Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1146451
3 Il-Ħadd 21 ta' Lulju 2019 | illum Aħbarijiet Minn Yendrick Cioffi ĠIMGĦA biss qabel Adrian Delia jaffaċċja l-akbar test tiegħu f 'Kunsill Ġenerali Straordinarju, il-Kap Nazzjonalista ma darx mal-lewża u insista li wara dan il-proċess delikat, jeħtieġ li jittieħdu deċiżjonijiet iebsa biex il-Partit jissaħħaħ. Adrian Delia qal dan ilbieraħ waqt li kien qed jiġi intervistat fuq ir-radju tal-Partit Nazzjonalista fejn insista li wara li jintemm dan il-proċess ta' riforma, kull persuna se tkun mistiedna li taħdem, iżda kien skjett meta saħaq li "min se jibqa' jagħmel il- ħsara lill-Partit Nazzjonalista, mhux se jkun fadallu post fil-Partit." Il-Kap Nazzjonalista insista li bħalissa qed jiltaqa' mal-Kunsilliera kollha tal-Partit Nazzjonalista li fi kliemu, uħud minnhom ilhom diċennji Kunsilliera u qatt ma rifsu fl-uffiċċju tal-Kap. Waqt li tkellem dwar it-tħassib ta' uħud minnhom, Adrian Delia insista li l-Partit Nazzjonalista għandu bżonn jgħaddi minn dan kollu. Fi kliemu, kieku l-Partit Nazzjonalista baqa' għaddej qisu xejn mhu xejn kien qed ikun iraqqi l-pannu bil-qargħa aħmar. Kien hawn li Delia insista li l-mod kif sar dan il-proċess forsi ma kienx l-aktar wieħed ideali, iżda insista li l-Partit Nazzjonalista jrid ibiddel "il-bsaten fir-roti, f 'opportunità." Insista li marru għandu nies jibku, jistaqsu x'se jsir mill-Partit Nazzjonalista. "Irridu ngħaddu minn ġon-nar biex noħorġu aktar b'saħħitna," qal Delia waqt li saħaq li fiduċjuż li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed iqum fuq saqajh. Tkellem dwar il-firem miġbura mit- tesserati tal-Partit Nazzjonalista. Fi kliemu din turi partit ħaj u demokrazija ħajja, fejn it-tesserati joħorġu fit-toroq biex jiddefendu l-għażla tagħhom. 'Ipparteċipaw, tħallux lill-oħrajn joħdulkom ir-riedni minn idejkom' Il-Kap Nazzjonalista rrefera għar-riforma li qed jaħdem fuqha Louis Galea, iżda insista li din ir-riforma mhux persuna waħda trid tagħmilha, iżda n-nies. "Tridu li l-Kap jibqgħu jagħżluh il- ħafna, jew inkella l-ftit?", staqsa Delia. "Ipparteċipaw, tħallux lill-oħrajn joħdulkom ir-riedni minn idejkom." Kien hawn li l-Kap Nazzjonalista insista li ħadd ma jista' jistenna li kulħadd fil- Partit jaqbel fuq kollox. Fi kliemu, dak hu s-sabiħ tal-Partit Nazzjonalista. Iżda saħaq li wara kollox, kulħadd fil-Partit Nazzjonalista jrid ikun magħqud fl- ispirtu u f 'dak li jemmnu fih. "Irridu li l-Partit Nazzjonalista jerġa' jsib l-għeruq tiegħu u jippreżenta lilu nnifsu fl-elezzjoni li ġejja? Jew irridu l-Partit Nazzjonalista kif inhu?" staqsa Delia. Tkellem ukoll dwar diversi punti li r-riforma tal-Partit Nazzjonalista trid tħares lejhom, fosthom il- proprjetajiet li għandu l-Partit. "Kif jista' jkun li l-proprjetà tal-PN biss mhux qed trendi flus?" staqsa l-Kap Nazzjonalista waqt li insista li l-Partit ma jistax jibqa' jkabbar id-dejn u jħallih lil ta' warajh. Tul l-intervista, il-Kap Nazzjonalista tkellem fuq diversi kwistjonijiet nazzjonali, fejn fost oħrajn reġa' semma' l-bżonn li f 'Malta jkun hawn sistema ta' trasport tal-massa. Qal li l-PN diġà qed jaħdem fuq din il-proposta biex ikun f 'pożizzjoni li jippreżentaha. Ara wkoll paġni 12 – 13 Ġimgħa qabel Kunsill Ġenerali Straordinarju, Adrian Delia jisħaq li wara li jintemm il-proċess ta' riforma, min se jibqa' jagħmel il-ħsara lill-PN mhux se jkun fadallu post fil-Partit Il-Kunsilliera li ppreżentaw il-petizzjoni biex jissejjaħ il-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista u biex matulu jittieħed vot dwar il-Kap Adrian Delia, ħarġu stqarrija li fiha qed jisħqu dwar "manuvri" li, fi kliemhom, qed jagħmlu l-ħsara u joħolqu