Illum previous editions

Illum 17.02.19

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1082988

Contents of this Issue

Navigation

Page 17 of 31

illum | Il-Ħadd 17 ta' Frar 2019 18 Opinjoni D in il-ġimgħa kellna aħbar illi forsi ftit kien hawn fostna minn ta kasha: il-kumpanija Ewropea li tibni l-ajruplani, l-Airbus ħabret illi fl-2021 ser twaqqaf il-produzzjoni tas-superjumbo tagħha, l-akbar ajruplan ċivili illi jtir fid-dinja, l-Airbus A380, ajruplan li kapaċi jġorr sa 800 passiġġier. Minkejja illi dan l-ajruplan huwa suċċess teknoloġiku, huwa falliment kummerċjali għaliex barra l-Emirates illi hija l-akbar xerrej ta' dan l-ajruplan, ftit huma dawk il-linji illi investew fih. Fl-ewwel lok, huwa ajruplan li jiswa ħafna flus. U fit-tieni lok, huwa ajruplan illi ftit jagħti lill-kumpaniji flessibilità meħtieġa sabiex jilqgħu għall- varjazzjonijiet fid-domanda tal-passiġġieri. Jekk ma jkollokx domanda kbira fuq rotta speċifika, l-ajruplan ser itir b'ħafna vojt. Għandna każ ieħor bħall- Concorde fejn is-suċċess teknoloġiku ma jwittix it-triq għal suċċess kummerċjali. U bħall-Concorde eventwalment ser jispiċċa jiġi rtirat mis-servizz meta l-ajruplani eżistenti ma jibqgħux aktar jistgħu jtiru. Storja ta' dieqa meta wieħed iqis l-investiment enormi li sar f 'dan l-ajruplan, il-biljuni li ntefqu sabiex jitkisser il-monopolju tal-Boeing illi ilha tiddomina s-settur tal-ajruplani għal distanzi twal bil-Jumbo tagħha. L-Airbus lagħbet karta illi ż-żieda proġettata fit-trasport bl-ajru u l-iskarsezza ta' "landing slots" f 'ajruporti konġestati bħal Heathrow jew JFK kienu ser iġiegħlu lill-kumpaniji tal-ajru illi jimmassimizzaw il-possibilitajiet tagħhom billi jinvestu f 'ajruplani akbar u li jġorru aktar nies. U l-A380 hu ajruplan tassew spazjuż illi jassigura lill-passiġġieri kumdità kbira, anke fil-klassi ekonomika. Imma l-Airbus ma bassrietx ħafna żviluppi oħra fil-qasam tal-avjazzjoni: ma bassrietx illi l-kumpaniji low-cost sejrin jisfruttaw bil- kbir bosta ajruposti reġjonali bir-riżultat illi llum jekk wieħed irid imur Venezja jew Verona, jaqbillu imur direttament Treviso minflok ma jmur Ruma u jieħu ajruplan ieħor għal xi waħda minn dawn il-bliet. Ma bassrietx illi ajruporti bħal Istanbul, Dubai u Doha ser jibdew iħabtuha ma' Heathrow jew Schiphol jew Frankfurt għall-volum ta' passiġġieri, u l-anqas bassret illi t-teknoloġija ser tippermetti l-iżvilupp ta' ajruplani ġodda li għalkemm iżgħar, jistgħu jtiru l-istess distanza bħall-A380 u l-Jumbo 747 imma bi spiża marġinalment ogħla għal kull passiġġier għal kull mil li jkun tar. Il-kumpaniji tal-ajru sabu illi kien jaqblilhom itajru ajruplani iżgħar bħalma huma l-Boeing 777 u l-Airbus A350 u A 330 li jesgħu anqas passiġġieri, jiswew ftit aktar biex itiru imma m'hemmx għalfejn timla mijiet kbar ta' siġġijiet biex l-operat ikun vijabbli. U b'hekk meta l-Emirates ħabret illi ser iċċekken l-ordni tal-A380 u minflok ser tmur għal aktar ajruplani A350 u A 330, id- destin tal-A380 ġie ssiġġillat u wasalna għall-aħbar li kellna din il-ġimgħa Dan kollu juri illi minkejja l-aqwa intenzjonijiet tal-aqwa mħuħ, l-affarijiet mhux dejjem imorru kif ippjanati. Fl-istorja tan-negozju, is-saga tal-A380 probabilment ser tkun imniżżla ma' dawk il-ħafna każijiet ta' investimenti diżastrużi fejn l-eżitu kien ferm anqas minn dak