Illum previous editions

ILLUM 28 October 2018

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1044431

Contents of this Issue

Navigation

Page 8 of 31

9 Aħbarijiet Il-Ħadd 28 ta' Ottubru 2018 | illum Ikkonfermata l-istorja tal-ILLUM; l-iskola tal-Mellieħa terġa' bla spazju Il-Ministeru għall-Edukazzjoni jikkonferma li kellhom jiżdiedu sitt klassijiet oħra fi l-Mellieħa Sports Complex għax l-iskola primarja tal-Mellieħa reġgħet bla spazju ILMINISTERU għall- Edukazzjoni kkonferma dak li ilha tirrapporta l-gazzetta ILLUM, jiġifieri li għal darb'oħra l-iskola primarja tal-Mellieħa reġgħet spiċċat bla spazju, tant li kellhom jiżdiedu aktar klassijiet fil-'Mellieħa Sports Club.' Kelliema għall-Ministeru kkonfermat mal-ILLUM li hekk kif bdiet is-sena skolastika l-ġdida, kellhom jiżdiedu sitt klassijiet oħra fil-'Mellieħa Sports Club' u dan meta fl-4 ta' Ġunju li għadda, il-Ministeru wieġeb li 80 student, imqassma f 'seba' klassijiet, kienu diġà qed jirċievu l-lezzjonijiet fil-'Mellieħa Sports Club'. Dan ifisser li tul din is-sena skolastika, il-Mellieħa Sports Club, li jinsab ftit passi 'l bogħod mill-iskola qed jilqa' fih 13-il klassi. Il-kelliema qalet li l-intenzjoni hija li f 'dawn il-klassijiet li żdiedu jidħlu l-istudenti tal-'kinder 2.' Sas-sena skolastika li għaddiet, l-iskola, li hija parti mill-Kulleġġ Marija Reġina, kienet qed tilqa' fiha 620 student. Il-Kelliema għall-Ministeru spjegat li meta wieħed jikkunsidra kemm telqu studenti u kemm daħlu, il-bilanċ huwa ta' 15-il student. Madanakollu hemm 19 oħra miktuba għal Frar 2019, jiġifieri għall-kindergarten u jaf ikun hemm oħrajn li japplikaw sa dakinhar. Sa issa għadu mhux magħruf meta se jkun qed jibda l-bini tal-estensjoni għalkemm preżentament l-applikazzjoni (PA2255/18) qed tiġi pproċessata mill-Awtorità tal-Ippjanar u qed tistenna r-rakkomandazzjoni. Din l-estensjoni se tkun qed tinbena fuq medda art li tinsab kantuniera ma' Triq Napuljun Caruana Dingli u Triq il-Mitħna l-Ġdida. Il-pressjoni ta' nuqqas ta' spazju f 'din l-iskola ilu jinħass mhux ħażin hekk kif lura fl-2016, il-Kumitat tal-Kontijiet Dwar l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika kien approva emenda mressqa mill-Gvern bl-għan li l-Mellieħa Sports Club ikun jista' jintuża bħala estensjoni ta' din l-iskola. Fl-istess seduta li saret fit-13 ta' Jannar, il-Ministru għall- Edukazzjoni Evarist Bartolo kien spjega li minkejja li kien hemm indikazzjonijiet li l-iskejjel qed jitbattlu u allura se jinħolqu spazji ġodda (tant li fi żmien amministrazzjoni Nazzjonalista kienet saret lista ta' skejjel li se jkunu għall-bejgħ) is-sitwazzjoni nbidlet. Fost oħrajn, il-Ministru Bartolo kien tkellem dwar il-fatt li l-popolazzjoni fl-iskola tal-Mellieħa kulma jmur qed tiżdied anke minħabba "influss qawwi ta' nies li qed jiġu pajjiżna bil-familji li jkunu jinkludu tfal fl-età tal-iskola." Skont il-minuti tal-Kumitat, il-Gvern qed iħallas €18,240 biex juża l-faċilitajiet tal-Mellieħa Sports Club. Mhux magħruf jekk din iċ-ċifra kinitx riveduta aktar ma żdiedu l-klassijiet. ycioffi@mediatoday.com.mt Yendrick Cio 'Lesti nħallsu biex jiżdied il-parkeġġ u tinbena mina sa Triq Borġ Olivier' Is-Sindku tal-Mellieħa, John Buttigieg, qal mal-ILLUM li l-Kunsill Lokali qiegħed iħares b'mod pożittiv u qed jappoġġja l-estensjoni tal- iskola tal-Mellieħa aktar u aktar fid-dawl tal-fatt li l-popolazzjoni tal-Mellieħa qiegħda dejjem tiżdied. Iżda, il-Kunsill Lokali