Illum previous editions

ILLUM 10 March 2019

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1091266

Contents of this Issue

Navigation

Page 15 of 31

I nfrastruttura Malta hi insensittiva għal dak kollu li għandu x'jaqsam mal- ekoloġija. Ittrasformat trejqiet fil-widien u madwarhom f 'toroq wisgħin bl-użu ta' volumi kbar ta' konkos kif għamlet fil-Wied tal-Isqof u Wied is-Sewda. Dan ser ikollu impatt negattiv konsiderevoli fuq l-ambjent rurali, fuq il- komunitajiet rurali u fuq il-pajsaġġ. Dawn it-trejqiet li ġew ittrasformati f 'toroq, issa, inevitabbilment ser ikunu użati minn iktar traffiku: il-problemi tat-traffiku ser ikunu trasferiti miż-żoni urbani għall-kampanja. Il-widien huma parti integrali mill-eko-sistema tagħna, b'rikkezzi kbar ta' bijodiversità. In-natura, li timla kull rokna tal- kampanja tagħna hi taħt theddida kontinwa. Mhux Infrastruttura Malta biss hi responsabbli għal dan. L-eko-sistema taħdem f 'sinfonija kważi perfetta, b'rabta sħiħa bejn kull fjura u jew insett u l-bqija tal-madwar. L-ekoloġija ma żżidx biss mal-kuluri tal-pajsaġġ tagħna, imma hi l-bażi essenzjali tal-ħajja nnifisha. Permezz ta' diversi organiżmi li jistkennu fil-kampanja u l-widien in-natura tipprovdi servizzi essenzjali għall-agrikultura. In-natura mhix dekorazzjoni tajba biss għar- ritratti, videos jew pitturi. Mhix qiegħda hemm biex niggustawha. Sfortunatament qed ngħixu f 'dinja li ftit li xejn tagħti kas ta' dak kollu li m'għandux valur espress fi flus. Din hi r-raġuni ewlenija għan- nuqqas ta' ħafna li jifhmu u japprezzaw l-importanza tal-ekoloġija fil-ħajja ta' kuljum. Uħud ma għandhom l-ebda idea li aħna ma ngħixux f 'ekonomija imma niffurmaw parti integrali minn eko-sistema! Fil-passat saru diversi attentati biex tiġi kkoreġuta din l-attitudni permezz ta' studji li ppruvaw jikkwantifikaw il-valur ekonomiku tal-bijodiversità. Dan sar kemm fuq livell Ewropew kif ukoll minn pajjiżi individwali. Dawn l-istudji jesploraw u jippruvaw jikkwantifikaw kemm jiswa biex ikunu sostitwiti s-servizzi li n-natura tipprovdilna b'xejn għal erbgħa u għoxrin siegħa kuljum. L-ammont jitkejjel bil-biljuni. Hemm ħtieġa li nifhmu li l-bniedem huwa dipendenti fuq is-servizzi li n-natura tipprovdilna l-ħin kollu bla ebda ħlas. Dawn jinkludu l-ilma, il-ħamrija u l-arja nadifa li qed isofru attakk frontali kontinwu minn dak li nsejħulu żvilupp. Is-siġar qed jitqaċċtu biex jagħmlu l-wisgħa għall- kostruzzjoni bla rażan li għaddejja bħalissa. Dan jinkludi l-proġetti mhux meħtieġa ta' toroq li qed iseħħu f 'dan il-ħin. Is-siġar huma rigal li tagħtina n-natura. Jagħtuna l-ossiġnu li mingħajru ma niħdux nifs. Dan l-ossiġnu jipproduċuh billi jassorbu d-dijossidju tal-karbonju mill-atmosfera, u jżommu l-karbonju depożitat fiz-zokk u l-friegħi tas-siġra. B'dan il-mod is-siġar jagħtuna żewġ servizzi essenzjali bla ħlas: l-ossiġnu biex nieħdu n-nifs u depożitu naturali għall-karbonju. Dawn is- servizzi huma l-alternattivi naturali għat-teknoloġija magħrufa bħala "carbon capture technology" li tiswa l-miljuni. In-natura tipprovdilna alternattiva u aħna din ninjorawha. Huwa servizz bla ħlas u allura mhuwiex apprezzat. It-tibdil fil-klima huwa riżultat ta' diforestazzjoni fuq skala kbira, akkumulata tul is- snin. Aħna niddependu fuq in-natura ferm iktar milli niddependu fuq l-ekonomija. Imma fil-waqt li ninkwetaw meta pajjiżna jiffaċċja żbilanċ finanzjarju, ħafna jinjoraw l-iżbilanċ ambjentali li qiegħed isir dejjem iktar agħar milli qatt kien. Li nindirizzaw dan l-iżbilanċ ambjentali huwa essenzjali qabel ma jkun tard wisq. Mhux kulħadd hu konxju li ħadd mhu ser jagħmlilna tajjeb għal dan l-iżbilanċ. Ma hemm l-ebda bale-out għal dan l-iżbilanċ! Għandna Ministru tal- Kabinett li hu responsabbli mill-Iżvilupp Sostenibbli. Sfortunatament, kif ngħidu, lanqas jaf x'laqtu! Bħala riżultat ta' dan hu ovvju li hawn nuqqas ta' strateġija ta' sostenibilità fis-settur pubbliku kollu. L-impatt ta' dan kollu jinħass fit-tul. Ma jidher li hemm l-ebda għaġla, għax in-natura m'għandhiex vot. Imma dawk minna li għandhom vot għandna responsabbiltà