata għolja ta' nies li kapaċi jikkomunikaw permezz ta' qari u kitba b'lingwa waħda biss huwa fir-Renju Unit b'68%. Dan forsi ma jiġix daqstant bħala sorpriża hekk kif il-lingwa Ingliża hija dik internazzjonali u allura fir- Renju Unit ftit iħossu l-bżonn li jitgħallmu lingwi oħrajn. Flimkien mar-Renju Unit, l-Ungerija u l-Irlanda huma l-pajjiżi bl-akbar persentaġġ ta' persuni li jafu jikkomunikaw b'kitba u qari b'lingwa waħda biss. Jitgħallmu b'lingwi differenti... U kieku minflok bil-Malti, l-għalliem jidħol fil-klassi jitkellem bl-Ingliż l-istudenti Maltin ikollhom problema? L-istħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea juri illi għaż- żgħażagħ Maltin dan mhux il- każ. Fil-fatt 54% ma jkollhom ebda problema li jistudjaw jew ikollhom lezzjonijiet b'żewġ lingwi, filwaqt li 34% ma jkollhom ebda problema isegwu saħansitra bi tliet lingwi. Dan l-istudju juri illi Malta għandha medja tliet darbiet inqas minn dik tal-UE f 'dak li jirrigwarda żgħażagħ li kapaċi jistudjaw 'lingwa waħda biss, għal darba oħra riflessjoni tal-fatt illi Malta għandha rata għolja ta' nies li jitkellmu, jiktbu u jaqraw żewġ, tliet jew iktar lingwi. Hola, como estàs? U l-Maltin ta' bejn il-15 u t-30 sena, liema lingwi jixtiequ jitgħallmu? B'38%, iż-żgħażagħ Maltin huma fost l-iktar li jixtiequ jitgħallmu l-lingwa Spanjola. Fil-fatt il-lingwa Spanjola b'35% hija l-aktar lingwa li żgħażagħ madwar l-UE kollha jixtiequ jitgħallmu, segwita mill- Ġermaniż bi 23% u l-Franċiż b'20%. B'64% l-Ingliż hija l-aktar lingwa li ż-żgħażagħ fl-UE jixtiequ illi jagħmlu iktar progress fiha, segwita mill- Franċiż b'18% u l-Ġermaniż b'15%. Fil-każ ta' Malta l-aktar lingwa li ż-żgħażagħ jixtiequ jtejbu hija t-Taljan, b'46%. Fuq livell Ewropej 77% taż-żgħażagħ bejn il-15 u t-30 sena jixtiequ jitgħallmu lingwa ġdida, filwaqt li 84% jixtiequ illi jtejbu l-għarfien tagħhom ta' lingwa barranija. Esperjenza barra mill- pajjiż... tajjeb jew ħażin? Mhux l-ewwel darba li smajna b'xi ħadd li siefer f 'pajjiż biex jistudja, jaħdem jew inkella jieħu xi tip ta' taħriġ. L-Unjoni Ewropea stess għandha inizjattivi bħall-Erasmus, illi joffru l-possibilità lill-istudenti madwar il-kontinent biex ikollhom esperjenza barra minn pajjiżhom. F'pajjiżna dan kien saħansitra wieħed mill-punti ewlenin tal-kamp li ried lil Malta ssir membru tal-UE. Iżda ż-żgħażagħ Maltin u Ewropej x'jaħsbu? 92% ta' dawk il-Maltin bejn il-15 u t-30 sena jħossu li esperjenza ta' xogħol, taħriġ, volontarjat u aktar barra l-pajjiż hija 'importanti ħafna' jew 'pjuttost importanti'. Dan ipoġġi lil Malta fil-quċċata tal- pajjiżi fl-UE, b'99% tat-Taljani, 97% taċ-Ċiprijotti u 96% tal- Portugiżi jaħsbu l-istess. Fuq livell Ewropew, 90% taż-żgħażagħ fl-etajiet ta' dan l-istħarriġ iħossu li huwa importanti li jkollhom esperjenza barra mill-pajjiż, filwaqt li 91% jaqblu ma' rikonoxximent awtomatiku ta' kwalifikazzjonijiet madwar l-UE kollha. Minkejja dan 73% ta' dawk li rrispondew għal dan l-istħarriġ qalu illi qatt ma studjaw, ħadmu jew tħarrġu barra mill-pajjiż tagħhom b'Malta jkollha fost l-ogħla persentaġġ. Fil-fatt 85% miż- żgħażagħ ta' din l-età qatt ma kellhom din l-esperjenza u huma l-kumplament, jew 15% li wieġbu illi ġieli marru pajjiż barrani f 'esperjenza ta' xogħol, studju jew taħriġ. Iż-żgħażagħ li jgħixu Lussemburgu kienu l-aktar li kellhom esperjenza barra l-pajjiż b'61%, dawk mill- Latvja b'42% u ċ-Ċiprijotti b'39%. Iż-żgħażagħ Spanjoli, Griegi, Portugiżi u Kroati flimkien mal-Maltin kienu fost l-inqas. Fuq livell tal-UE 57% ta' dawk iż-żgħażagħ li kellhom esperjenza barra l-pajjiż qalu li raw titjib fil-ħiliet lingwistiċi tagħhom, filwaqt li 54% apprezzaw iktar il-kultura u l-użanzi. 36% jaħsbu illi esperjenza barra pajjiżhom jew għenithom biex jiltaqgħu ma' iktar nies, jew għamlithom aktar indipendenti, filwaqt li 33% jemmnu li fetħitilhom moħħhom u 24% jemmnu li tathom aktar opportunitajiet ta' xogħol. Iż-żgħażagħ Maltin b'56%, jemmnu li esperjenza barra l-pajjiż tgħinhom isiru aktar indipendenti. L-istħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea juri illi ftit aktar minn nofs, jew 52% taż-żgħażagħ Maltin li qatt ma marru jaħdmu, jistudjaw jew jitħarrġu għax għad ma kellhomx l-opportunità s'issa. Iż-żgħażagħ Maltin fost l-aktar li jafu lingwi fl-Ewropa agcunningham@mediatoday.com.mt Albert Gauci Cunningham ...Bi 82% li jafu jikkomunikaw b'żewġ lingwi u 16% bi tlieta, iż-żgħażagħ Maltin jinqabżu biss mid-Daniżi