Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1101646
illum | Il-Ħadd 7 ta' April 2019 18 Opinjoni D ak kollu li huwa Malti għandna ngħożżuh. Għandna dejjem napprezzaw aktar dak li ġej mill-ħiliet u s-snajja' tagħna. Dan qed ngħidu mhux biss għal dak li forsi nafuh aktar – il-prodott agrikolu, il-prodott tal- manifattura lokali, l-artiġġjanat Malti, imma wkoll għall- patrimonju li ħallew warajhom dawk li ġew qabilna miż- żminijiet tal-qedem. Imma anki dak agrikolu jidħol fil-qasam tal-kultura. Naħseb s'issa kulħadd huwa konxju li quddiem il-UNESCO hemm l-applikazzjoni tagħna biex il-ftira Maltija titqies bħala wirt intanġibbli dinji. Kemm il-ftira kif nafuha, imma wkoll l-arti kulinarja kif hija magħġuna. Iva, fil-qasam tal-kultura qed nagħmlu minn kollox biex mhux biss inħarsu dak kollu li huwa Malti u Għawdxi imma wkoll niddefenduh bil-qawwa. Kif niddefenduh? Ejja nħarsu lejn il-wirt storiku. Ma niddejjaqx ngħid li f 'dawn l-aħħar snin pajjiżna ra qawmien ġdid fejn jidħol ir-restawr ta' mkejjen li litteralment jinsabu f 'kull rokna li tħares lejha. Mhux qed ngħid li qatt ma sar xejn, altru minn hekk. Imma l-programm ta' restawr li għaddej bħalissa mill- entitajiet varji li jaqgħu taħt il- Ministru, huwa bla preċedent. Ma tgħaddix ġimgħa li ma nżurx dawn il-postijiet. U aktar ma nżur ir-restawr li qed isir, li fuq kollox huwa r-riġenerazzjoni tal-wirt storiku ta' pajjiżna, aktar nibqa' mmeraviljat mhux biss bir-rikkezza ta' dan il- wirt, imma wkoll bil-ħiliet li għandhom il-ħaddiema ta' dawn l-entitajiet. Il-Ġimgħa żort sit li jmur lura għal bidu tas-seklu 17. Matul il-jiem li għaddew żort kappella li taf il-bidu tagħha għas-sena 1596, oħra li tmur lura għal madwar l-1650 u sit importanti ferm ukoll taż- żmien medjevali. Firxa ta' snin mhux ħażin imma li kollha ħallew il-marka tagħhom fl-istorja ta' pajjiżna u fortunatament għadna nistgħu mmissu dawn l-imkejjen. Dan kollu jitfa' responsabbiltà fuqna, responsabbiltà li ma niddejjaqx ngħid qed neħduha bis-serjetà. Il-Ġimgħa ħabbart investiment ta' aktar minn miljun u nofs għar-restawr tal- Università l-Antika. Somma li madankollu ma tinkludix l-investiment fix-xogħlijiet interni, li l-ewwel tenders għandhom jinħarġu lejn l-aħħar ta' din is-sena għal din il-fażi. Kif għidt meta żort ix- xogħol, b'dan l-investiment, mhux biss qegħdin nippreservaw waħda mill- binjiet prinċipali li jinsabu fil-belt kapitali storika tagħna, imma qegħdin ukoll niżguraw it-tisħiħ tal-identità nazzjonali kulturali tagħna permezz tal-preservazzjoni ta' post monumentali. Grazzi għall-istrateġija tagħna, qegħdin inkomplu nsaħħu l-patrimonju kulturali lokali u npoġġu lilna nfusna bħala destinazzjoni kulturali. Irrid ngħid ukoll li dan il- proġett iħares lejn ir-restawr tal-Knisja tal-Ġiżwiti u l-Binja tal-Università l-Antika. Ir- restawr tal-estern tal-Knisja tal-Ġiżwiti tlesta fl-2018. Ix-xogħlijiet attwalment għaddejjin fuq it-tessut ta' barra tal-kulleġġ l-antik, b'xogħlijiet lesti fuq il-faċċata ta' Triq San Pawl. *** Meta nħarsu lejn xogħol ta' restawr, inħarsu lejn kull rokna tal-gżejjer. Filfatt xogħol ieħor li qed isir huwa dak fuq il-Knisja tal-Madonna ta' Porto Salvo, magħrufa wkoll bħala l-Knisja ta' San Filippu, fl-Isla. Investiment fil- patrimonju tagħna ta' €115,00 – restawr li se jkun lest sa Ġunju li ġej. Xogħol ieħor li permezz tiegħu qed inħarsu l-wirt tagħna. Qegħdin insaħħu l-wirt lokali tagħna għall- benefiċċju tal-komunità. Din il-knisja hija simbolu tal-identità nazzjonali tagħna u bħala Gvern aħna impenjati biex inkomplu nżidu l-aċċessibbiltà fis-settur bħala parti mill-istrateġija kulturali tagħna. Il-knisja oriġinarjament