Illum previous editions

ILLUM 23 September 2018

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1031060

Contents of this Issue

Navigation

Page 19 of 31

Xemx. Xita. Riħ. Bard. Alfons kienx jaf kemm kien ilu hemm. Issa kien dara. Ħwejġu kienu maħmuġin pesta. Xagħru kien sar bla forma. Wiċċu kien kollu ħmieġ, tant li ma kienx għadu jingħaraf. U għalih hekk kien aħjar. Hekk kien jiffranka ftit mill-mistħija. Hekk ħadd ma kien izekzek fuqu. Fuq il-passat tiegħu. Fuq min kien qabel. U min kien sar issa. Hekk ħadd ma kien ikun jaf kif minn raġel normali, wara li kienet telqitu l-mara, kien spiċċa bla dar, bla xogħol u bla ħajja. Hu u ruħu. Dak biss kien fadallu. Għalkemm il-ħmieġ kien idejqu fuqu, l-iżjed ħaġa li kienet tkissru, kien il-ġuħ li kien iħossu jqattgħu minn ġewwa ta' kuljum u kważi l-ħin kollu. Fil-bidu li kien spiċċa f 'din is- sura, kien imur jagħmel xogħlu f 'latrina fi triq parallela ma' din u jmur jipprova jitlaħlaħ ftit hemm. Iżda issa ma kienx għadu importanti. Id-debolizza kienet ħakmitu ma' ġismu kollu u ma kinitx għadha tippermettilu jagħmel ċerti kapriċċi. Tbissem waħdu, kemxejn imnikket. Kapriċċi. Għalih hekk kienu saru. Kien iħoss l-umditaà tal-ġebel tal-bankina dieħla ma' ħaddejh hekk kif kien ikun mitluq mal- art bla saħħa, jipprova jdabbar xi bukkun. Jipprova juri lin-nies li kellu bżonn il-ftit muniti tagħhom ħalli forsi jkollu biżżejjed biex imur jixtri ħobża jew panina bi ftit perżut ġo fiha. Sidor tal-ħanut tal-kantuniera kien drah. U kultant, għalkemm ma kienx ikollu biżżejjed muniti, xorta waħda kien jagħtih ħobża. Imma kienet tkun minn tal- ġurnata ta' qabel. Jew ġieli anke ta' jumejn ilu. Flok jarmihom, kien jagħtihom lilu. U dakinhar, għalkemm it- tazza li kien hemm quddiemu kienet għadha kemxejn vojta, Gejtu ma kienx jaf li dik il- propju ġurnata, kien ser isib xorti. Qatt ma kien stennieha. Qatt ma kien basar dak li kien se jiġri. Imma kultant fil-ħajja ma nkunux nafu dak li jkun hemm lest għalina. Forsi hekk il-ħajja tkun aktar eċitanti. Għax hekk kien suppost. U semagħha ġejja mill- bogħod. Fil-bidu, ma tantx ta kasha. Għax kien ikun hemm taħlita ta' ħsejjes ta' karozzi għaddejjin traxnati, nies jitkellmu bejniethom, ħsejjes ta' muturi, nies għaddejjin iħaffu, oħrajn bil-lajma… insomma geġwiġija ma taqta' qatt. Imma donnu dan il-ħoss ta' żarbun, kien jinstema' mill- bogħod. U kien donnu se jħalli effett fuqu. Donnu kien differenti mill- oħrajn. Aktar prominenti. Aktar mgħaġġel. Aktar stramb. Takkuna twila ta' żarbun iswed tal-ġilda propja, milbus f 'saqajn perfetti taħt dublett u ġlekk pariġġ, it-tnejn tad-ditta. Irtokk magħmul b'ħila kbira ma' wiċċ sabiħ, wiċċ perfett, u kappell eleganti biex jikkumplimenta dan id-dekor fin ta' mara distinta. Lanqas kien indenja ruħu jħares lejha. U dan il-ħoss ta' tektik kontinwu fuq il-bankina kiesħa tas-sument, li kien ġej mill- bogħod, donnu waqaf għal ftit. Iva, waqaf għal ftit quddiemu. Sema' leħinha jagħmel ħoss. Ma kienx jaf kinitx qiegħda tħares lejh bi ħniena jew hekk għax ma riedx iħares lejha. Imma xammha. Xamm il-fwieħa tagħha. Kemm kienet tfuħ! U mbagħad widnejh semgħu xi ħaġa taqa' fit-tazza li kellu quddiemu, li sa dak il-ħin kienet għadha kemxejn vojta. Għamlet ħoss qawwi għax kienet xi munita kbira. Forsi ta' xi żewġ ewro. U dak il-ħin, għolla ħarstu 'l fuq. Ma kienx għadu jara sew bħal qabel. Kien qed jara xi ftit imżelleġ. Iżda għajnejh bluni ltaqgħu ma' par għajnejn ħodor li kienu qegħdin jifluh sew. Inħasad. Ma riedx li tarah sew. Ma kien ikun irid lil ħadd jagħrfu. U kien jaf… kien jaf li fir-raħal, ħadd minnhom ma kellu lewn għajnejh. U ma kienx ikun irid li jagħrfuh. U dak il-ħin, hekk kif heżżeż snienu ma' xulxin, ħass ilsienu niexef ġo ħalqu bl-għatx li kien ħakmu wara ġurnata xemx tiżreġ, sema' l-passi tat-takkuna ta' din il-mara jkomplu sejrin minn ħdejh. Għal mument, ħa nifs twil u ttawwal fit-tazza. U nħasad. Il-ħoss ta' takkuna ma kienx għadu jinstema'. F'ħin bla waqt, kienet hemm quddiemu