Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1101646
Sports 26 illum Il-Ħadd 7 ta' April 2019 minn Cristian Antony Muscat JEROME Zerafa Gregory - fost l-aqwa plejers li pproduċa l-waterpolo lokali f 'dawn l-aħħar snin fejn huwa plejer ferm promettenti ta' Sirens waqt li fil-futur, żgur li għandu jkun għażla regolari fit-tim nazzjonali. Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-waterpolo? Bdejt ngħum mal-klabb tan- Neptunes minn età żgħira u kont nieħu pjaċir nara plejers kbar bħal Niki Lanzon, l-aħwa Stevie u Jordan Camilleri, Michele Stellini u l-barrani Tamas Molnar jilagħbu. Dak iż-żmien kien hemm il-magħruf kowċ Gużi 'l-Ors Attard', plejer kbir tal-passat, li kien jgħallem liż- żgħar b'ħafna dedikazzjoni u kien uffiċjal stess minn tal-klabb li ħajjarni nibda nitħarreġ il-waterpolo wkoll. Minn ta' seba' snin, sal-Form 5 irnexxieli nitħarreġ iż-żewġ sports b'mod kompetittiv, imma mbagħad minħabba l-iskola kelli niffoka fuq l-isport li l-iktar jogħġobni, li hu l-Waterpolo. X'tikkummenta fuq ir-riżorsi (pixxina) li fihom titħarrġu u tilagħbu f 'Malta? Jiena kbirt nitħarreġ u nilgħab f 'din il-pixxina, filgħodu u filgħaxija. Din il-pixxina hi l-unika waħda li sservi fix-xitwa għal ħafna klabbs tal-għawm, tal-waterpolo u tal-għawm sinkronizzat. Hemm biżżejjed lasti, biex mill- inqas kull tim ikollu lasta waħda fuq xiex jipprattika. Personalment, inħoss li meta nilagħbu barra minn Malta ġol-pixxini magħluqin, inħossu d-differenza minn dik tal-pixxina li hi open air. It-taħriġ jitħassar ukoll meta jkun hawn maltempati qawwija. X'sagrifiċċji jinvolvi li tkun plejer tal waterpolo? L-ewwel sagrifiċċju li bdejt nagħmel minn età żgħira kien dak li nqum kmieni, fil-ħamsa u nofs ta' filgħodu biex fis-sitta nibda ngħum qabel l-iskola. Għadni nqum kmieni sal-lum għax bl- impenji tal-Università, dak huwa l-ħin li nsib biex immur nitħarreġ il-gym. Filgħaxija, it-taħriġ ġieli jaħbat mal- lectures u allura jkolli nsib bilanċ u nara liema huwa l-iktar importanti dak il-ħin. Il-ħajja soċjali wkoll issofri, kif ukoll is-safar, dan tkun trid iddaħħlu fi ftit żmien meta ma jkollniex logħob jew taħriġ importanti. Kemm-il darba għażilt li ma nsifirx ma' sħabi minħabba l-Kampjonat tas-Sajf. Kif jirnexxielek tlaħħaq mat- taħriġ, l-istudju / ix-xogħol u mal-waterpolo? Jien nagħlaq 20 sena f 'Settembru u qed nistudja t-tieni sena l-Università ta' Malta. Kbirt dejjem impenjat bejn l-istudju u l-isport u nemmen li jekk wieħed iqassam ħinu sew ikun kapaċi jlaħħaq ma' dak li jħobb. Napprezza wkoll il-familja li dejjem għenuni u emmnu fija, kif ukoll il-membri tat- tim tiegħi, Sirens. Kif tiddeskrivi l-aħħar staġun tiegħek ma' Sirens kemm għalik personali u anki bħala tim minn San Pawl Baħar? It-tim tas-Sirens huwa taħlita ta' plejers veru żgħar ma' plejers ta' esperjenza kbira, li fl-opinjoni tiegħi huwa tajjeb ħafna. Kellna lis-centre Brownrigg imweġġa' tul