etika li naġixxu f 'isimha. Dak li tagħmel Alternattiva Demokratika. Carmel Cacopardo huwa Chairman tal-Alternattiva Demokratika illum | Il-Ħadd 10 ta' Marzu 2019 16 Norma McCorvey Norma McCorvey hija Amerikana li ħadmet ħafna favur il-jedd għall- abort, illum daret u saret attivista militanti favur il-ħajja. Dil-mara ta' 74 sena hija magħrufa bħala Jane Roe, psewdonomu li għandu rabta mas- sentenza tal-Qorti suprema Amerikana li fl-1973 fil- każ ta' Roe versus Wade annullat ir-restrizzjonijiet kollha kontra l-abort. Imwielda fl-istat ta' Louisiana l-għada tat-Tieni Gwerra Dinjija, Norma Mc Corvey kellha ħajja diffiċli u kienet attiva ħafna fil- qasam tal-liġijiet tan-nisa. Meta kellha 21 sena kienet diġà welldet żewġt itfal u tathom għall-adozzjoni meta ħarġet tqila bit-tielet wild. Sabet l-għajnuna tal- avukata Sarah Weddington biex tressaq il-każ tagħha favur l-abort quddiem il-Qorti Suprema, li ma tatx il-verdett tagħha jekk mhux wara snin ta' proċeduri. Min kien qed jgħinha biex tikseb il-jedd għall-abort qalilha biex toħroġ bil-pretensjoni li kienet oġġett ta' vjolazzjoni li wasslet għat-tielet tqala. Imbagħad dawk li ħeġġewha biex tivvinta din l-istorja abbandunawha. F'daqqa waħda, Norma iddeċidiet li twelled it- tielet tarbija tagħha u ma għamlitx abort. Fl-1995 kienet qed taħdem fi klinika tal-abort u kienet qed tgħix bħala koppja ma' mara oħra. Inzerta li f 'dak iż-żmien ġie joqgħod qrib tagħha r-reverendu Evanġeliku Flip Benham. Sar l-għadu qalil tagħha u daħal għall-Operation Reseue li biha beda jorganizza protesti quddiem iċ-ċentri tal-abort. Wara sena ta' ħidma kontra xulxin, Norma talbet lir-reverendu Flip biex jgħammidha u minnufih inbidlet f 'avukata tal-jedd għall- ħajja. Fl-1998, McCorvey saret Kattolika u bdiet titħabat kontra l-liġi li tippermetti l-abort u l-argument tagħha kontra l-abort kien wieħed – wieħed ma jistax jinjora l-konsegwenzi koroh li jġib miegħu kull abort! L-esperjenza ta' Georges Romey George Romey huwa psikoterapista Franċiż u għandu esperjenza ta' ħafna snin fil- qasam tal-ħidma kontra l-konsegwenzi tal-abort. Kiteb ktieb dwar it- tbatija li jġib miegħu l-abort, offrieh lil tmien pubblikaturi imma dawn kollha rrifjutaw li jippubblikawh. Fl-aħħar irnexxielu jippubblikah mid-ditta Quintessence. Jirrakkonta kif inġibdet l-attenzjoni tiegħu dwar l-effett ta' tbatija li jġib miegħu l-abort: Jum wieħed ġiet tarani waħda mara li kienet qed tbati mill-konsegwenzi tal- alkoħol. Tkellimna ħafna dwar ħajjitha u wasalna sa meta għalqet 19-il sena. Hawnhekk hi bdiet tolfoq bi vjolenza impressjonanti u b'sorpriża kbira għaliha waslet biex tistqarr għall- ewwel darba li f 'dak iż- żmien, 40 sena ilu, kienet għamlet abort f 'dik l-età. Din l-esperjenza fetħitli għajnejja: minkejja snin ta' prattika, qatt ma kont intbaħt bil-konsegwenzi qawwija li jħalli warajh l-abort. Għaliex? Għax in-nisa nfushom ma jkunux iridu jġeddu din it-tifkira u jippruvaw iġibu ġustifikazzjonijiet mentali u argumenti biex jiddefendu lilhom infushom imma ma jirnexxilhomx jinsew it- tbatija li jibqgħu jħossu. Iżjed minn nofs il- pazjenti tiegħi jammettu li kellhom esperjenza ta' abort. U meta jsemmu l-fetus , dejjem jgħidu: "Ħalluh jgħix". Jiena nħobb insemmi u niġbed l-attenzjoni fuq il-fatt li l-abort isir minn persunaġġ li tissejjaħ 'omm', fuq il-vokazzjoni materna li tolqot il- kundizzjoni femminili, minkejja kulma jgħidu l-femministi. "Hawn skiet perfett fuq it-tbatija intima li l-abort iħalli fuq min jgħamlu. Meta ġejt biex nitkellem fuqu sibt ħajt quddiemi. Ippreżentajt il-kitba tiegħi quddiem 8 pubblikaturi u t-tmienja rrifjutaw li jippubblikawha! Wieħed minnhom saħansitra qalli li das- suġġett huwa politikament mhux addattat. L-abort jolqot l-istint profond tal-umanità, il- mogħdija tal-ħajja. In-natura ma tinsa qatt dak li jsir kontriha! Dun Anġ Seychell huwa l-fundatur ta' Dar Nazareth fiż-Żejtun Opinjoni DUN ANG SEYCHELL Kienet attivista favur l-abort, daret favur il-ħajja In-natura m'għandhiex vot CARMEL CACOPARDO

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 10 March 2019