mistenni. Mhux kulma wieħed jipprova jagħmel ser jirnexxi u dana minkejja l-aħjar intenzjonijiet ta' dawk involuti. Dan ma jfissirx illi m'hemmx lok għall-ippjanar, illi wieħed jista' jgħaddi mingħajr ma jara x'ser ikunu l-konsegwenzi tal- azzjonijiet tiegħu. Ċertament illi l-ippjanar mhux dejjem ser jipprevedi dak illi ser jiġri u wieħed mhux ser ikun garantit suċċess għaliex jippjana. Imma jekk wieħed ma jippjanax 'il quddiem, il-konsegwenzi jistgħu jkunu ferm aktar serji. Jekk wieħed iħares lejn il- qagħda ta' pajjiżna llum u jħares lejn il-figuri ekonomiċi, wieħed jista' jgħid illi l-ekonomija sejra tajba u m'għandniex fuqiex ninkwetaw. Imma wieħed ikun tassew baħnan jekk jaħseb illi nistgħu nistrieħu fuq il-qagħda preżenti u ma ninkwetawx fuq il-ġejjieni. L-aħħar Gvern ta' Gonzi kellu jaffaċja l-agħar kriżi finanzjarja u ekonomika mis-snin tletin 'l hawn. Il-pajjiż irnexxielu jevita l-agħar konsegwenzi tagħha u dan minħabba s-saħħa u l-għaqal tagħna. Ċertament li aħna pajjiż żgħir imma ma għandniex nissottovalutaw il-kapaċitajiet tal-mexxejja u l-amministraturi tagħna, ikun min ikun fil-gvern. Madankollu, it-tentazzjoni hi illi meta l-pajjiż ma jkollux jaffaċja xi kriżi, anqas tinħass il-ħtieġa ta' għaqal u ppjanar u l-kawtela tiġi mwarrba Meta fl-2013 tela' gvern Laburista wara 26 sena ta' tmexxija Nazzjonalista, sab pajjiż f 'qagħda ferm differenti minn kif ħallieh fl-1987. Biss biss sab pajjiż li kien sar membru tal- Unjoni Ewropea, adotta l-ewro u sar parti miż-żona Schengen. Il-Gvern Laburista għamel sew illi abbanduna l-ostilità li kellu fil-passat li nkunu parti tal-UE. Pajjiżna seta' jgawdi mill-fatt li aħna membri u l-investiment barrani żdied ferm. Il-klima ta' stabilità illi d-dħul tagħna fl-UE u fiż-żona ewro ġab kattar l-investiment barrani u kebbes il-mutur tal-ekonomija tagħna. Il-Gvern ta' Muscat qata' l-frott tal-għaqal tal-gvernijiet ta' qablu imma fl-istess ħin, reħa jdejh sabiex ikkattar il-ġdid. Dana hu partikolarment il-każ fil-qasam tal-bini fejn l-għoti mifrux ta' permessi pprovoka boom kbir f 'dan il-qasam. Imma tajjeb li wieħed isaqsi x'inhi l-viżjoni ekonomika tal-Gvern barra li jħalli l-pajjiż jinbena b'rata mgħaġġla? Fejn il-gvernijiet ta' qabel tefgħu s-sisien għas-settur finanzjarju u setturi speċifiċi tal-manifattura bħall-avjazzjoni u l-farmaċewtiċi, x'qed jagħmel il-Gvern tal-lum sabiex jassigura l-futur? Kif kulħadd jaf, il- qagħda ekonomika tevolvi: 50 sena ilu, il-qasam tat-tessuti kien qed jespandi b'rata mgħaġġla. Illum din l-industrija sparixxiet għalkollox għaliex il-prodott tagħna jiswa wisq ħdejn ta' pajjiżi oħra illi għadhom ferm lura fit-taraġ tal-iżvilupp. Għaldaqstant m'għandna l-ebda garanziji illi dak li sejjer sew illum ser jibqa' jrendi fil- futur. U hawnhekk fejn jeħtieġ illi l-Gvern ikun attent u jara illi pajjiżna jibqa' sejjer fit-triq it-tajba u ma jiġrilux bħalma ġralhom pajjiżi oħra li ma baqgħux mexjin f 'dik it-triq. M'għandniex għalfejn immorru wisq fil-bogħod u naraw il- qagħda preżenti tal-Italja u dak illi l-Greċja għaddiet minnu. Jekk il-Gvern jaħseb illi jista' jserraħ rasu fuq il-bejgħ tal- passaporti u l-ħruġ bla rażan tal- permessi tal-bini sabiex jassigura l-prosperità futura tal-pajjiż, ikun qed jgħarralu bl-ikrah. Tajjeb illi nsemmi illi żgur illi dan mhux il-każ meta tara l-isforzi