Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1091266
19 Il-Ħadd 10 ta' Marzu 2019 | illum Editorjal Editorjal ILLUM, MEDIATODAY LTD, VJAL IRRIĦAN, SAN ĠWANN SĠN 9016 Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075 Ittri u Kummenti, Imejl: illum@mediatoday.com.mt Lowell u l-implikazzjoni ta' vot lill-"viżjoni" tiegħu DIN il-ġimgħa tħabbret il-kandidtura ta' Noman Lowell għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u magħha kien hemm numru mhux żgħir ta' nies fuq il- midja soċjali u l-'comment boards' li ferħulu u wegħduh li se jagħtuh l-ewwel preferenza. Issa f 'dinja pluralista u f 'sistema demokratika kulħadd għandu dritt jemmen u jħaddan liema twemmin irid u aħna mhux se jkollna l-wiċċ ngħidu lil ħaddieħor x'għandu jaħseb, jemmen u kif għandu jivvota. Però tajjeb li nieqfu, naħsbu u nixtarru. Vera dan il-pajjiż qatt ma kellu u lanqas għandu pjan biex l-infrastruttura tiegħu tilqa' tant nies. Illum il-pajjiż sar "iffullat" aktar minn qatt qabel, anke jekk kif għidna ġimagħtejn ilu fuq dan l-editorjal il-barranin qed ikunu benefatturi kbar tal-ekonomija tagħna u pilastru ewlieni biex numru ta' setturi jibqgħu jaħdmu. Huwa vera wkoll illi llum pajjiżna jilqa' numru ta' nazzjonalitajiet differenti, ftit minnhom Musulmani. Is-soluzzjoni ta' Lowell iżda mhix li nikkontrollaw il-fruntieri jew li nkunu iebsin ma' dawk li qed jaħdmu jew saħansitra jgħixu hawn illegalment, kif wara kollox u sa ċerta punt qed isir bħalissa. Is-soluzzjoni ta' Lowell mhix il-'burden sharing' jew li l-flus u l-investiment u żgur mhijiex it-taħlit u l-multikulturaliżmu jew politika soċjali li tgħożż il-wens. Le, il-viżjoni ta' Lowell hija waħda ta' superjorità razzjali, fejn l-abjad iħossu u jkun superjuri u aktar potenti mill-iswed u allura jista' jgħajru, ikasbru, jiddemonizzah, jittrattah ta' skjav u jabbuża minnu. U f 'din il-viżjoni xejn ma jibqa' sagru. L-ebda dritt, lanqas tal-ħajja, għax is- soċjetà tkun mibnija fuq din l-utopja faxxista fejn ta' fuq huma kbar u ta' taħt, għax suwed jew għax Musulmani jew Buddisti jew Ċiniżi, huma meqjusin bħala ħmieġ u inferjuri. Il-filosofija ta' Lowell hekk kif imnaqqxa fil- kotba tiegħu u fil-'kredu' hija ta' inugwaljanza, "għax l-ugwaljanza mhix naturali". Jgħid li "soċjetà bbażata fuq l-ugwaljanza tistaġna u taqa', għax l-ugwaljanza hija kontra l-evoluzzjoni." Jinsisti li r-razza l-bajda hija aktar b'saħħitha u li r-razza s-sewda ma jixraqilha xejn jekk mhux tirannija u tmexxija tal- ħadid, jinsistu li l-Latin għandu jkun restawrat għall-glorja kollha tiegħu, isejjaħ lill-Iżrael 'pajjiż psikotiku', li Alla ma jeżistix u li xogħolna huwa li nippriservaw ir-razza l-bajda. "L-ugwaljanza hija mit, jekk nitħalltu mal-iswed, tkun il-mewt tagħna," isostni t-twemmin ta' Lowell li jkompli jgħid illi l-viżjoni tiegħu hija l-ħolqien ta' art li tkun tal-Ewropej biss u li kull min mhux ta' razza Ewropea, ikollu jkun ripatrijat, hux miżżewweġ, għandux familja, għandux negozju. M'hemmx ħniena, hawnhekk "Ewropej" biss. "Il-Kristjaneżmu huwa kontra l-ħajja," jemmen filwaqt li jisħaq illi għandha tinħoloq kasta (klassi) ta' reliġjon tal-elit għar-razza l-bajda li titmexxa minn nies b'super intellett. Irid ħolqien ta' aristokarzija ġdida u ta' min infakkru illi aristokrazija tfisser xi ħadd hemm fuq li jiddetta lil xi ħadd hemm isfel. U tajjeb li naraw u niftakru u forsi nixtarru aktar x'jaħseb dwar il- persuni omosesswali, dwar dirttijiet lil persuni LGBTIQ u dwar in-nisa u l-irwol tal-mara fis-soċjetà. Tajjeb nistaqsu dan u aktar. Għax filwaqt li fuq il-midja soċjali kien hemm bosta li kienu qed ifaħħru lil Lowell u jaħilfu li jtuh il-vot għax 'xebgħu mill- partiti l-kbar', vot lil Lowell huwa vot lil din il-viżjoni ta' kasta ġdida u soċjetà mibnija fuq il-firda u fejn il-kunċett tal-inugwaljanza mhuwiex sempliċiment stat ta' fatt, imma xi ħaġa li tkun iċċelebrata. Tajjeb niftakru li din il-viżjoni mhix inkwetata dwar l-"iffullar" daqs kemm hi inkwetata bit- "taħlit". Hija prattikament iċ-ċelebrazzjoni u l-elevazzjoni tar-razziżmu bħala n-norma. Tajjeb illi meta ngergru għax naraw iswed jew għax hemm il-ħalal fis- supermarket niftakru illi l-għażla estrema hija l-esklussività. Tajjeb li meta nipprotestaw kontra l-Gvern jew l-oppożizzjoni, nagħmlu dan b'għaqal. Tħallu lil ħadd iċanfarkom għax tridu tipprotestaw bil-vot, imma meta tagħmlu hekk oqogħdu attenti. Tobżoqx fl-arja għax jiġi f 'wiċċek! Editur: Albert Gauci Cunningham