Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1028261
Sports 26 illum Il-Ħadd 16 ta' Settembru 2018 'Li skorjajt il-gowl deċisiv għal Neptunes fil-finali kienet ħolma li saret realtà' - Gabriel Pace Minn Cristian Antony Muscat GABRIEL Pace - plejer żagħżugħ tal-ogħla livell tal-waterpolo ta' Neptunes u li qed iħabbat il-bieb tat-tim nazzjonali mmexxi mill-kowċ Karl Izzo. Skorja l-gowl deċisiv li ta r-rebħ tal-Kampjonat lil Neptunes fil-finali tal- play-offs ferm eċitanti u kumbattuta kontra San Ġiljan, b'Neptunes jirbħu l-Kampjonat għall-25 darba fl-istorja glorjuża tagħhom. F'din l-intervista se nsiru nafuh aħjar. Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-waterpolo? Minn eta' żgħira ħafna jien kont bdejt trejning u nikkompeti fis-swimming team tan-Neptunes. Id-destin ried li kont nittrenja taħt it-tmexxija tas-Swimming Coach Gail Rizz. Meta kelli tmien snin apparti l-għawm bdejt nitħarreġ ukoll fil-Waterpolo Nursery tan-Neptunes u iktar 'il quddiem kont dejjem parti mit-timijiet tal-Juniors u Youths tan-Neptunes fejn hemmhekk ukoll kont fortunat li kelli kowċ ta' esperjenza kbira - Ġużi 'l-ors' Attard. Sal-eta' ta' 17-il sena bqajt nikkompeti kemm fl-għawm kif ukoll fil- waterpolo imma meta wasalt għall-eżamijiet tal- A-Levels kelli niddeċiedi minħabba pressjoni ta' ħin għall-istudju, u għażilt il- waterpolo. X'tikkummenta fuq ir- riżorsi (pixxina) li fihom tittrenjaw u tilagħbu f 'Malta? Fl-opinjoni tiegħi r-riżorsi li għandna l-pixxina huma tajbin imma mhux biżżejjed. Il-problema hi li ħafna timijiet bilfors ikollhom jittrenjaw kollha fl-istess pixxina wara s-6pm. Biex itejbu r-riżorsi l-Gvern irid jintervjeni għaliex ebda klabb ġo Malta m'għandu l-finanzi li jsaħħan il-Pools fix-xitwa għax l-ispiża hija kbira wisq. Għaldaqstant, nispera li l-Gvernijiet jaħsbu wkoll kif jistgħu ukoll jgħinu lill-klabbs fix-xitwa biex jissaħħnu l-Pools li hemm ippjanati. X'sagrifiċċji jinvolvi li tkun plejer tal-waterpolo? Jekk trid tkun plejer ta' livell għoli trid tagħmel sagrifiċċji kbar. Dan jinvolvi taħriġ matul is-sena kollha, għawm fit-tul (speċjalment fix-xitwa) u gym regolari. Dan kollu waqt li matul il-ġurnata trid tlaħħaq max- xogħol jew studju. Anki vaganzi u safar ma tistax tmur meta trid. Dejjem trid tippjana qabel skont il-waterpolo fixtures. Kif jirnexxielek tlaħħaq mat-taħriġ u x-xogħol u mal-waterpolo? Permezz ta' bilanċ tajjeb tal-ħin. Minn meta konna tfal, il-kowċis li kelli u l-ġenituri dejjem għallmuna li fil-ħajja kollox għandu l-ħin tiegħu. Hawnhekk fejn tidħol id-dixxiplina fuqek innifsek. Ovvjament irid ikun hemm ukoll il- koperazzjoni min-naħa tax- xogħol speċjalment rigward leave meta tasal għal-logħob importanti. X'fisser għalik u għal Neptunes bħala tim dan ir-rebħ tal-kampjonat? Dan il-kampjonat għalina jfisser il-frott ta' sena taħriġ intensiv bla waqfien mill- plejers u ħidma kontinwa ta' kumitat ħabrieki tal-klabb. Ir-rebħ tal-Kampjonat ifisser ħafna speċjalment min xiex għaddejna dis-sena u ma konniex meqjusin bħala l-favoriti, fl-opinjoni tiegħi. Kif tiddeskrivi dan il- kampjonat? Qbilt mas- sistema tal-play-offs? Kien kampjonat eċitanti ferm u kien viċin ħafna sal-aħħar minuta. M'inix hemm biex naqbel mal- play-offs jew le. Jien lest biex nilgħab fi kwalunke format tal-kampjonat. Huma l-ASA flimkien mal- klabbs li jiddeċiedu l-format tal-kampjonat u dan il-format tħabbar is-sena l-oħra. Din is-sistema tal- play-offs mhix ġdida għal Malta u hawn diversi pajjiżi li jaddottawha. Kif jgħidu, it-tiġrija sal-barkun! X'kien is-sigriet ta' dan is- suċċess