tal-Gvern sabiex jisfrutta l-"blockchain technology" illi huwa settur b'potenzjal enormi għall-futur. Bħal kull qasam ieħor innovativ, ikun hemm ħafna ċarlatani illi jippruvaw jaqilgħu lira bi ftit inkwiet. U wieħed irid ikun kawt ma' min jinnegozja. Imma m'hemmx dubju illi dan hu settur ferm promettenti u għandu potenzjal qawwi li jkun mutur għat-tkabbir ekonomiku Anke jekk dak li wieħed qed jaħseb mhuwiex ser iseħħ, dan m'għandux jitqies bħala xi ħaġa negattiva għall-Gvern attwali. L-istorja tal-A380 turi illi l-bniedem jipproponi imma Alla (u forsi ċ-ċirkostanzi) jiddisponi. Imma wieħed iħoss illi l-Gvern mhux qed jagħti kas biżżejjed dawk is-setturi ż-żgħar li l-ħidma tagħhom hija vitali għat-tkabbir ekonomiku tal- pajjiż, dawk l-impriżi ż-żgħar illi jħaddmu ftit nies jew anke dawk illi jaħdmu għal rashom. Kulħadd jaf kemm saru diffiċli l-banek, anke biex jiftħu kont ġdid. Il-bankiera jwaħħlu fir- regolamenti Ewropej imma jiena għandi d-dubji tiegħi kemm din hija l-istampa sħiħa. Kif wieħed jispjega illi kumpanija illi tiftaħ hawn Malta ta' sidien Ewropej tispiċċa jkollha tiftaħ kont f 'bank f 'pajjiż ieħor għax il-banek Maltin ma jkunux iridu jmissuha? Huwa ċar illi hemm problemi serji fil-qasam bankarju illi l-Gvern mhux qed jindirizza. L-intrapriżi Maltin isibuha aktar diffiċli minn oħrajn f 'pajjiżi Ewropej ħalli jingħataw il-kreditu u jkollhom iħallsu aktar imgħax milli jħallsu l-kompetituri tagħhom fiż-żona ewro. Dan kollu hu ddokumentat minn bosta rapporti tal-Bank Ċentrali illi mid-dehra min qed imexxi mhux qed jagħti kashom. Xi snin ilu l-Ministru tal- Finanzi kien ikkummissjona rapport fuq din il-problema u wara li nidihom waqt diskors ta' baġit partikolari b'ħafna fanfarra, baqa' m'għamel xejn fuqhom. Suppost kellu jsir bank immexxi minn Josef Bonnici sabiex jgħin lill-intrapriżi u jagħti self illi l-banek kummerċjali jħossu illi m'għandhomx jagħtu minħabba kunsiderazzjonijiet kummerċjali. X'sar minnu dan il-bank għax donnu kollox baqa' fuq l-ixkaffa minkejja d-dikjarazzjonijiet kollha illi saru sa sena ilu? L-istess stat ta' inerzja tista' taraha fil-qasam tal-kontroll tal-abbużi tal-kompetizzjoni: wara sentenza tal-Qorti illi fl- opinjoni tiegħi hija dibattibli, il-pajjiż ilu bla awtorità illi tikkontrolla l-abbużi f 'dan il-qasam għal snin sħaħ. Tali abbużi huma ta' detriment għall-konsumatur u anke għall-intrapriżi kummerċjali u jaffetwaw il-progress ekonomiku. Għaldaqstant, dan il-limbu leġislattiv jeħtieġ illi jiġi indirizzat mingħajr aktar dewmien: tali awtorità mhijiex meħtieġa biss għaliex aħna membri tal-UE imma anke għaliex hu ta' ġid għall- ekonomija tagħna. Hija ħasra illi f 'dan il- pajjiż il-konflitt partiġġjan joħnoq diskussjoni fattwali u oġġettiva ta' dak li jeħtieġ il-pajjiż. Imma jiena nawgura illi tali diskussjoni sseħħ u l-pajjiż jippjana għall- futur u jadotta l-istrumenti meħtieġa sabiex jassigura li jkompli miexi fit-triq li qabad mill-Indipendenza 'l hawn. Jekk nistrieħu fuq il-qagħda attwali mingħajr ma naħsbu għall-futur, inkunu qegħdin inwettqu żball kbir illi nistgħu nispiċċaw jiddispjaċina bil- kbir għalih. ellisjoseph@gmail.com Jaqbel li nippjanaw? JOE ELLIS Il-pajjiż jeħtieġ jippjana għall-futur

Articles in this issue

Links on this page

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - Illum 17.02.19