Illum previous editions

ILLUM 23 September 2018

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1031060

Contents of this Issue

Navigation

Page 13 of 31

14 Minn Yendrick Cioffi LELEZZJONI biex jiġu eletti l-Ewroparlamentari fadlilha tmien xhur iżda l-partiti politiċi diġà qed jikkargaw il-magni elettorali tant li qed jimbuttaw il-kandidati tagħhom fl-attivitajiet politiċi kollha li qed jorganizzaw. Jidher li l-interess f 'din l-elezzjoni se jkun wieħed kbir anke għax ħafna qed iħarsu lejn din l-elezzjoni bħala l-ewwel test politiku għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia u għax skont dak li qed jgħid il-Prim Ministru Joseph Muscat, jidher li din se tkun l-aħħar elezzjoni tiegħu bħala Mexxej Laburista. Il-qarrejja tal-gazzetta ILLUM ukoll bdew jgħidu tagħhom, tant li minn stħarriġ li sar fl-aħħar jiem fuq is-sit illum.com.mt, sal-ħin li fih inkiteb dan l-artiklu, kienu vvutaw 5,739 persuna. Anke jekk dan mhux stħarriġ xjentifiku, il- fatt li fi ftit jiem ivvutaw aktar minn 5,700 persuna, dan l-istħarriġ jista' jkun indikattiv tal-opinjoni pubblika. Minn dawk li ħadu sehem f 'dan l-istħarriġ, 41% jew inkella 2,356 persuna qalu li f 'Mejju li ġej se jkunu qed jivvutaw lill-kandidati tal- Partit Laburista. Mill-banda l-oħra, 1,846 (32%) qarrej qalu li se jkunu qed jivvutaw lil dawk tal- Partit Nazzjonalista. Mill-aħħar sondaġġi xjentifiċi tal-gazzetta oħt MaltaToday, minkejja tnaqqis minn fost dawk li vvutaw lill-PL fl-2017, xorta jidher li hemm distakk bla preċedent ta' madwar 93,000 vot favur il-Partit Laburista. Dan ma tantx jawgura tajjeb għall-Partit Nazzjonalista, għax jinsab f 'riskju li jitlef it-tielet siġġu fil-Parlament Ewropew, anke jekk Adrian Delia ma tantx jidher li huwa inkwetat iż-żejjed. F'intervista ppubblikata fid-9 ta' Settembru, Delia insista li mhux qed iħares lejn dawn l-elezzjonijiet bħala ġudizzju fuqu, għax skontu, "l-ebda politiku qatt ma għamel pjan biex jiġi determinat f 'sena." Norman Lowell it-tielet l-aktar popolari U l-qarrejja tal-ILLUM x'jaħsbu dwar il-partiti ż-żgħar u kandidati oħra? Il-fatt li matul dan is- sajf erġajna rajna għadd ta' immigranti jaslu fi xtutna u anke l-politika li qed iħaddan il-Gvern Taljan, partikolarment id-Deputat Prim Ministru Matteo Salvini, waslu biex fost il-poplu reġa' qam xi ftit ta' tħassib dwar l-immigrazzjoni u anke sentiment razzist fost ħafna li jiktbu fuq Facebook kull ħsieb li jiġihom. Minn dawk li ħadu sehem fl-istħarriġ tal-illum.com. mt, kważi 16% jew inkella 907 qarrejja, qalu li se jivvutaw lil Norman Lowell, il-politiku tal-lemin estrem li jitfa' lill-immigranti kollha f 'keffa waħda u jiddeskrivhom 'illegali.' Apparti minn hekk, dawk li se jsejħu lilhom infushom Patrijotti Maltin għax jikkampanjaw kontra l-immigrazzjoni, kienu aktar popolari mal-qarrejja tal-ILLUM (anke jekk dawn għadhom ma ħabbru l-ebda kandidat) mill-partiti ż-żgħar. Mill-5,700 persuna li ħadu sehem f 'dan l-istħarriġ, 87 qarrej qalu li se jivvutaw lil dan il-Moviment, filwaqt li 28 qarrej qalu li jippreferu jeleġġu MEP mill- Alternattiva Demokratika u 26 mill-Partit Demokratiku. 489 ma jgħidux kif se jivvutaw Minkejja dan kollu, 489 qarrej ma qalux kif se jivvutaw fl-elezzjonijiet ta' Mejju li ġej. Il-maġġoranza ta' dawn, jiġifieri 327 ma weġbux mhux għax huma indeċiżi, iżda għax determinati li f 'Mejju li ġej iżommu l-vot fuq l-ixkaffa u ma jivvutaw lil ħadd. Dan l-istħarriġ huwa wieħed minn sensiela ta' ħamsa li se jkunu qed isiru sa Mejju li ġej. Aħbarijiet illum | Il-Ħadd 23 ta' Settembru 2018 Il-qarrejja tal-ILLUM jibdew jgħidu tagħhom dwar l-elezzjoni tal-MEPs …Il-maġġoranza jagħżlu lill-Partit Laburista u Norman Lowell ħafna aktar popolari mill-partiti ż-żgħar S'issa min huma l-kandidati? Fl-aħħar ġimgħat, il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista approvaw l-ewwel kandidati tagħhom. Il-kandidati tal-Partit Laburista sa issa huma: Felix Busuttil, Josef Caruana, Miriam Dalli, Cyrus Engerer, James Grech, Alex Saliba u Joe Sammut. Il-kandidati tal-Partit Nazzjonalista sa issa huma: Peter Agius, Dione Borg, Michael Briguglio, David Casa, Roberta Metsola, Frank Psaila u Francis Zammit Dimech. Il-kandidat tal-Partit Demokratiku sa issa huwa Anthony Buttigieg li mill-21 ta' Settembru rriżenja minn Kap tal-Partit, kariga li kien ilu jokkupa minn Mejju tas-sena li għaddiet. Sa issa, l-Alternattiva Demokratrika għadha ma ħabbret l-ebda kandidat. Norman Lowell iddikjara li se jkun qed jikkontesta waqt konferenza li għamel il-Belt quddiem il-Monument tal-Assedju.

Articles in this issue

Links on this page

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 23 September 2018