Illum previous editions

ILLUM 21 July 2019

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1146451

Contents of this Issue

Navigation

Page 19 of 31

illum | Il-Ħadd 21 ta' Lulju 2019 Rakkont 20 N iżel minn ġol-karozza, għolla l-barnuża għal fuq rasu, ta daqqa t'għajn lejn il-madwar u ħa nifs twil. Għal mument kien ser jieqaf dritt bilwieqfa jassorbi l-ħsibijiet sarkastiċi li kienu għaddejjin minn ġo moħħu. Dak il-ħin għaddew grupp żgħażagħ eżatt minn warajh. Ma darx iħares lejhom. Lanqas indenja ruħu jara kemm kienu jew ġietu kurżità jiflihom. Ma ried lil ħadd jarah. Ma ried ikellem lil ħadd u ma kellu aptit ħadd. Oħroġ il-għaġeb, kien qed iħossu eċċitat. Mhux għax kellu għal xiex. Hu kien imdorri. U mela, kien imdorri sew. "Għaliex qed tħossok eċċitat?" seta' kważi jisma' leħen Moira jħanbaq miegħu qrib widnejh. Kieku ratu dak il-ħin! Kieku ratu! Min jaf x'ċamata kienet tagħtih! Kieku kienu jkunu jafu x'kien ser jagħmel! Min jaf kemm kienu jgħajruh! Imma issa kien iddeċieda. U la ħa deċiżjoni, kien beħsiebu jwettaqha! Jgħidu x'jgħidu! Il-problema kienet li din il-prova kien iddeċieda li jagħmilha wara li kienu bagħtulu l-kontijiet d-dar. Wara li kien ra kemm kien sejjer ħażin finanzjarjament. Mhux għax ma kienx jaqla' flus. Il-problema kienet li tant kemm kien jgħix ħajja lussuża, tant kien iħallas flus bl-addoċċ fi tfajliet, ħruġ sfrenat, ikliet lussużi fl-aqwa postijiet u xiri bla ebda pjan, li malli kienu tawh l-aħħar kontijiet, kien induna li kien qabad in-niżla... lejn il-qiegħ. U malli kien ra dan l-avviż fuq il-gazzetta, kien iddeċieda li din setgħet tkun is-soluzzjoni għal problemi li kellu. Tbissem waħdu, żamm rasu baxxuta 'l isfel, donnu kien qed jistħi minn dak li kien ser jagħmel, għolliha darba waħda ta' malajr kemm aċċerta ruħu li kien quddiem il-bini indikat fil-gazzetta, reġa' baxxiha malajr u ħaffef kemm seta' lejn il-bieb. Il-bieb kien miftuħ beraħ. Man-naħa ta' barra biswitu, kien hemm tabella fejn fuqha kien hemm indikat id-data tal-lum, il-ħin u li kienet ser issir prova importanti ħafna. Daħal. Ir-riħa t'hemm ġew kienet waħda familjari. Qisha kienet imħallta bejn dik ta' kartun u żebgħa. U kien hemm geġwiġija ta' nies. Sala mdaqqsa. Min medhi bilqiegħda jpaċpaċ. Min donnu fl- oblivju ta' kollox, jiċċassa jħares 'il quddiem. Min iħares lejn il-ħajt. Min jitkellem waħdu. Min jistenna bil-paċenzja. U oħrajn jiflu lil xulxin. Ħaġa waħda kellhom li kienet komuni. Kienu jidhru kważi kollha kemm huma l-istess. Wiċċ wieħed f 'verżjonijiet differenti. Ix-xagħar ta' kollha kemm huma mimxut lura, kemxejn twil, naqra leħja twila tagħti lejn il-kannella. Għajnejn kannella. Xufftejn mimlija. Kollha kienu lebsin l-istess ukoll. Eżatt kif kellhom indikat fil-gazzetta. Qalziet iswed. Ġakketta sewda. Ingravata. Qmis bajda. Hekk suppost kellhom jilbsu. Sala waħda mimlija b'karattri kollha differenti, kważi jidhru kollha l-istess. Kien hemm geġwiġija ta' ilħna li għal ftit ma kinux qegħdin jagħmlulu rasu tibda ttektek. U f 'dak il-mument, neża' l-ġakketta bil-barnuża b'kollox u ġie huwa wkoll jidher bħalhom eżatt. Resaq lejn siġġu fil-ġenb tas-sala u poġġa l-ġakketta hemmhekk, iħoss l-eċċitament jiżdied. Kellu bżonnha din il-parti. U kien kważi ċert li kien ser jeħodha. "Sinjuri, grazzi ħafna talli ġejtu kollha llum..." instema' leħen għoli mill-ġenb tas- sala. F'daqqa waħda, it-tgedwid u l-istorbju ta' ħsejjes li ftit qabel kienu jiddominaw il- kamra, waqfu zoptu. Dawk kollha li kienu qegħdin hemm daru jħarsu lejn dan ir-raġel u xi erba' oħra li kienu tfaċċaw minn ġo xi bieb minnhom mingħajr ħadd ma kien induna. "Suppost kollha kemm intom ingħatajtu numru malli dħaltu. Ser narawkom wieħed wieħed fis-sala ta' maġenb din. Jekk jogħġobkom, stennew sakemm imisskom," bdiet tgħidilhom tfajla li x'aktarx kienet fuq l-għoxrinijiet u kienet qiegħda biswit l-ewwel raġel li kien tkellem. "Kif tafu kollha kemm intom, dan ser ikun film tassew prestiġjuż. Dan ser ikun