Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1082988
9 Il-Ħadd 17 ta' Frar 2019 | illum l-każijiet ta' minuri li jibagħtu tagħhom lil xulxin' jagħmlu ftit tal-ħoss mhux ħażin fuq il-midja, l-Ispettur saħaq li mhumiex każijiet daqshekk komuni. Madanakollu, innota li dawn il-każijiet mhumiex marbuta biss maż-żgħażagħ hekk kif iltaqgħu wkoll ma' każijiet ta' adulti, li kienu ilhom snin miżżewġa u xerrdu filmati jew ritratti intimi tal-eks sieħeb jew sieħba tagħhom meta sseparaw jew iddivorzjaw. "Ikollna wkoll nisa u rġiel li jheddu lil xulxin b'ritratti jew filmati simili," saħaq l-Ispettur u kien għalhekk li mill-ġdid appella biex wieħed jifhem li ġaladarba qed jibgħat imqar ritratt wieħed, tilef il-kontroll tiegħu. "Dan biex ma nsemmux l-aspett legali. Ġaladarba għandek filmat, il-provi huma sfaċċati," qalilna l-Ispettur. L-istess bħall-każijiet tal-minuri, anke jekk żewġ persuni adulti qed ixerrdu filmati jew ritratti intimi tagħhom, dak huwa reat kriminali għax il-persuna tkun qed ixxerred materjal pornografiku. 'Ġieli tellajna l-Qorti 52 persuna li xerrdu filmat wieħed' Staqsejna lill-Ispettur Busuttil jekk ġaladarba kull min ixerred ritratt jew filmat pornografiku jkun qiegħed jikser il-liġi, ifissirx li jkellmu jew iressqu l-Qorti kull persuna li tkun għaddiet dan il-materjal. "L-aktar li qbadna kienu 52 ruħ li xerrdu filmat wieħed. Tibda minn każ wieħed u dejjem tiftaħ u ssib in-nies," wieġeb l-Ispettur, anke jekk saħaq li qatt ma jistgħu jkunu ċerti li qabdu l-persuni kollha. Allura f 'dawn il-każi, il-Pulizija tkellem lil kull persuna? "Inkellmu kull persuna, nieħdu stqarrija lil kull persuna u ntellgħuhom kollha. Dan il-każ partikolari ta' 52 ruħ ħadilna sena sħiħa," kompla jispjega Busuttil. "Sena wara, kien hemm każ ieħor li fih kienu tressqu madwar 30 persuna li xerrdu materjal wieħed." Il-pornografija estrema: illegali anke jekk aċċessata fil-privat Iżda mal-Ispettur Joseph Busuttil tkellimna wkoll dwar reat ieħor marbut mal- pornografija u li forsi dwaru ftit li xejn hawn għarfien. L-ewwel u qabel kollox irridu nifhmu li persuna li taċċessa materjal pornografiku fil-privatezza tad-dar tagħha, ma tkun qed tagħmel xejn kontra l-liġi. Diġà stabbilixxejna li dan isir reat, jekk il-persuna taċċessa pornografija tat- tfal, iżda huwa llegali wkoll li wieħed jaċċessa materjal ta' pornografija estrema. B'pornografija estrema, qed nifhmu filmati jew ritratti ta' stupru, atti sesswali li jistgħu jwasslu biex persuna tweġġa' serjament, bestjalità u atti oħra. Anke jekk ma tantx huma każijiet komuni, l-Ispettur Joseph Busuttil qal li liġi hija ċara u tonda. Anke jekk persuna taċċessa biss din it-tip ta' pornografija, mingħajr ma tniżżel, jew inkella xxerred, tista' teħel sa massimu ta' tliet snin ħabs u multa ta' €6,000. Iżda l-Pulizija kif issir taf li persuna f 'dar aċċessat pornografija illegali? Iżda ġaladarba persuna tinsab fil-privatezza ta' dar tagħha u qed taċċessa pornografija estrema jew inkella pornografija tat- tfal, il-Pulizija kif tista' ssir taf? Bilfors irid ikollha informazzjoni minn terzi persuni? "Diffiċli iżda mhux impossibbli," saħaq l-Ispettur Busuttil waqt li spjega li jaħdmu id f 'id ma' entitajiet internazzjonali, anke għax dawn huma reati online u għalhekk jista' jkun