Illum previous editions

ILLUM 10 March 2019

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1091266

Contents of this Issue

Navigation

Page 19 of 31

illum | Il-Ħadd 10 ta' Marzu 2019 20 Rakkont I l-viżta bdiet tiċċajpar. Ma bqajtx naraha sew. L-istampa. L-istampa tat- televixin. U f 'dak il-preċiż mument, il-kuluri bdew jintilfu f 'xulxin u bdejt inħossni nitbiegħed mir-realtà. Nitbiegħed mid-dinja. Ħassejtni mmur f 'dak il- post mudlam fejn ruħi tkun mistrieħa. Fejn ma kienx hemm ħsejjes. Skiet. Skiet biss. Ix-xejn. Il-baħħ. F'dak il-post kalm, fejn ma kontx inħoss uġigħ. U lanqas dwejjaq. Jew biża'... Le, le, stenna... sejra żbaljata. Uġigħ le. Dwejjaq lanqas. Imma biża'...biża' iva. Għax kont narah. Lilu. U għalkemm kont inkun naf li din kienet tkun biss ħolma, frott l-immaġinazzjoni fertili ta' tfajla fl-aqwa żmien ta' żgħożitha, xorta waħda. Xorta waħda kien ibeżżagħni. Din l-istorja kont ilni għaddejja minnha minn meta kont għadni daqsxejn ta' tifla. Meta kienu għadhom ħajjin il-ġenituri tiegħi, kont ngħidilhom. Kont ngħidilhom dwar din il- ħolma stramba li kienet baqgħet tippersegwitani tul ħajti kollha. Minn meta bdejt niftakar. Minn dejjem. Donnha kienet seħta li kienet twieldet miegħi. Din il-ħolma. U ħadd ma kien jifhimni. Fil-bidu kont nara għajnejn ommi jikbru u jiskantaw iħarsu lejja, kull darba li nsemmihielha. Donnha kienet taħsibni xi waħda mhux qiegħda sew għalkollox u forsi kelli bżonn il-kura. Kont ninduna. Kont ninduna li drabi oħra forsi ma kinitx temminni għalkollox. Jew tant kienet tiddejjaq tismagħni ngħidhielha, li kienet tibża' temminni. U tippreferi tinnega l-verità. Imbagħad kont naraha tpespes minn taħt lil missieri. U dak kien jibda jxengel rasu u jgħidilha b'leħen għoli biex ma tinkwetax, qisni jiena ma kontx inkun hemm fil- kamra. Meta kienu mietu f 'aċċident awtomobilistiku, ma kelli lil ħadd ma' min niftaħ qalbi. U tant kemm kont ħadtha bi kbira, għamilt żmien twil ma noħlom xejn. Nidħol fis-sodda, nibqa' b'għajnejja miftuħa, nisma' l-ħoss tan- nifs tiegħi stess jaħbat mal- kutra li kont inkun imgeddsa magħha u nħoss id-dlam isir parti minni. Lill-ħbieb li kelli kont niddejjaq ngħidilhom. Kont naħseb li jekk ngħidilhom dan is-sigriet li kien jakkumpanjani f 'bosta ljieli, kienu jaħsbuni xi waħda bl-iskorfini ta' moħħi mitlufin kollha u jaf jibdew jiskartawni. U kont naf li din ma kinitx xi ħolma komuni. Ma setgħetx tkun. Darba fost l-oħrajn, ftit wara li kont ħriġt mill- iskola sekondarja, kont mort inkellem waħda psikologa u din kienet għamlet lira tajba minn fuq dahri. U fejn konna bqajna. Kienet staqsietni xi domandi, għamilna xi testijiet u tatni xi kalmanti li qaltli kienu jraqqduni aktar fil-fond u ma kontx ser noħlom żgur. Iżda biex inkun għidt kollox, kont bżajt neħodhom. Bżajt li kienu ser jaffettwawli saħħti. U ħaġa tal-iskantament, dejjem bih kont noħlom. Raġel. Raġel twil. Liebes kollox iswed. Għajnejh ċari, blu... blu u kbar. Kważi sbieħ. U wiċċu qatt ma rajtu sew. Kien ikun liebes maskra. Dejjem bil-maskra kien ikun. U madwaru dejjem dlam. Oskurità. U għalkemm jiena kont kbirt, minn dik id-daqsxejn ta' tifla li kont qabel, dan ir-raġel baqa' dejjem tal-istess età. U ma kontx naf għalfejn kien ikun fil-ħolm tiegħi. Ta' spiss. Sikwit. Ġieli jħarisli bl-ikrah. Ġieli jitbissimli b'għajnejh minn taħt il-maskra. Ġieli jbeżbiżni b'ħarstu. Imma xi stajt nagħmel? Nidrah? Nibża' minnu? Nipprova nsaqsih għalfejn kien ikun hemm fil-ħolm tiegħi? Ma stajtx nifhem. U aktar ma bdejt nikber, dan il-fenomenu aktar beda jdejjaqni. Speċjalment meta kont inkun sejra norqod għand xi ħbieb. Kulħadd kien jgħidli li kont nibda nitkellem fil-ħolm, nokrob, nibki, insir għarqana xraba u ġieli kont inqum inwerżaq ukoll. U dan kollu minħabba fih. Raġel bil-maskra. Mingħajr isem. Mingħajr identità. U dakinhar filgħodu stess, kont għamilt il-kuraġġ u ftaħt qalbi mal-akbar ħabiba li kelli. "Imma, Margaret, dan ġieli jkellmek?" staqsietni kważi tixraq fil-bezzun li kienet