inbniet fl-1596, twaqqgħet fl-1670 u reġgħet inbniet wara b'kunvent magħha. Fi żmien l-epidemija tal-kolera, f 'Ġunju 1837, il-kunvent u l-knisja servew ta' sptarijiet. Il-knisja serviet ukoll bħala l-Knisja Parrokjali tal-Isla, sakemm din tal-aħħar reġgħet inbniet, wara li ġġarrfet fit-Tieni Gwerra Dinjija. Storja interessanti li hija parti minn dak li aħna l-Maltin. Hija parti mill-patrimonju Malti. *** Nemmen li huwa permezz ta' din id-dedikazzjoni u l-impenn li nkunu nistgħu niżguraw li nkomplu nsaħħu l-patrimonju kulturali lokali li jifforma parti intrinsika tal- identità nazzjonali tagħna. Impenn ieħor huwa dak tar- restawr tal-knisja ddedikata lill-Madonna tal-Ħniena tal-Qrendi – restawr li se jsir kemm ta' barra imma wkoll minn ġewwa. L-ewwel fażi se tiffoka fuq il-parti ta' barra bl-intenzjoni li ma jibqax dieħel aktar ilma tax-xita fl-istruttura. It-tieni fażi se tiffoka fuq ġewwa tal-binja. Il-proġett mistenni jintemm fi żmien 20 xahar. Dawn ix-xogħlijiet jagħmlu parti mill-71 proġett ta' restawr li għaddejjin bħalissa. Issa meta ngħid 71 qed inżomm naqra lura, għax filfatt, jekk wieħed jikkalkula sew, proġett jispiċċa u ieħor jibda b'mod immedjat. Hemm ukoll xogħol li ma jkunx fuq il-karta u nxammru l-kmiem biex nagħmluh. Dan l-aktar ikun intervent bżonjuż ta' sit li minħabba raġuni jew oħra – ġeneralment ikunu l-elementi naturali l-kawża – ikollna niddefenduh minn aktar ħsara. Hemm il-proġetti li nżur li x-xogħol ta' restawr fuqhom ikun intemm. Wieħed minnhom, li wkoll żort fil-jiem li għaddew huwa l-Ħajt tal-Matla fl-Imqabba. Dan huwa passaġġ tal-ġebel elevat li jmur lura għaż-żmien medjevali, u jgħaqqad il- Parroċċa l-Antika tal-Imqabba (il-Knisja ta' San Bażilju) sar- raħal estint ta' Ħal Millieri. Il-ħajt inbena b'ġebel differenti mingħajr tikħil u qiegħed f 'għelieqi li huma suġġettibli għall-għargħar fi żminijiet tax-xitwa u huwa fuq ħajt tal-ġebel oħxon madwar 1.35 metru. Parti mir-restawr kien jinkludi t-tiswija tal-ħajt, fosthom it-tneħħija ta' pjanti u t-tqegħid mill-ġdid ta' ġebel nieqes. Kemm nieħu gost nara dawn il-proġetti lesti! Nieħu gost mhux biss għax inħoss li min-naħa tiegħi qed nimpenja ruħi bis-sħiħ li niddefendi l-patrimonju Malti – imma nieħu gost nara siti storiċi mibdula minn postijiet li sfortunatament ikunu mitluqa, għal post b'tiġdid tal- ħajja tiegħu. Dan il-proġett tlesta fi żmien tliet xhur, u kien possibbli grazzi għall-Iskema ta' Restawr għall-Kunsilli Lokali, skema li tinħareġ mill-Ministeru għall- Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, permezz tal-uffiċċju tad-Direttorat tar-Restawr u b'kollaborazzjoni mad- Dipartiment tal-Gvern Lokali. *** Fil-jiem u l-ġimgħat li ġejjin se nkompli nżur aktar minn dawn il-postijiet li jvarjaw minn knejjes u kappelli għal ħitan storiċi, niċeċ u bereġ. Irridu nkomplu għaddejjin. L-ippjanar hemm qiegħed. Ix-xogħol għaddej ġmielu. L-impenn u l-ħeġġa hemm qegħdin. L-għan tiegħi u tal-Ministeru huwa li dak kollu li huwa possibbli li jsir, nagħmluh. Oħrajn qed inħarsu lejhom biex naraw x'jista' jsir. Persważ li bil-proġetti kollha li għaddejjin, li se nibdew fiż-żmien li ġej, li se nagħmlu fis-snin ta' wara, se nkunu tajna kontribut siewi ferm biex inħarsu l-wirt kulturali tagħna. Biex inkunu rriġenerajna dak kollu li nkunu stajna, u nkunu ħarisnieh għat- tgawdija u l-edukazzjoni tal- ġenerazzjonijiet ta' warajna. Owen Bonnici huwa l-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Inħarsu l-patrimonju Malti bir-restawr Fil-qasam tal-kultura qed nagħmlu minn kollox biex mhux biss inħarsu dak kollu li huwa Malti u Għawdxi imma wkoll niddefenduh bil-qawwa OWEN BONNICI Il-ħajt tal-Matla