l-Enemed Cup imma dan xorta attenda u tana s-suġġerimenti u l-inkoraġġiment tiegħu. Mil- bidu rbaħna tliet logħbiet, ġejna draw mas-Sliema, u tlifna l-aħħar logħbiet kontra San Ġiljan u Neptunes. Ikkwalifikajna għall-play-offs fir-raba' post, u b'impenn kbir mill-captain Nicky Grixti u t-tim irnexxielna nilagħbu bil-qalb u nikkwalifikaw għall-finali. Tajna logħba u sfida tajba lil San Ġiljan li huwa tim b'saħħtu u għalhekk issa nħarsu 'l quddiem biex b'iżjed impenn u taħriġ inkomplu nqumu għal kull okkażjoni. Personalment, naħseb li dan kien wieħed mill-aħjar staġuni tiegħi mas- Sirens, kif ukoll tat-tim. Qbilt mas-sistema tal-play- offs? Din is-sistema tiffoka fuq progress u titjib, logħba wara logħba, sakemm tim isib l-aqwa forma fil-parti l-aktar kruċjali tal-kampjonat. Dan il-format huwa żgur aktar eċitanti għal min iħobb dan l-isport, però jista' jqiegħed pressjoni qawwija fuq tim li forsi mar tajjeb u ġab vantaġġ kbir tul l-istaġun kollu. Fis- Sajf ikollna n-Knock Out allura jien kieku nippreferi nħalli dan it-tip ta' eċitament għan-Knock-out u nħalli t-tim li jkun bena vantaġġ b'konsistenza tul il-kampjonat kollu jirbaħ il-Kampjonat. Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-waterpolo ma' Sirens? Nixtieq li nkompli nissaħħaħ u nitgħallem b'ċerta determinazzjoni u pożittività. Għandi rispett kbir lejn il-membri tat-tim tiegħi u għalhekk nixtieq li nkomplu naħdmu kollha flimkien biex inġibu aktar rebħiet u forsi xi unuri wkoll fil-futur. Tixtieq u tqis li fil-futur tissejjaħ mill-kowċ Karl Izzo biex imbagħad tibda tifforma parti mit-tim nazzjonali Malti? Jien kont magħżul biex nieħu sehem fin-Nazzjonal ta' Malta ta' gruppi differenti, fejn lgħabna barra minn Malta u anke ġibna xi unuri. Jien vera napprezza dawn l-opportunitajiet għax bihom tilgħab u titgħallem mill- barranin li forsi għandhom attitudnijiet differenti lejn l-isport. Għandi rispett kbir lejn dawn iż-żewġ kowċis li ġabu riżultati kbar għal Malta f 'dawn l-aħħar snin u nħalli f 'idejhom biex jagħmlu l-aqwa għażliet għall-ġid ta' Malta. Jien min-naħa tiegħi nkompli nitħarreġ biex dejjem inkun lest għal kull okkażjoni. Għaddi messaġġ lil dawk it tfal u / jew żgħażagħ li bħalek jixtiequ jagħmlu karriera fil- waterpolo. L-għażla li tagħmel xi tip ta' sport b'mod regolari hija kruċjali fl-opinjoni tiegħi, biex tgħix ħajja b'saħħtek u kompleta. Kulħadd għandu jagħżel xi tip ta' sport li jħobb, kemm jekk ikun individwali kif ukoll dak ta' tim. Il-benefiċċji huma enormi, kemm fuq livell fiżiku kif ukoll fuq dak mentali. Huwa importanti li jduqu aktar minn sport wieħed biex imbagħad jagħżlu dak li l-iżjed huwa ta' passjoni għalihom. L-isport stess jgħinhom jitgħallmu jqassmu l-ħin tajjeb u jgħinhom biex inaqqsu l-istress tal-iskola wkoll. 'L-għażla li tagħmel xi tip ta' sport b'mod regolari hija kruċjali biex tgħix ħajja b'saħħtek u kompleta'- Jerome Zerafa Gregory