matul din is-sena? Is-sigriet tas-suċċess tagħna kien li ħdimna ħafna matul ix-xitwa bħala tim u ma qtajniex kantunieri fit-taħriġ tagħna. Bqajna viċin xulxin fil-mumenti kollha anki meta l-affarijiet ma kinux qegħdin favurina. U dejjem emminna f 'xulxin u fit-tim li stajna nirbħu l-kampjonat. Fid-dressing room konna tim magħqud b'taħlita ta' plejers ta' esperjenza u maturi bħal Niki Lanzon, Stevie u Jordan Camilleri li huma l-krema tal-waterpolo Malti flimkien mal-plejer barrani Petar Muslim kif ukoll element b'saħħtu żagħżugħ u li ma rridux ninsew li din is-sena dawn rebħu l-Kampjonati tal-U20, U17 u U15. Ikolli ngħid li ħdejn staġuni oħra ma kellkomx kampjont daqshekk smooth fejn sofrejtu telfiet mhux mistennija fosthom kontra Exiles. X'kienu dawk l-affarijiet li marru mhux kif ippjanat matul dan il- kampjonat? Kien hemm affarijiet li ma marrux kif ippjanat. Il-waqfa għall-Kampjonat Ewropew affetwatna u bidlitilna r-ritmu u għaddejna minn fażi mhux tajba, li waslet għat-telfa kontra Exiles u anki kontra Sliema. Però, irridu nżommu f 'moħħna wkoll il-progress enormi li għamlu l-Exiles din is-sena. Madankollu, bqajna nagħtu s-sapport tagħna lil xulxin u din fissret iktar għar-rebħa fl-aħħar. Konna nafu li "we have to peak" għall- play-offs u hekk għamilna taħt it-tmexxija għaqlija tal-kowċ Jovan Popovic u l-istaff tekniku. X'ħassejt meta skorjajt il-gowl deċisiv li ta r-rebħ tal-Kampjonat lil Neptunes fl-aħħar konfront kontra San Ġiljan? Ewforià ! Ħolma li saret realtà. Ħarist lejn is- sapporters kollha u niftakar meta kont minflokhom u issa skurjajt il-gowl deċisiv fil-finali. Tqis li dan kien l-aktar gowl importanti fil- karriera tiegħek sa issa? Iva, bla dubju! Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-waterpolo ma' Neptunes? Inħares lejn il-futur b'ottimiżmu kbir. In- Neptunes huwa tim pjuttost żagħżugħ fl-eta'. Il-Captain Niki Lanzon huwa l-veteran tat-tim imma rajtuh din is-sena jilgħab erba' sessjonijiet bla waqfien. Niki huwa leġġenda tal- waterpolo Malti li huwa ta' ispirazzjoni għal kull plejer żagħżugħ. Insemmi wkoll lil Stevie Camilleri li huwa l-aqwa plejer fil-waterpolo li qatt ipproduċiet Malta fejn irnexxielu jagħmel karriera professjonali barra minn Malta b'suċċess. Jien tgħallimt ħafna minn għandhom u għadni qed nitgħallem sal-lum. Imbagħad in-Neptunes hemm nukleu sabiħ u mdaqqas ta'plejers żgħażagħ mal-klabb li jippromettu bil-kbir għall-waterpolo Malti. Allura irrid inkun parti minn dan it-tim fil- futur. Tixtieq u tqis li fil-futur tissejjaħ mill-kowċ Karl Izzo biex imbagħad tifforma parti mit-tim nazzjonali Malti? Li tissejjaħ biex tilgħab għal pajjiżek huwa l-ikbar unur li kwalunkwe plejer fi kwalunkwe sport jista' jkollu. Il-bieb miftuħ beraħ għall-Headcoach Karl Izzo imma dawn id-deċiżjonijiet huma f 'idejn il-kowċis u aħna l-plejers fid-dmir li nirrispettaw l-għażliet u d-deċiżjonijiet tagħhom. Għaddi messaġġ lil dawk it-tfal u / jew żgħażagħ li bħalek jixtiequ jagħmlu karriera fil-waterpolo. Biex tilgħab il-waterpolo trid ċerti kwalitajiet. Trid paċenzja u pjan fit-tul. Fuq nett tal-lista għandek l-għawm. Ma tistax tkun plejer tal-waterpolo tajjeb, jekk ma tgħumx b'saħħtek u veloċi. Messaġġ li nixtieq ngħaddi liż-żgħażagħ huwa biex ma jaqtgħu qalbhom qatt u jekk togħġobhom il-logħba, ikunu dedikati u dixxiplinati. Ħin jew ieħor jiġihom iċ-ċans. Il-waterpolo hija logħba li tista' ttik ħafna sodisfazzjon, dejjem jekk teħodha bis- serjetà flimkien mal-iskola. Gabriel Pace jifraħ wara li skorja l-gowl deċisiv għal Neptunes fil-finali kontra San Ġiljan