Illum previous editions

illum 27 May 2018

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/987218

Contents of this Issue

Navigation

Page 14 of 31

15 Il-Ħadd 27 ta' Mejju 2018 | illum Aħbarijiet Stelle; x'se jfisser għal Malta? 'L-affarijiet ma jidhrux sbieħ' L-eks Ministru għall- Affarijiet Barranin, George Vella, qal li l-affarijiet ma jidhrux sbieħ, la għal Malta u lanqas għall-bqija tal- Ewropa. Vella saħaq li mingħajr l-ebda dubju l-politika tal-gvern ġdid Taljan fuq l-immigrazzjoni se jkollha effett dirett fuq Malta, aktar u aktar b'Matteo Salvini bħala Ministru għall-Intern. "Irridu nxammru l-kmiem," insista George Vella waqt li spjega li għalkemm l-immigrazzjoni naqset, figuri li fl-Italja jkunu aċċettati, għax jintilfu fil-miljuni, f 'Malta jinħassu ħafna. Iżda wissa wkoll dwar effetti indiretti li l-gvern ġdid Taljan jista' jkollu fuq Malta. Fakkar kif iż-żewġ partiti kemm-il darba kkritikaw l-istrutturi tal- Unjoni Ewropea, fosthom anke l-ewro. Fakkar ukoll li dak li qed jissemma għal Ministru għall-Ekonomika, Paolo Savona, tkellem diversi drabi kontra l-ewro u s-sistema finanzjarja tal- Unjoni Ewropea. L-eks Ministru kompla jispjega li wara li r-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea, l-Italja se tkun waħda mill-akbar piżijiet ekonomiċi tal-Unjoni Ewropea u dan meta d-dejn tagħha jlaħħaq il-€2.3 triljun. Il-Kummissjoni diġà wissiet lill-Italja biex tnaqqas id-dejn tagħha, li huwa t-tieni l-akbar fl-Unjoni Ewropea wara dak tal-Greċja, li fl-aħħar snin għaddiet minn kriżi ekonomika kbira li heżżet ukoll lill-Unjoni Ewropea. Vella temm jgħid li għadu skantat kif Sergio Mattarella qabel mal-ħatra ta' Giuseppe Conte bħala Prim Ministru ġdid Taljan. 'Conte jista' jżomm lura milli jxellef ir- relazzjoni ma' Malta' Il-Pro Rettur tal- Università ta' Malta, il-Professur Carmen Sammut, li hi speċjalizzata fl-istudji tar-relazzjonijiet internazzjonali, saħqet li jeżistu diversi fatturi li jistgħu jwasslu biex Giuseppe Conte jara li mhux fl-aħjar interess ta' pajjiżu li jxellef it- tradizzjoni twila ta' relazzjonijiet bilaterali ma' Malta. Sammut fakkret li f 'Malta hawn eluf ta' immigranti Taljani, l-aktar Sqallin, li ġew b'mod regolari u legali biex jaħdmu fil-gżejjer Maltin, minħabba n-nuqqas ta' opportunitajiet ta' xogħol fl-Italja. Kien f 'dan id-dawl, li l-Pro Rettur saħqet li l-fatt li Conte x'aktarx għandu għarfien tajjeb ta' Malta (ġaladarba skontu kien jgħallem hawn) u anke l-fatt li hawn daqstant interessi kummerċjali u ħaddiema Taljani f 'Malta, jistgħu jwasslu biex iżomm pass lura fejn tidħol Malta. Iżda, minkejja dan, Giuseppe Conte se jkun qed imexxi gvern magħmul minn żewġ partiti populisti u għalhekk x'aktarx li dan il-fatt se jbiddel ix-xenarju fejn tidħol l-immigrazzjoni. Fl-aħħar snin, speċjalment taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Matteo Renzi, iż-żewġ pajjiżi ħadmu ħafna id f 'id, l-aktar fejn tidħol iż- żona tas-Search and Rescue estensiva ta' Malta. Sammut saħqet li jekk il-Gvern Taljan jagħżel li jisfida lill-Unjoni Ewropa, fejn tidħol l-immigrazzjoni, influss akbar ta' immigranti jistgħu jaslu f 'Malta. "Dan jista' jwassal għal firxa sfortunata tal- populiżmu anke fi xtutna," temmet tgħid il-Professur. 'Viżjoni differenti fuq żewġ kwistjonijiet importanti' Tkellimna wkoll ma' Andrè Debattista, riċerkatur dwar il- politika internazzjonali, li nnota kif bil-gvern ġdid Taljan, Malta u l-Italja se jkollhom viżjoni differenti fuq żewġ kwistjonijiet importanti u li fl-aħħar snin dejjem ħadmu id f 'id dwarhom. L-akbar kwistjoni tibqa' dejjem l-immigrazzjoni, b'Debattista jfakkar li ż-żewġ partiti li se jiffurmaw dan il-gvern, it-tnejn li huma kienu eletti b'enfasi kbira fuq l-immigrazzjoni. "Issa kollox jiddependi mir-rieda tal-gvern Taljan li ma jaħdimx kontra Malta," kompla Debattista. "Jekk ma hemmx din ir-rieda għal soluzzjoni, bla dubju Malta se tkun affettwata." It-tieni kwistjoni li tkellem dwarha Debattista u li għamel aċċenn għaliha, l-eks Ministru George Vella, hija dik dwar l-Unjoni Ewropea. Filwaqt li bħalissa l-Unjoni Ewropea qed tagħmel dik li sejjaħ bħala soul searching, il-viżjoni tal-Lega u tal-Movimento Cinque Stelle, ma tidhirx li se tkun qed tgħin. Minkejja kollox, Debattista saħaq li relazzjoni tajba bejn Malta u l-Italja tibqa' dejjem l-aqwa soluzzjoni għaż-żewġ pajjiżi.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 27 May 2018