Illum previous editions

ILLUM 21 July 2019

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1146451

Contents of this Issue

Navigation

Page 22 of 31

23 MINN mindu George A. Romero ta ħajja ġdida, kważi waħdu, lill-films tal-biża' tal-ġeneru żombis b'Night Of The Living Dead (1968), dehru wara ruxxmata films ta' dan it-tip, fosthom oħrajn ta' dan l-istess direttur. Bħall-ġeneri ta' produzzjonijiet oħrajn, il- films taż-żombis ġew ukoll satirizzati, forsi b'Shaun Of The Dead (2004) ikun l-aħjar eżempju. Xogħol ieħor simili, però b'forma ta' kummiedja sottili hu The Dead Don't Die, miktub u dirett minn Jim Jarmusch, direttur ta' films kulti u anki speċjalizzati li aktarx wieħed ma jabbinahx ma' kummiedji ta' din ix- xorta. B'cast mill-aqwa, mhux inqas minn seba' atturi li qabel ħadmu regolari miegħu, The Dead Don't Die jiżvolġi b'manjiera kawtela li żżid fl-intensità aktar ma jgħaddi l-ħin u b'fil ta' umoriżmu li spiss inissel tbissima. Centerville hija belt żgħira qrib foresta, b'popolazzjoni ta' ftit aktar minn 700 ruħ, u bi tliet membri biss tal- pulizija. Meta l-ġranet jibdew jiqsaru, iseħħu affarijiet mhux spjegabbli fil-pajjiż, l-annimali jirreaġixxu b'mod stramb, waqt li fuq il-mezzi tax-xandir l-affarijiet ma jidhrux sbieħ. Il-qamar kwinta jleqq ħafna u jagħti l-impressjoni li hu qrib. Fil-foresta fejn jgħix Hermit Bob (Waits) mill- oqbra jqumu l-mejtin għatxana għal-laħam uman. Mexjin bil-mod, jixxenglu qishom fis-sakra u fid- dehra ta' natura fraġli (skont il-viżjoni oriġinali ta' Romero), dawn resqin lejn il-belt biex jagħmlu festa mill-ħajjin. Cliff Robertson (Murray), Ronnie Peterson (Driver) u Mindy Manson (Sevigny), it-tliet membri tal-korp tal-pulizija, se jkollhom x'jagħmlu sewwa. Fil-mortwarju tal-post, Zelda Winston (Swinton). Buddista eċċentrika li tieħu ħsieb, taf tuża x-xabla b'kapaċità kbira. Hu ovvju li d-direttur inqeda b'dan il- ġeneru ta' film biex jesibixxi parti integrali mill-ħajja tal- maġġoranza tal-Amerikani kif iż-żmien qed jeżawrihom meta għadhom ħajjin, jeżistu biss. Jogħġbokx jew le jiddependi kif wieħed jieħdu, però min ma jistenniex affarijiet sublimi aktar se jsib x'jolqtu. Bill Murray, din id-darba b'wiċċ mixrub, serju u mqarras u bl-inqas sforz possibbli ta' movimenti tistħajlu li jinsab fi stat ta' animazzjoni. Il-mużika hija addattata ħafna b'sensiela ta' kanzunetti country tassew tal-widna. THE Lion King (1994), film animat oriġinali ta' Disney hu meqjus bħala xogħol klassiku tant maħbub minn madwar id-dinja. Dan il-kapulavur spiċċa biex rebaħ żewġ Oscars - għall- kanzunetta Can You Feel The Love Tonight? ta' Elton John u Tim Rice u ieħor għall- mużika ta' Hans Zimmer. Sentejn wara, din il- produzzjoni ġiet addattata għal fuq il-palk ta' Broadway fejn rebħet 6 unuri Tony u 22 sena wara baqgħet waħda mill-aqwa li għamlu kjass inkredibbli fejn dan l-aħħar saret id-9000 wirja. Wara s-suċċess li Jon Favreau kellu fl-2016 bil-film The Jungle Book, maħdum issa b'mod kontemporanju u teknikament brillanti, dan id-direttur ra possibilità kbira li The Lion King jista' issa jinħadem bl-aqwa teknoloġija li l-arti taċ-ċinema tista' toffri. Dan id-dramm mużikali li għandu jpaxxi lill-kbar forsi aktar miż-żgħar għax japprezzawh aħjar, fih l-ingredjenti kollha li jagħmlu l-istorja tiegħu tant relevanti - ingann, traġedja, turufnament, qtigħ il-qalb u redenzjoni. Fil-pjanuri ta' kobor immens tal-Afrika twieled Simba, it-tifel tar-Re Mufasa, u l-eredi futur tat-tron ta' Pride Rock. Missieru joħorġu biex jurih lill-annimali kollha li tassew huma kburin bih għax konxji li se jirrenja ġustament bħalu. Imma Scar, iz-ziju tiegħu jixtieq li r-renju jieħdu hu bis-sewwa jew bid-dnewwa. B'malizzja oskura, Scar iqajjem rewwixta li tirriżulta fil-mewt ta' Mufasa u eżilju għal Simba. Iċ-ċkejken jikber dejjem akkumpanjat minn żewġ annimali tassew ħbieb u leali, Timon u Pumbaa, li f 'ħajjithom m'għandhom rabta ta' xejn. Permezz ta' Nala, iljunessa ħabiba u wara anki l-maħbuba tiegħu, ikun inkoraġġut biex jagħmel l-almu u mgħejun mill-ħafna ħbieb tal-passat, imur lura biex jieħu dak li hu suppost tiegħu u dak li jixraqlu. F'din il-verżjoni ġdida, Favreau stqarr li ffoka ħafna aktar mill-film oriġinali fuq it-trobbija ta' Simba li minn ferħ isir adult u wera kemm kienet iebsa ħajtu wara t-trawma li sofra meta kien żgħir u anki ta rwol aktar elaborat lil Nala li kellha influwenza kbira u kienet ta' ispirazzjoni għall- formazzjoni tal-maħbub tagħha, Simba. The Lion King tassew ipaxxi s-sentimenti kollha ta' min jarah, speċjalment fil- postijiet eżotiċi u endemici ta' kontinent sħun bħall-Afrika, fil-movimenti grazzjużi tal- annimali kollha u fil-mużika evokattiva mill-ġdid ta' Hans Zimmer. Ħafna mill-kanzunetti tal- oriġinal qegħdin hawn bi stil ġdid. Kull min jara The Lion King se joħroġ miċ-ċinema sodisfatt għall-aħħar, b'qalb ferrieħa u aktarx b'xi kanzunetta f 'fommu minn taħt l-ilsien! illum | Il-Ħadd 21 ta' Lulju 2019 TV/Ċinema Carmel Bonnici Films ġodda għal dil-ġimgħa Atturi Ewlenin: Bill Murray; Adam Driver; Chloe Sevigny; Tilda Swinton; Danny Glover; Steve Buscemi; Selena Gomez; Tom Waits. Direttur: Jim Jarmusch. Maħruġ minn KRS Releasing. Tul: 104 min. Ċert. 15 Vuċijiet Ewlenin: Donald Glover; James Earl Jones; Beyonce' Knowles; Alfre Woodard; Seth Rogen. Direttur: Jon Favreau. Maħruġ minn KRS Releasing. Tul: 118 min. Ċert. P.G. The Lion King The Dead Don't Die

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 21 July 2019