l-firda. Fost dawn, il-Kunsilliera Emvin Bartolo, Ivan Bartolo, Martin Musumeci u Emma Portelli Bonnici qed jisħqu li inqas minn ġimgħa qabel il-vot u erbat ijiem biss qabel l-early voting, għadhom ma rċevewx il-lista sħiħa tal-kunsilliera eliġibbli għall-vot "Il-lista li rċevejna għad għandha numru ta' lokalitajiet nieqsa u b'hekk mhix sħiħa. Hija wkoll nieqsa min-numru tal-identitá ta' kull votant. Jidher ukoll li d-data hija waħda antika u mhux aġġornata mar-reġistru elettorali, fejn nies li bidlu l-indirizz tagħhom snin twal ilu jidhru għadhom reġistrati fuq l-indirizz l-antik," saħqet l-istqarrija. Fi kliem il-Kunsilliera, dan qed isir apposta biex ma jkunux jistgħu jikkomunikaw mal-kunsilliera biex jgħaddulhom il-messaġġ tagħhom. Apparti minn hekk, huma saħqu li minn analiżi li għamlu, jirriżulta li fl-aħħar sena u nofs, minn wara li Delia sar Kap, tbiddlu madwar 500 kunsillier minn total ta' 1530. "Dan ifisser li tbiddlu xejn anqas minn 33% ta' dawn li jistgħu jivvutaw. Bla dubju dan ser ikollu impatt sostanzjali fuq ir-riżultat ta' din il- votazzjoni," spjegat l-istqarrija. "Fost dan it-tibdil hemm tibdil li jqajjem suspett jew li huwa inġust." L-istqarrija tisħaq li bosta kunsilliera li tneħħew, lanqas biss ġew infurmati li tneħħew. "Dawn kienu ilhom snin twal attivisti tal-partit u għamlu sagrifiċċji kbar għall-partit. Dawn tneħħew biex flokhom iddaħħlu nies bħal Julian Micallef, persuna tal-fiduċja ta' Adrian Delia li din il-ġimgħa ġie żvelat li huwa l-id moħbija wara numru ta' fake profiles li ntużaw fl-aħħar sentejn biex jattakkaw Deputati u saħansitra l-eks Kap tal-Partit stess," insistew il-Kunsilliera. L-istqarrija ssemmi wkoll każ ta' kunsillier li qalulu li m'għadux tesserat meta fil-fatt, għandu tessera mħallsa għal għomru. "Dan it-taħwid fil-lista ta' kunsilliera ma jawgura xejn tajjeb għall- andament tal-votazzjoni u jirrifletti ħażin ferm fuq il-Partit innifsu. Dawn il-manuvri jġibu biss ħsara u firda," temmew jgħidu l-Kunsilliera. Francis Zammit Dimech iwieġeb... Intant, fi stqarrija, il-President tal-Kummissjoni Elettorali tal-PN, Francis Zammit Dimech, saħaq li l-lista kollha tal-votanti eleġibbli ġiet ivverifikata mill-Kummissjoni Elettorali. Saħaq li f 'dik il-kummissjoni hemm ir-rappreżentanza tal-fehmiet differenti fuq il-mistoqsija: 'Int trid li Adrian Delia jibqa' jmexxi l-Partit Nazzjonalista sal-elezzjoni ġenerali li jmiss?'. Spjega kif il-Kummissjoni kellha tivverifika li l-lista tal-kunsilliera hi dik valida sad-data tal-4 ta' Lulju 2019 meta ssejjaħ l-istess Kunsill Ġenerali u li l-Kummissjoni Elettorali "m'għandha ebda dritt tikkontesta kif il-kumitati sezzjonali tal-partit f 'Malta u Għawdex ikunu għażlu l-kunsilliera biex jirrappreżentaw id-diversi bliet u rħula fl-istess Kunsill Ġenerali." Zammit Dimech fakkar li l-Kummissjoni Elettorali qed tagħti sa nhar it-Tlieta 23 ta' Lulju f '12.00pm opportunità biex jekk hemm min iħoss li għandu dritt jidher fil-lista tal-kunsilliera tal-partit u mhux qiegħed f 'dik il-lista, jista' jikteb lill-Kummissjoni u l-Kummissjoni Elettorali tagħmel il-verifiki meħtieġa Apparti minn hekk, il-Kummissjoni qed tagħti wkoll ċans sa nhar l-Erbgħa 24 ta' Lulju f '12.00pm biex min għadu ma ħallasx it-tessera tiegħu għal din is-sena jagħmel hekk bil-kumdità kollha, jew online jew fid-Dar Ċentrali tal-PN. "Naturalment jekk hemm xi persuni li diġà ħallsu t-tessera tagħhom jistgħu jagħtu prova tat-tesserament tagħhom u r-records meħtieġa jkunu aġġornati, fil-ħin qabel tibda l-votazzjoni," temm jisħaq Zammit Dimech. 'Irridu nbiddlu l-bsaten fir-roti, f 'opportunità' - Adrian Delia 'Tibdil fost Kunsilliera tal-PN huwa inġust u jqajjem suspett'