qiegħed jipproponi li l-parkeġġ ta' żewġ sulari, li skont il-pjanti qed ikun propost li jinbena taħt l-iskola, jiżdied b'żewġ sulari oħra. Qed jipproponi wkoll li tinbena mina pedonali li tgħaqqad il-parkeġġ ma' Triq Ġorġ Borg Olivier. Is-Sindku spjega li b'hekk l-estensjoni tkun qed tindirizza wkoll il-problema tal-parkeġġ biex mhux biss taqdi lir-residenti iżda anke lis-sidien tal-ħwienet u l-klijenti tagħhom. Saħaq li l-Kunsill Lokali fil-fatt lest li juża fondi tal-Awtorità tal-Ippjanar (Urban Improvement Fund) biex jiffinanzja ż-żewġ sulari u anke l-mina li qed jipproponi. John Buttigieg kompla jgħid li dwar din il- proposta, il-Kunsill Lokali diġà tkellem mal- Ministru Evarist Bartolo li deher pożittiv dwarha u matul din il-ġimgħa se jkun qed jiltaqa' wkoll mal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada. Il- Kunsill kellu wkoll diskussjonijiet mal-GRTU li fi kliemu qed tappoġġja l-proposta tal-Kunsill. 'Ħasra li ntilfu ħames snin u kompla jonqos l-ispazju' Id-Deputat Nazzjonalista Mellieħi, Robert Cutajar saħaq li minkejja l-impressjoni artistika li l-Gvern kien ta permezz tal-billboards, fl-aħħar xhur kellu jbiddel il-pjanijiet għax fi kliemu "l-ewwel pjanti sottomessi kienu ser iservu biss għal pjan bla viżjoni." Huwa saħaq li kellu kuntatt mal-Ministru Bartolo u anke laqgħa mal-FES li matulhom ġibed l-attenzjoni dwar il-fatt li l-popolazzjoni qed tiżdied u li għalhekk kellhom jinbidlu l-pjanti. Cutajar laqa' l-fatt li l-pjanti l-ġodda juru żieda ta' 25 klassi. "Ħasra li ntilfu ħames snin mill-bidu ta' dan il-proġett biex ir-realtà llum hija li nħolqot problema ta' nuqqas ta' spazju għall-istudenti li qed jattendu preżentament u dawk li ser jidħlu fi Frar illi ġej. Sal-lum għad mhemmx indikazzjoni meta din l-estensjoni ser tibda u titlesta," kompla Cutajar. Kompla jgħid li anke hu kien talab li jiżdied il- parkeġġ filwaqt li talab ukoll li jkun massimizzat l-ispazju li hemm "moħli" fuq il-parti ta' wara tal-iskola u anke taħt is-sala ewlenija, liema spazju jkun jista' jintuża mhux biss mill- istudenti imma anke mill-komunitajiet tal- Mellieħa u l-Manikata. 'L-estensjoni se tkun qed taħseb għas-snin li ġejjin' Id-Deputat tal-Gvern Clayton Bartolo, li huwa wkoll mill-Mellieħa, saħaq li l-estensjoni se tkun qed taħseb f 'iżjed minn 300 student u studenta u għalhekk insista li se tkun qed taħseb mhux biss għal-lum imma anke għas-snin li ġejjin. Bartolo fakkar li din l-istess estensjoni se tkun tinkludi wkoll 'child care centre' u anke faċilitajiet għall-komunità apparti li tħejja post għal enerġija rinovabbli. Faħħar ukoll il-proposta tal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa biex jiżdied l-ispazju tal- parkeġġ u tinbena mina ma' Triq Ġorġ Borg Olivier. "Jiena dejjem emmint li wieħed ma jistax jaqta' l-parkeġġ minn din it-triq mingħajr ma joffri alternattiva tajba, u dan il-pjan tal- Kunsill jidher li se jgħin biex tiġi indirizzata din il-problema," kompla Bartolo. "Hemm diversi miżuri oħra li wieħed għandu jieħu, però dak huwa suġġett għal diskussjoni oħra." Bartolo rrikonoxxa li dan il-proġett se jieħu diversi xhur biex jitlesta u għalhekk appella biex xogħol ta' tqattigħ u skavar isir matul ix-xhur tas-sajf biex ma jtellfux lit-tfal waqt il-lezzjonijiet. L-iskola tal-Mellieħa, l-art għall-estensjoni u l-Mellieħa Sports Club

Articles in this issue

Links on this page

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 28 October 2018