mill-ġdid, tħares lejh minn taħt il-kappell. Qalbu għamlet tikk. Tgħid kienet għarfitu? "Sinjur..." semagħha tgħidlu. Bla ma ried, ħares lejha, għajnejh iduru minn ġo wiċċ mimli leħja twila. Resqet lejh u ħarset lejh sew. "Sinjur," qaltlu tersaq qribu. "Ejja miegħi." "Fejn?" staqsieha b'leħen maħnuq. "Ejja miegħi." "Le." "Iva. Ninsisti." "Fejn?" "Fejn suppost." Mingħajr ma induna x'kien qed jiġri, din il-mara kienet qiegħda kokka quddiemu, tiflih. Idejha qabdu tiegħu bil-mod u għal mument inħasad. Kien ilu ħafna ma jkollu kuntatt man- nies. F'ħin bla waqt ġibditu b'ġentilezza kbira 'l fuq. Kienet qiegħda titbissimlu. "Xi trid?" staqsieha jipprova jinstema' ftit goff. "Xejn. Imma trid tiġi miegħi." Idha kienet għadha f 'idu, hekk kif telqet timxi u hu kien sejjer warajha mingħajr ma nduna kif u għaliex kien qed jiġri hekk. Għal dak il-mument ħass li din il-mara kienet se tieħdu xi mkien importanti u t-tazza bil-ftit muniti li kien qala' dik il-ġurnata ma dehritx aktar importanti. U ħaditu quddiem ristorant familjari. Qalbu għamlet tikk. Reġa' lura lejn il-passat tiegħu u l-memorji reġgħu ġġeddu mingħajr ma kellu kontroll fuqhom. Dak ir-ristorant lussuż fejn kien jaħdem hu stess qabel ma kien tilef ix-xogħol. Din il-mara daħlitu fir- ristorant u baqgħet sejra bih lejn l-aħjar mejda. Għajnejn kull min kien fir- ristorant waqgħu fuqhom. Raġel maħmuġ pesta, akkumpanjat ma' mara sabiħa u eleganti. Dawn x'kienu qegħdin jagħmlu hawn flimkien? Il-mara ħarġitlu siġġu minn mal-mejda u hu baqa' hemm bilwieqfa jħares lejha. "X'għandkom bżonn?" staqsa l-ikbar wieħed fost il-ħaddiema lil din il-mara. "Jien il-maniġer." "Irridkom tagħtu bukkun lil dan is-sinjur," qaltlu dik. Għal mument kollha ċċassaw lejh. "Ma tarax," weġibha dak. "Ma nistgħux tafx. Dak mhux postu hawn!" "Qed ngħidilkom, irridkom tagħmlulu jiekol." "Imma..." "Imma xejn. Agħmlulu jiekol!" qaltilhom dik. Kien qed iħossu umiljat. Għal mument, hu ħassu jrid joħroġ jiġri 'l barra. Kien ilu jgħaddi minn quddiem dan ir-ristorant. Ġieli kien jitlobhom xi bukkun. Iżda dejjem kienu jkeċċuh. "Ma nistax sinjura. Jekk tkun taf ta' fuqi, nitkeċċa mix- xogħol!" qalilha jħares lejha bl-ikrah. "Jien qiegħda ninsisti!" bdiet kważi tgħajjat. "Jiddispjaċini! Allaħares tkun taf is-sinjura Decelis! Dik ta' fuqi! Tkeċċini żgur!" kważi beda jokrob. "Is-sinjura Decelis tifhem li din is-sitwazzjoni… " "Le," indaħal wejter minnhom. "Ma nistgħux. Nitkeċċew żgur. Il-klijenti ma jiħdux pjaċir..." "Fejn hi s-sinjura Decelis?" staqsiethom dik il-mara. Issa kien beda jirtogħod bil-biża'. Kienu qed jiġġieldu minħabba fih. "Qatt ma tkun hawn...imma nista' nċempel lil ta' fuqi u jkellimha hu..." qalilha dak b'arja awtorevoli. "Mela ċempillu u staqsih," weġbitu. Il-maniġer mar ġab il-mobajl u beda jiddajlja n-numru. Ara x'kien qed jiġri! Dan kollu minħabba bukkun! F'dak il-mument, kien ser jitlaq 'il barra. U eżatt dak il-ħin, daħal raġel liebes qmis skura. "Ara, eżatt ġejt!" qallu l-maniġer. "Kont qed inċempillek!" U waqaf bilwieqfa jiċċassa. L-ewwel lejn il-maniġer, imbagħad lejn il-mara eleganti akkumpanjata minn dak ir-raġel tat-triq. "Ħellow..." qalilha dak, jaqbdilha idha u jbushielha. "Sinjura Deċelis! X'fettillek ġejt hawn?" Il-maniġer tbellah. "Sinjura… int?" staqsieha, jaqta' l-linja. "Int qatt ma tiġi hawn… skużani. Aħfirli. Ma kontx naf. Ma kontx naf li int!" "Iva jien. Qatt ma niġi għax inkun impenjata," weġbitu. "X'fettillek?" staqsieha l-maniġer. "Dan ir-raġel..." ħarset lejhom kollha, imbagħad lejn Alfons, imbagħad reġgħet lejhom. "Għamel ħafna miegħi." "Min hu?" staqsewha kollha flimkien. "Kont għadni tfajla, ma kellix flus. Ma kelli lil ħadd. Ma kellix xogħol. Ma kelli lil ħadd. Kont inkun bil-ġuħ. U hu… hu kien jaħdem hawn," qabditlu jdejh u ħarset lejh. Id-dmugħ beda nieżel minn ma' ħaddejha. "Kien hu… kien jagħtini bukkun." illum | Il-Ħadd 23 ta' Settembru 2018 20 Rakkont Sharon Calleja Bukkun

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 23 September 2018