Illum previous editions

ILLUM 25 August 2019

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1159829

Contents of this Issue

Navigation

Page 12 of 31

13 isiru programmi dwarhom, huwa qal li, "jekk dan huwa l-każ, kollox għandu jibqa' fil-Qorti. Il-każ ta' Liam Debono kulħadd iddiskutieh f 'kull programm. Imbagħad għax konna se nagħmlu 20 minuta intervista aħna u li ma kellha xejn x'taqsam mal-proċeduri legali, ma tawniex permess." "M'għandniex nisimgħu n-naħa tiegħu?" Jistaqsi Peppi, "irridu noqogħdu attenti meta nużaw l-argument li l-każ qiegħed sub judice għaliex il-każ ta' Daphne Caruana Galizia wkoll jinsab sub judice." Apparti minn hekk, skontu, dan l-argument huwa perikoluż għaliex jista' jiġi applikat f 'każijiet fejn ikun hemm xi ħadd fil-poter li qed jiġi investigat u jagħlaq ħalq il-midja b'dan l-argument legali. Jipproponi ħabs b'forma ta' sptar minflok ħabs 'vendikattiv' Mal-ILLUM Azzopardi jmur pass oltrè u jipproponi sistema oħra li skontu jekk tkun applikata tnaqqas ir-rati kriminali f 'Malta. "Hi vendikazzjoni li l-priġunieri, f 'din is-sħana kattiva, m'għandhomx aircondition. Hi sitwazzjoni insaportabbli li jagħlquk ġo kamra bla ebda tieqa jew bieb għal barra u jħalluk hemm 12-il siegħa bla nifs. Din qed tikkawża ħsara fiżika u mentali kbira lill-priġunieri," qal Azzopardi. Għalhekk huwa jipproponi li aggressur għandu mhux jiġi kkastigat iżda jmur ġo sptar fejn tim ta' nies jgħinuh jfieq mill-marda soċjali tiegħu. "Noħdulek il-libertà iva, iżda f 'dan l-isptar issib l-imħabba u titgħallem tħobb lilek innifsek u taħfer lilek innifsek. Jekk jiġri hekk jonqsu ħafna u ħafna reati. Jiena qed nitkellem favur il-vittma meta nipproponi din is-sistema," qal Azzopardi. Fuq din hu jżid jgħid li, "ħafna nies jeħduha kontrija imma dan sakemm xi ħadd mill-familja tagħhom jispiċċa l-ħabs. Imbagħad kollha jiġu jkellmuni biex ngħinhom." 'Full-up għal min hu batut u mhux għal min hu sinjur' Naqilbu d-diskors u nitkellmu fuq il-kwistjoni tal-immigrazzjoni. Hekk kif f 'dawn l-aħħar xhur din il-problema baqgħet tiddomina l-politika lokali u Ewropea. Bħala persuna sensittiv għar- realtajiet tal-immigranti suġġett li fil-fatt tkellem dwaru bosta drabi, nistaqsih jekk għandhomx raġun il- Maltin igergru fuq in-numru kbar ta' immigranti li qed jidħlu Malta, pajjiż daqs naqra. Huwa jkun pront jgħid, "hi oxxenità kbira li nħallu lil ħutna l-immigranti bejn sema u ilma jistennew il-mexxejja tal-Ewropa jilagħbu ċ-ċess bin-nies f 'nofs ta' baħar, li bil-mod qed isir ċimiterju." Azzopardi jqabbel u jgħid, "ngħidu li Malta full-up imma mbagħad, immaġina ġo nofs dik id-dgħajsa jqum immigrant u juri li għandu miljun ewro, kieku mill-ewwel jiġu ta' Henley and Partners jgħabbuh fuq id-dgħajsa u f 'kemm ilni ngħidlek jagħtuh iċ-ċittadinanza, lilu u lill-familja tiegħu kollha. Allura fit-tbatija għandhom ikunu l-flus li jiddeċiedu nilqgħuhomx jew le?" temm jistaqsi l-preżentatur. Apparti minn dan, huwa jgħid li Malta m'għandhiex toqgħod tistenna r-reazzjonijiet ta' stati membri oħra biex issalva u ddaħħal in-nies ġewwa pajjiżna. "Jekk inkun fuq bajja u nara persuna qed tegħreq, jien naqbeż għaliha biex insalvaha u mhux nistenna lill-oħrajn jaqbżu biex isalvawha." Fl-ambjent sejrin għall-aħjar jew għall-agħar? Tema oħra li bilfors ridna niddiskutu waqt din l-intervista kienet l-ambjent hekk kif fid-90ijiet Peppi kien wieħed mill-fundaturi tal-moviment tal-Alternattiva Demokratika. L-ILLUM staqsietu x'jaħseb fuq l-istat ambjentali f 'Malta. Imxejna 'l quddiem jew sejrin għall-agħar? Huwa jisħaq li, "għandna problemi serji u jiddispjaċini għax l-aktar li jbatu huma t-tfal tal-ħaddiema li qatt ma siefru. Jien nemmen li dan għandu jkun servizz soċjali, imma dik hi kwistjoni oħra. Mela hawn Malta jibnu, jgħollu u jħassru l-ambjent. Imbagħad it-tfal tagħhom bil-flus li qed jagħmlu l-ġenituri, isiefru bl-ispeedboat u jaraw in-natura. L-oħrajn li ma jistgħux isiefru, joqogħdu hawnhekk iħarsu lejn il- bini," saħaq Azzopardi. Peppi mixtri? Fi tmiem din l-intervista ħtaft l-opportunità biex nistaqsi lil Peppi fuq waħda mill-aktar kritika popolari fil-konfront tiegħu. Xarabank dejjem mexa mad-daqqa ta' min hemm fil-Gvern? Taħt il-PN idoqq blu u issa aħmar? Mal-ILLUM huwa jagħmilha ċara, "li aħna jgħidu li mħallsin mill-istat meta fil-verità aħna nixtru l-'airtime'. M'għandna obbligazzjoni lejn ħadd, l-unika obbligazzjoni hi lejn in-nies." Apparti minn dan huwa jagħmlilna stedina u jgħid, "mur ara Xarabank ta' żmien il-PN u żmien il-PL dejjem għamilna l-programm kif hemm bżonn. U jien nagħmilha ċara; il-PBS qatt ma ndaħal, qatt ma kelli ndħil politiku. Però jekk ikolli, nagħmel konferenza stampa u ngħid li se nieqaf," saħaq Peppi. Żied jgħid ukoll li Reno Bugeja qatt ma ndaħal iżda huma kontabbli lejh. Finalment huwa reġa' tenna, "aħna ħadd ma jindaħlilna, madankollu aħna kontabbli. Fi 23 sena l-Awtorità tax-Xandir qatt ma sabitna żbilanċjati. Qatt ma ġew nies ikissru lil oħrajn fuq il-programm u qatt ma kellna libell. Aħna rbaħna l-premjijiet kollha, u dejjem fl-ogħla post fl-istħarriġ televiżiv. Aħna l-programm li ta vuċi lin-nies," temm jgħid Peppi Azzopardi. Intervista Il-Ħadd 25 ta' Awwissu 2019 | illum 'Xarabank… Kieku jkolli nwaqqfu'

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 25 August 2019