Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1019060
illum | Il-Ħadd 26 ta' Awwissu 2018 I x-xhieda dettaljata u li tkexkex li ta fil-Qorti l-kuntistabbli Simon Schembri mit-taqsima tat-traffiku tal-korp tal-Pulizija, iktar kmieni din il- ġimgħa, turi minn xiex jgħaddu wħud mill-pulizija fil-qadi ta' dmirijiethom biex jipproteġuna. Fortunatament in-numru ta' dawn l-inċidenti hu wieħed żgħir. F'kull livell tal-korp tal- pulizija hemm irġiel u nisa ta' dedikazzjoni kbira li fis- siegħa tal-prova taw servizz impekkabbli. Tul is-snin kellna numru ta' pulizija li nqatlu fuq xogħolhom, u Simon Schembri jgħoddha b'waħda li għal ftit ma ngħaqadx magħhom. Iż-żamma tal-ordni pubblika qatt mhi faċli minħabba li dejjem ser ikun hawn min iħares lejn il-pulizja bħala xkiel fil-fissazzjoni li jkollhom biex jagħmlu li jridu, meta jridu u kif iridu. "U ajma, ħallini" qal iż-żgħażugħ li wara pproċeda biex kaxkar lil Simon Schembri madwar 400 metru taħt il-Mercedes li kien qiegħed isuq. In-nuqqas ta' rispett ta' wħud, anke fis- sens wiesa' tal-kelma, iwassal għal dawn iċ-ċirkustanzi, li fortunatament huma ftit. Dawn it-tip ta' nies mhux jikkontestaw lill-awtorità, imma jiddisprezzawha. Il-poplu Malti għandu rispett lejn il-korp tal-pulizija għax b'mod ġenerali japprezza l-impenn u d-dedikazzjoni tal-membri tiegħu lejn il- komunità. Il-Korp tal-Pulizija hu l-ewwel ħajt ta' kenn li n-nies tfittex, u ħafna drabi, fid-diffikultajiet tal-ħajja ta' kuljum dan il-kenn issibu. Il-Union tal-Pulizija kif ukoll l-Assoċjazzjoni tal-Pulizija ġustament tkellmu dwar il- ħtieġa ta' assigurazzjoni biex tipproteġi lill-Pulizija u lill- familji tagħhom meta dawn iweġġgħu jew jitilfu ħajjithom waqt il-qadi ta' dmirijiethom. Dan hu tajjeb li jsir, u għandu jsir malajr kemm jista' jkun. Imma iktar minn hekk hemm il-ħtieġa li possibilment ikunu evitati inċidenti ta' din ix-xorta. Biex dan isir hemm bżonn iktar pulizija fuq ir-ronda kif ukoll li kull pulizija jkun akkumpanjat minn tal-inqas pulizija ieħor. Dan iservi biex kull pulizija jkun imwieżen direttament u mill-ewwel u allura bla dubju jonqsu l-inċidenti fejn tintuża l-vjolenza fuq il-pulizija waqt il-qadi ta' dmirijiethom. Il-Pulizija m'għandhomx jitħallew dipendenti fuq il-karità, billi jkunu kostretti li jiġbru l-fondi b'sejħiet pubbliċi wara li jinqala' incident. L-għajnuna għandha tkun ippjanata u għandha tieħu diversi forom. Għandha tkun għajnuna li primarjament tfittex li tevita l-inċidenti u dan permezz ta' rinforzi, taħriġ kontinwu kif ukoll billi jkunu pprovduti r-riżorsi kollha meħtieġa. Hekk biss il-pulizija tista' taqdi dmirha aħjar u fl-istess ħin tingħata protezzjoni adegwata. Fix-xhieda mogħtija l-Qorti matul din il-ġimgħa mill- kuntistabbli Simon Schembri ntqal li personalment kien xtara elmu u uniformi superjuri fil-kwalità għal dak li kien jipprovdilu l-korp. Ħadd s'issa għadu ma spjega għaliex il-korp ma jipprovdix lill-Pulizija bl-aqwa u l-aħjar mill-ewwel u minn fondi pubbliċi. Joħroġ ċar u bla dubju li l-kundizzjoni tal- kuntistabbli Schembri setgħet kienet ħafna agħar, kieku ma daħħalx idu fil-but. Dawn huma wħud mill- affarijiet li jeħtieġ li jkunu rrimedjati. Lill-pulizija l-pajjiż għandu jagħtihom l-aħjar għodda biex jaqdu dmirhom biex fl-istess ħin ikun possibbli li jħarsu persunthom bl-aħjar mod possibli. Il-Pulizija ilhom jitolbu iktar biex ikunu jistgħu jaħdmu sewwa, fosthom il-body cams. Kien tajjeb li sa fl- aħħar, riċentment, fil-bidu tal-Lulju, intqal li l-Pulizija ser jibdew ikunu pprovduti b'dawn il-body cams. Suppost li ser jinbeda proġett pilota, eżattament fit-taqsima tat- traffiku li eventwalment għandu jwassal biex jinfirex fis-sezzjonijiet kollha tal-korp. Il-parti l-kbira tal-membri tal-Korp tal-Pulizija huma dedikati għal xogħolhom. Hi ħasra li kultant ikun hemm minnhom, ġeneralment fizzjali, li ma jagħmlux xogħolhom sewwa u bħala riżultat jagħtu isem ħażin lill- korp kollu. Tul is-snin il-Pulizija mhux dejjem kienu stmati tajjeb. Niftakru meta kien tneħħielhom id-dritt għall- pensjoni wara 25 sena servizz, biex eventwalment dan id-dritt reġa' ngħatalhom lura wara numru ta' snin. Anke d-dritt li jkunu msieħba fi Trade Union kien pass importanti 'l quddiem biex ikun assigurat li l-kundizzjonijiet li fihom jaħdmu l-Pulizija jkunu kontinwament taħt il-lenti, biex jitjiebu. Hu tajjeb li nuru s-solidarjetà mal-Pulizija u l-familji tagħhom li jbatu konsegwenzi gravi riżultat tad-dedikazzjoni tagħhom għal dmirijiethom. Imma jkun ħafna aħjar jekk naħdmu iktar biex dawn il-konsegwenzi jkunu evitati. 14 Opinjoni Hu tajjeb li nuru s-solidarjetà mal- Pulizija u l-familji tagħhom li jbatu konsegwenzi gravi riżultat tad- dedikazzjoni tagħhom għal dmirijiethom. Imma jkun ħafna aħjar jekk naħdmu iktar biex dawn il-konsegwenzi jkunu evitati Joħroġ ċar u bla dubju li l-kundizzjoni tal-kuntistabbli Schembri setgħet kienet ħafna agħar, kieku ma daħħalx idu fil- but. Dawn huma wħud mill-affarijiet li jeħtieġ li jkunu rrimedjati U ajma, ħallini! carmel.cacopardo@alternattiva.org.mt • http://carmelcacopardo.wordpress.com CARMEL CACOPARDO