li jinqabdu minn awtoritajiet ta' pajjiżi oħra. "Ġieli nirċievu IP address minn awtoritajiet barranin. Aħna naraw ta' min hu, insibu l-apparat u dan jiġi investigat," qal Busuttil. Ta eżempju ta' persuna li minn Malta qed tibgħat pornografija tat-tfal xi mkien fl-Istati Uniti jew inkella viċi-versa. Għalhekk l-awtoritajiet taż-żewġ pajjiżi jinfurmaw lil xulxin dwar dak li jkun għaddej. Jista' jkun ukoll, kompla jispjega l-Ispettur, li pajjiżi barranin jaqbdu servers marbutin ma' siti magħrufin ma' min isegwi pornografija tat-tfal. "Dawn is-siti, biex insejħulhom hekk, ma tkunx tista' taċċessahom mill- internet normali li għandek id-dar, iżda jekk ikollok ċertu programmi tkun tista' tidħol f 'dawn is-siti," kompla l-Ispettur. Li jiġri huwa li l-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat ikollu lista ta' min ikun aċċessa dan is-sit partikolari u jgħaddi l-IP addresses lill-awtoritajiet ta' dawk il-pajjiżi minn fejn ikun ġie aċċessat is-sit. Kien hawn li semma każ partikolari li seħħ is-sena li għaddiet fejn il-Pulizija Maltija ressqet sebgħa l-Qorti, akkużati b'reati marbuta ma' pornografija tat-tfal. Il-Pulizija Maltija kienet irċeviet informazzjoni mill-Interpol li kienet għadha kemm qabdet diversi persuni minn madwar id-dinja li aċċessaw, ipproduċew jew xerrdu pornografija tat-tfal. Dan il-każ partikolari kien xi ftit disturbanti, hekk kif fost oħrajn, wieħed mill- akkużati kellu ritratti ta' tarbija qed tiġi stuprata. Iżda, apparti dan, il- Pulizija Maltija għandha wkoll software biex tiċċekkja minn jeddha għal dawn ir- reati. "Mhux kollox jinqabad iżda ġieli qbadna nies permezz tiegħu." Logħob online: raġel jistieden tifel Malti għal cybersex Waħda mid-diffikultajiet li jiffaċjaw il-Pulizija hija l-fatt li t-teknoloġija kontinwament tinbidel. Biżżejjed wieħed isemmi l-apps ta' komunikazzjoni li dejjem ifaqqsu u jiżviluppaw. Fil-fatt, l-Ispettur Busuttil spjega kif ir-reati marbuta mal-pornografija żdiedu mhux biss għax żdiedu l-Pulizija f 'din l-iskwadra, iżda anke għax it-teknoloġija dejjem qed tiżviluppa u għalhekk dejjem qed isir aktar faċli biex wieħed jaċċessa materjal pornografiku jew inkella jxerred. Kien għalhekk li insista li l-Pulizija trid iżżomm ruħha dejjem aġġornata u kontinwament jirċievu taħriġ fuq dawn it- teknoloġiji li jkunu qed jiżviluppaw. Fost dawn semma wkoll każijiet ta' persuni li jkunu qed jilagħbu logħba online flimkien u xi ħadd minnhom jistieden lill-ieħor biex jitkellmu fuq skype biex jagħmlu dak magħruf bħala cybersex. Semma każ partikolari ta' Malti li kien qed jilgħab online ma' minuri Malti u stiednu biex jagħmlu cybersex. Dan kien inqabad u weħel ħames snin ħabs. Mistoqsi jekk għandhomx biżżejjed riżorsi biex ilaħħqu mal-każijiet, l-Ispettur Busuttil qal li meta daħal f 'din l-iskwadra kien hemm żewġ spetturi. Illum qegħdin erbgħa u kull spettur għandu t-tim tiegħu. "Ovvjament aktar ma jkollok aktar se taqbad każijiet. Fejn imbagħad bit-teknoloġija ma naslux aħna nitolbu assistenza oħra, kemm tal-Qorti, permezz ta' inkjesta Maġisterjali u anke l-għajnuna ta' taqsimiet oħra tal-Pulizija," temm jgħid l-Ispettur. "L-imporanti li aħna dejjem nirċievu taħriġ u nkunu aġġornati dwar l-aħħar teknoloġija." 'Ġaladarba bgħatt ritratt, tlift il-kontroll tiegħu'