qiegħda tomgħod fil-brejk tax-xogħol. Jiena u Lizzie konna ilna naħdmu flimkien għal dawn l-aħħar ħames snin u kont nafdaha sew. "Le, Liz...qatt. Narah miexi. Narah iħares lejja. Iċanfarni... donnu jrid xi ħaġa minni...u xejn. Xejn aktar." "U iva, mhux ħolma! Ma nafx għalfejn qed teħodha daqshekk bis-serjetà. Jaf is-subkonxju ta' moħħok... jirrepeti din l-istorja, dejjem l-istess. Xejn aktar." U ħassejtha sserraħli moħħi. Aktar jien, kont neħodha daqshekk bis-serjetà din l-imbierka ħolma! Forsi ma kienet tfisser xejn. Xejn għajr l-immaġinazzjoni ta' moħħi! U bdejt nidħaq. Mort id-dar u ma tajtx kas aktar. Ridt ngħix ħajti u mhux ser inħalli ħolma stramba, toqgħod tinkwetani għalxejn! U issa, hekk kif kont qiegħda quddiem it-televixin, ħassejt ġismi jitqal. U dik it-telqa ħelwa li kont inħoss taqbadni hekk kif tkun sejra għajni bija, ħassejtha tieħu kontroll fuqi. Bdejt nintelaq aktar fis-sufan artab li kien hemm taħti. U ftakart fi kliem Lizzie. Kważi tbissimt waħdi. Ma ridtx ninkwieta iżjed. Ir-raġel bil-maskra kien parti mill- frott ta' moħħi. U bdejt inħoss iż-żiffa ħelwa li kienet dieħla mit-twieqi kbar tas-salott, tmellisli ġbini. Il-ħsejjes tal-klieb jinbħu bdew jinstemgħu aktar fil- bogħod. Fil-bogħod. Sa xħin ma baqgħu jinstemgħu xejn. U rajtu. Rajtu hemm quddiemi. Inħsadt! Ftaħt għajnejja beraħ. Ħassejt wiċċi jagħli. Hekk, f 'tebqa t'għajn, kont ħassejtni ninqata' minn ġewwa. Ħoss. Ħoss ta' passi. In-naħa ta' barra tad-dar! Għal mument, bdejt nirtogħod, naħseb xi stajt nagħmel. Tgħid x'kien? Il-kurżità bdiet tegħlibni, hekk kif bqajt nisma' l-passi n-naħa ta' barra tad-dar, fil- ġnien t'hemm barra. Din kienet dar imwarrba. Ma kienx hawn nies oħra joqogħdu fil-madwar. Għelieqi u siġar. L-eqreb dar kienet xi mitt metru 'l bogħod. Ma setax kien hemm xi ġar hemm barra. Ħarist lejn il-purtieri bojod tat-twieqi, iperpru mar-riħ, jiżfnu sinfonija ħelwa bejniethom, jikxfu t-twieqi miftuħin beraħ li kelli u jerġgħu jgħattuhom minnufih. Qomt bilwieqfa. B'saqajja kważi jirtogħdu taħt ġismi, ersaqt ħafja lejn l-eqreb tieqa minnhom, inħoss it-tapit tal-art iwennisli subgħajja ta' saqajja. U ttawwalt. Inxift. Ksaħt. Bqajt hemm bilwieqfa qisni statwa nħares 'il barra. Għalkemm ma tantx kien hemm dawl hemm barra fil- ġnien, stajt nara dell jirrifletti mad-dawl fiddieni tal-qamar. U d-dell għadda jiġri minn wara siġra għal oħra. U rani. Ħassejtni nibbies u dehxa ta' bard telgħet minn naħa t'isfel għal fuq tax-xewka ta' dahri. Kien hu! Ir-raġel tal-maskra! Rajtu jħares lejja! Rajtu jarani! Waqaf hemm bilwieqfa, donnu jrid jgħidli xi ħaġa. "Margaret." Leħnu. Kien għajjatli b'ismi. Ippruvajt niftaħ ħalqi, iżda leħni ma sibtux. Qbadt idejja max-xifer tat-tieqa u ppruvajt inżomm miegħu għax saqajja ħassejthom jogħtru. Din kienet l-ewwel darba li kellimni! U qomt. Smajt ħoss. Qanpiena. Il-qanpiena tal-bieb. Qomt b'ġirja minn fuq is- sufan qisni waħda mitlufa minn moħħi! Inħsadt! Il-ħoss tal-qanpiena kien ħasadni! U indunajt. Ir-raġel tal-maskra kien fil- ħolma! Kont erġajt ħlomt bih. Xejn aktar! U dawwart ħarsti lejn is- salott. Il-purtieri kienu kalmi. Ma kienx hemm żiffa dieħla minn barra. Kollox kien kalm u f 'postu. Kienet ħolma. Xejn iżjed. U nfqajt nidħaq. Kemm jien belha hux! U l-qanpiena tal-bieb reġgħet daqqet. Iva, bilħaqq, kien ġie xi ħadd jarani! U kont ser ninsa! Irranġajt ftit xagħri kif stajt ħalli min kien jarani tajba. Imsaħt wiċċi mill-għaraq li kien diġà beda jġelben mal- ġnub ta' moħħi minħabba dik il-ħolma stramba. Ersaqt lejn il-bieb u ftaħt bil-mod. Ħadd. Ma rajt lil ħadd. Iġġennibt kemm kemm 'il barra ħalli nara jekk min kien ġie, kienx qata' qalbu u kien ser jitlaq. Iżda hemm barra ma kien hemm ħadd. Għal mument, kemmixt moħħi u kont ser nagħlaq il-bieb. Imbagħad rajtha. Ġismi qam xewk xewk. Inżilt kokka u ġbartha minn fuq l-għatba. Waqaft hemm inħares lejha u bdejt indawwarha f 'idi. Il-maskra. Sharon Calleja Raġel bil-maskra

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 10 March 2019