kapulavur. Id-direttur tiegħu huwa Adam Brown, persuna tassew intiża fl- industrija tal-aqwa films madwar id-dinja. U kif tafu wkoll John Pearson huwa stilla magħrufa madwar id-dinja kollha. Għalhekk iddeċidejna li nagħmlu film fuq il-ħajja tiegħu bil- permessi kollha meħtieġa mill-aġent tiegħu. L-aġenta tiegħu qaltilna iva mill- ewwel u għalhekk aħna nħossuna tassew kburin li ser nagħtu prodott daqshekk tajjeb. Kif tafu wieħed minnkom biss ser jintagħżel għall- irwol ta' John Pearson. Aktar milli kwalitajiet fir-reċtar, qegħdin infittxu persuna li tidher bħalu eżatt," kompliet tgħidilhom, leħinha jidwi fis-sala, tagħmel enfasi fuq l-aħħar parti tas-sentenza. "Importanti ħafna li jkun eżatt bħalu," bdiet tinħall għal mument tiftakar f 'kemm kienet tiffansjah, f 'kemm kien jogħġobha dan l-imbierek John Pearson! U mhux lil kulħadd kien jogħġob! Kien l-aqwa stilla tal- mument! Kellu diski tal- ġenn! Fis-sala kien hemm silenzju kbir. Induna li kienu kollha kemm huma ħerqanin għal dan l-irwol. Wara ftit, dawk in-nies li kienu tfaċċaw minn ġo xi bieb żgħir fil-ġenb reġgħu sparixxew mill-ġdid. Ftit wara, il-bieb iż-żgħir infetaħ għal ftit u bdew jiġu msejħa dawk li kien imisshom jidħlu ġewwa għall-prova. Poġġa bilqiegħda fuq siġġu minnhom, ma jħares lejn ħadd. U meta kien imissu hu, daħal b'wiċċu minn quddiem. Rahom jifluħ, iħarsu lejh bir-reqqa. Għal mument kien ser jitbissem. Iżda t-tensjoni li kellu fuqu kienet qiegħda ġġiegħlu jħossu skomdu. Tawh karta b'xi sentenzi fuqha u beda jgħaddi l-kliem ħalli jisimgħu kif kien ser jinterpretaha. "Tajjeb," qaltlu dik l-istess tfajla, li kienet bilqiegħda quddiem skrivanija f 'nofs is-sala. "Inti jismek Carl Gregory." Anke ismu kien tahom ħażin ħalli ħadd ma jinduna li kien ġej hawn. Jekk kellu jieħu din il-parti, kien jgħidilhom ismu propja eżatt malli jintgħażel. L-oħrajn kienu bilqiegħda warajha, iniżżlu xi notamenti u jfesfsu f 'widnejn xulxin. "Tajjeb," reġgħet irrepetiet. "Tista' tmur lura fis-sala l-oħra sakemm inħabbru min ikun ħa l-parti." Għamlilha iva b'rasu u reġa' mar lura fis-sala l-oħra. It-tensjoni ta' kulħadd kienet tinħass fl-arja. "Dak li ser jinterpreta l-parti tal-famuż John Pearson intgħażel..." semgħu leħen dik it-tfajla ftit wara hekk kif kulħadd kien lest mill-prova tiegħu. Qam bilwieqfa. Is-skiet kont taqtgħu b'sikkina. Min jiġbed kemm kemm il-qalziet, min jagħti b'siequ b'mod nervuż, min iberraq għajnejh, min b'xofftu t'isfel migduma... u kulħadd kien jidher xi ftit aġitat. Imma hu kien jaf. Kien ċert. Żgur hu kien ser jintgħażel! Ma jistax ikun li le! U dawk il-flus... Dawk kellu bżonnhom. Ftakar f 'wiċċ Moira eżatt malli kien ser jgħidilha li ħa l-parti! "Dak li ntgħażel għall-parti tal-famuż John Pearson hu..." bdiet tgħid. Tensjoni. Skiet. Riħa t'għaraq imħallta ma' dik tas-sala. Tferfir. "Chris Matthews..." U ħares lejn naħa tas-sala minn fejn kien ġej xi għajjat u storbju ta' dak li ntgħażel. Ma kienx intgħażel hu! Bla ma qagħad jistenna, telaq iħaffef 'il barra! Il-ġakketta nesieha warajh! Ġera lejn il-karozza bla nifs. Daħal fiha u bla ma qagħad jerġa' jaħbi wiċċu, saq lejn il-bar fejn kien ikun hemm sħabu. Neża' l-ingravata, il-ġlekk u ħall il-buttuni tal-qmis. Reġa' ħabbel xagħru hekk kif kien iħobb jagħmlu meta ma kienx ikun qed ikanta. Il-prova. Ma kienx intgħażel hu. X'ironija. Kemm huma taċ-ċajt, beda jaħseb. U hekk malli daħal fil-bar favorit tiegħu, rahom hemm. Sħabu. "Ejja 'l hawn qalulu!" U bdew iqassmu x-xorb bejniethom. Dak il-ħin daqqlu l-mowbajl. "John!" qaltlu Moira, l-aġent tiegħu bl-leħen aġitat. "Intgħażel l-attur!" "Eħe?" weġibha taparsi ma jaf xejn. "Iva! Intgħażel l-attur li ser jinterpreta l-parti tiegħek John! Issa b'dan il-film fuqek, ser issir aktar famuż Sur Pearson!" John Pearson daħaq waħdu, ħa bela' xorb u qata' l-linja. Ma kinux għażlu lilu. Kienu għażlu lil ħaddieħor għall-parti tiegħu stess! Sharon Calleja Il-prova

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 21 July 2019